Pellegrinaġġi bl-istatwa ta’ Marija Bambina tal-Isla fi żmien ta’ għawġ nazzjonali

Il-Covid-19 se jżomm lill-Bambina maqfula fil-Bażilika tagħha fl-Isla iżda din ix-xbieha kemm-il darba nħarġet f'pellegrinaġġi, kif kellu jsir din is-sena, fi żmien ta' għawġ nazzjonali. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud minnhom

Sa minn meta l-istatwa ta’ Marija Bambina waslet fl-Isla fl-1618, il-qima u l-imħabba lejha ssuktaw joktru dejjem iżjed fost il-poplu Senglean. Lejn dik l-istatwa, kien hemm imħabba speċjali u l-artal li fuqhu kienet qed tinżamm, kien qed isir l-aktar wieħed għażiż fost l-artali kollha fil-knisja parrokkjali.

Tama f’Alla u f’Marija fi żmien il-pesta l-kbira

Malta mhux darba jew tnejn intlaqtet minn xi mxija qalilha. F’Diċembru 1675, il-minġel tal-mewt ħasad il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin fi flaġell ta’ pesta li, bi ħruxija kbira, laqat il-gżejjer Maltin.  

L-Isla tilfet madwar nofs il-popolazzjoni tagħha. Il-kleru tal-Isla, flimkien mal-Kappillan Dun Franġisk Azzopadri, offrew ħajjithom biex jgħinu lil kull min kien fil-bżonn. 

Dan wassal biex dsatax-il qassis fl-Isla mietu kawża tal-imxija.  

Is-Sengleani tefgħu ħarsithom lejn il-Verġni Marija u ntrabtu ħafna iżjed ma’ dik l-istatwa ta’ Marija Bambina. Mimlijin bit-tama li tismagħhom, talbuha bid-dmugħ f’għajnejhom. 

Huma wegħduha li jibdew jiċċelebraw għal dejjem ħmistax-il Sibt ħalli hi, bħala Omm tal-ħniena, tinterċedi għalihom quddiem Alla u tbiegħed minnhom flaġelli ta’ dik ix-xorta. 

Marija Bambina tinterċedi

Fl-1718 nixfa kbira waqgħet fuq il-gżejjer Maltin minħabba nuqqas ta’ xita. Mons. Ġakbu Canaves, Isqof ta’ Malta, b’digriet tal-1 ta’ April 1718, ordna lill-fratellanzi kollha ta’ Malta biex jagħmlu suffraġji għall-erwieħ tal-purgatorju u purċissjoni ġenerali votiva l-Ħadd, 10 ta’ April.  

Dun Fortunat Vella, Kappillan tal-Isla, iddeċieda li f’dak il-pellegrinaġġ tinġarr l-istatwa tant meqjuma ta’ Marija Bambina. 

Dan kien wieħed twil għaliex l-istatwa, bil-fratellanzi, flimkiem mal-kleru u l-poplu, ittieħdet sal-knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas, fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Waqt li l-pellegrinaġġ kien fi triqtu lura lejn l-Isla, għamlet ix-xita tant mixtieqa.  

L-istess flaġell ġara fl-1732 u din id-darba sar pellegrinaġġ bil-Bambina għall-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Għaldarboħra, Marija nterċediet quddiem Alla u lil missirijietna pprovditilhom abbundanza ta’ ilma fost il-ferħ u l-kuntentizza ta’ kulħadd.  

Iżda b’rabta ma’ dan l-istess pellegrinaġġ, jixraq li jitniżżel fatt straordinarju li twettaq mill-immaġni stess tal-Bambina. Il-ġrajja hija dwar mara fqajra li kienet toqgħod fil-konfini tal-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar. Din il-mara ma setgħetx twelled u saħansitra għamlet tliet ijiem sħaħ ta’ uġigħ u ta’ tbatija kontinwa. Il-każ ħoloq ansjetà kbira u l-aktar meta, skont il-ġudizzju tat-tobba, deher impossibbli li din il-mara tiġi meħlusa minn dak l-għawġ. 

Wara li hija għarfet li, fil-pellegrinaġġ lejn il-parroċċa tagħha, inġarret x-xbieha tant mirakoluża tal-Madonna, hija talbet bil-ħerqa sabiex, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa, ikun jistħoqqilha tiġi lliberat minn dak il-periklu terribbli.    

Hekk kif intemm dan it-talb mimli ħeġġa u waqt li l-purċissjoni qabdet triqtha lura lejn l-Isla, hija welldet kreatura ħajja fost il-kuntentizza u l-ammirazzjoni ta’ dak preżenti. Immadjatament, u b’ħajr ta’ din il-grazzja kbira, hija offriet iċ-ċirkett tagħha stess b’rigal lill-istatwa. F’dak il-waqt li fih dan iċ-ċurkett kien qed jitqiegħed fuq is-saba tal-Madonna, dan l-istess saba twessa’ waħdu minn postu biex ikun jista’ jilqa’ ċ-ċurkett. Meta l-poplu ra dan kollu jseħħ quddiemu, b’ferħ liema bħalu beda jfaħħar lill-Madonna u jgħajjat b’vuċi għolja ‘Viva Marija’.

“Ulied Belt Invicta laqgħuk bl-akbar ġieħ,

Għożżewk fil-qalb tagħhom, talbuk kullimkien:

Ħaristhom min-nixfa li tgħakkes bil-ġuħ,

Ħaristhom mill-pesta li tiżra biss dmugħ.”

(Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, Salve Regina, Mater Misericordiae)

Qima dejjem tikber lejn Marija Bambina

Il-protezzjoni ta’ Marija Bambina nħasset ferm fl-1757, meta l-gżejjer Maltin ġew mħedda minn terremot.

F’ġurnata minnhom, f’daqqa waħda nħass tvenvin ta’ rjiħat qawwija u tal-biża’. 

Dawk l-irjieħ ġabu magħhom ħsejjes li wasslu lil ħafna jbassru li kien se jseħħ xi terremot. 

Imbagħad ir-riħ waqaf u l-arja u l-lewn tas-sema kienu donnhom qed iħabbru li l-kbir kien għadu ġej. Wara jumejn, l-irjieħ qawwija reġgħu qamu b’forza wisq iżjed minn ta’ qabel. 

8 ta’ Settembru 1943: il-puċissjoni ftit wara li ħarġet mill-knisja tal-Portu Salvu fi Triq il-Vitorja (qrib ta’ Triq Sant’Anġlu).
8 ta’ Settembru 1943: il-puċissjoni ftit wara li ħarġet mill-knisja tal-Portu Salvu fi Triq il-Vitorja (qrib ta’ Triq Sant’Anġlu).

Saħansitra anke l-ħitan bdew jiġġarrfu. Bosta ħarġu minn darhom imwerwrin u fittxew kenn f’postijiet aktar żguri. Infetħu l-knejjes u ġie espost Ġesù Sagramentat u tkantat il-litanija tal-qaddisin b’tama qawwija li Alla jisma’ t-talb ħerqan u jbiegħed dak il-flaġell.

Waqt dik l-adorazzjoni u x’ħin il-poplu kien miġbur fil-knisja parrokkjali, il-Kappillan Dun Fortunat Vella, ordna li jsir pellegrinaġġ ta’ penitenza bl-istatwa ta’ Marija Bambina mill-knisja parrokkjali sal-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu tal-Isla. Il-pellegrinaġġ sar u matulhu ġie reċitat talb imħeġġeġ lil Alla biex, bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina, jeħles lill-gżejjer Maltin minn dak l-għawġ. 

Il-poplu nisrani tal-Isla ra id il-Mulej miegħu u xehed għall-interċessjoni qawwija tal-Madonna għaliex minn dak iż-żmien, ma nħassewx iżjed terremoti qawwija fil-gżejjer Maltin.

“Mill-mard tal-kolera, minn terremoti,

Li Alla bihom ried imiss qlubna,

Mard minn hawn tbiegħed, tgħeżżiż iċċassa,

Għax il-Bambina, dlonk semgħet talbna.”

(Stefano Sant’Angelo, Tifħir u Talb lil Ommna Għażiża, Marja Santissima fil-Jum tat-Twelid tagħha)

Ġrajjiet bħal dawn, maqjusa bħala mirakli, maqlugħin bl-intereċessjoni ta’ Marija Bambina, komplew kattru, fost il-poplu tal-Isla, il-qima lejn l-istatwa għażiża tagħha. Il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni li, għal ħafna snin, indukrat l-istatwa tal-Bambina meqjuma fuq l-artal tagħha, ħadet ħsieb li tirreġistra fil-manuskritti tagħha, partikolarment f’dak imsejjaħ Libro Vicende 1880 li jinsab fl-arkivju parrokkjali, kull grazzja li dehret tmur ’l hemm mill-qawwa tan-natura.

Il-Pesta tal-1813

Għaldarbaoħra, bejn Marzu u Mejju 1813, Malta ntlaqtet mill-pesta. B’ordni ta’ Mons. Ferdinandu Mattei, Arċisqof ta’ Malta, il-knejjes kollha nżammu magħluqa bil-ħsieb li l-periklu tal-pesta jinżamm ’l bogħod kemm jista’ jkun. Bliet u rħula diversi ntlaqtu minn dan il-gwaj, iżda mhux hekk il-belt tal-Isla. 

Veru li s-Sengleani għamlu kulma kien umanament possibbli biex iżommu ’l bogħod minnhom din il-marda. 

Imma l-isforzi tagħhom ma waqfux hemm għaliex huma ma naqsux li jintelqu għal kollox fil-ħarsien tas-sema. U t-talb tas-Sengleani verament instema’ għaliex l-Isla tabilħaqq inħelset u ħadd minn din il-belt ma ntilef b’din il-marda qerrieda. 

Fit-8 ta’ Awwissu 1813, il-kapitlu, il-kleru, il-Logutenent tal-Gvernatur, il-prefetti u s-segretarji tal-fratellanzi u xi persuni oħrajn, inġabru fil-knisja Kolleġġjata. Huma għamlu ħin ta’ talb flimkien quddiem Ġesù Sagramentat u, wara li semgħu l-kelma mħeġġa tal-Kanonku Dun Vinċenz Cachia, Arċipriet tal-Isla, huma ressqu sitt wegħdiet. Fil-bidunett tal-lista huma wiegħdu li jsir pellegrinaġġ ta’ darba, sal-knisja tad-Dumnikani tal-Birgu, bl-istatwi ta’ Ġesù Redentur u ta’ Marija Bambina. It-tieni wegħda kienet li jekk kemmildarba jiġri li l-purċissjoni li soltu ssir fil-festa tat-twelid tal-Verġni Marija titħassar minħabba l-maltemp, din issir f’ġurnata oħra. 

Fid-29 ta’ Jannar 1814, l-Arċisqof Mattei, permezz ta’ Ittra Pastorali, ħabbar li fil-knejjes kollha tad-Djoċesi għandha tiġi ċċelebrata quddiesa ta’ ringrazzjament talli l-epidemija kienet għaddiet. Il-poplu tal-Isla inġabar fil-Kolleġġjata biex irodd ħajr lill-Bambina. Fit-13 ta’ Mejju, l-Arċipriet Cachia avża lill-kapitlu, lill-kleru, lill-fratellanzi u lill-poplu li, jumejn wara, kienet ser tiġi mwettqa l-ewwel wegħda. 

Fil-15 ta’ Mejju 1814, wara l-kant tal-għasar, beda l-pellegrinaġġ lejn il-knisja tal-Lunzjata fil-Birgu. F’din il-purċissjoni, li fiha inġarru l-istatwi ta’ Santu Rokku, tal-Bambina u tar-Redentur, ħadu sehem il-fratellanzi u l-għaqdiet kollha tal-parroċċa. Fl-aħħar imxew il-kjeriċi, il-qassisin, u l-kanonċi. Il-purċissjoni tmexxiet mill-Arċipriet Cachia.

“Ġiet il-pesta fuq dil-gżira?

Ħaġa kbira!

Bliet u rħula ċċappsu biha,

L-Isla baqgħat bla mimsusa,

Għax meħlusa

Din l-Omm riedet lilna fiha.”

(Dwardu Cachia, Tifħir lil Marija fil-Jum tat-Twelid Tagħha) 

It-Tieni Gwerra Dinjija

Fit-3 ta’ Settembru 1939, l-Ingilterra u Franza daħlu fi gwerra kontra l-Ġermanja. Iċ-ċelebrazzjonijiet interni b’rabta mal-festa tal-Bambina saru b’solennità, iżda l-purċissjoni bl-istatwa ħadet il-forma ta’ pellegrinaġġ bir-reċita tar-rużarju mqaddes. Il-ġurnata fatali kienet l-10 ta’ Ġunju 1940 meta Mussolini ħabbar li l-Italja ddikjarat li daħlet fil-gwerra kontra l-alleati. Għall-festa ta’ Settembru ta’ dik is-sena, il-Bambina ma ġietx esposta fil-knisja u anqas ma saret purċissjoni.

Wara l-attakki tas-16 ta’ Jannar 1941, l-istatwa tal-Bambina tieħdet lejn il-Kolleġġjata ta’ Birkirkara. Kien ġej żmien li fih l-Isla saret ħerba u l-Bażilika tal-Bambina sfat imġarrfa kważi għal kollox. Minkejja l-ħsara u l-qtiegħ ta’ qalb, l-Arċipriet Kanonku Dun Manwel Brincat u l-kaptilu, b’tama u b’kuraġġ, iddeċidew li l-festa tal-Bambina, f’Settembru 1943, issir fl-Isla u fil-preżenza tal-istatwa ta’ Marija Bambina. Fit-8 ta’ Settembru 1943, bosta bkew quddiem il-ħerba ta’ darhom imma l-purċissjoni kienet bħal ftit ħin ta’ faraġ meta raw ħierġa mill-knisja tal-Portu Salvu, l-istatwa tal-Bambina.

Ritratt meħud bejn l-1921 u l-1930 li juri l-Bambina inkurunata u bl-artal quddiemha armata fil-Bażilika
Ritratt meħud bejn l-1921 u l-1930 li juri l-Bambina inkurunata u bl-artal quddiemha armata fil-Bażilika

Hekk kif il-Bambina kienet għaddejja mix-xatt, l-Ammirall Soprantendent tat-tarzna, wassal nota lill-Arċipriet biex jinfurmah li l-Italja Faxxista kienet ċediet bla ebda kundizzjonijiet. Dik il-purċissjoni qalb il-bini mwaqqa, ħadet forma ta’ pellegrinaġġ ta’ radd il-ħajr lil Alla li bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina sema’ t-talb tal-poplu u biegħed minn fuq il-gżejjer Maltin it-trapass tal-gwerra.

“Il-ħbit qered il-Belt tagħha,

’U il-Maqdes għażiż tagħha,

Il-Bambina u l-ulieda;

Fitxew kenn barra l-ibliet,

U l-Bambina tar-rebħiet,

Lil uliedha bl-ilfieq bkiet.”

(Mary Haber, Il-Bambina tar-Rebħiet)

Pellegrinaġġi fi żminijietna

Pellegrinaġġ ifisser mixja ta’ fidi. Li timxi wara xi ħadd ifisser li inti qed terħi lilek innifsek u tafda lil dik il-persuna li qed timxi warajha. F’dan l-aħħar mitt sena, meta l-parroċċa tal-Isla kienet qed tfakkar ġrajjiet importanti fil-ħajja tagħha, ġew organizzati sitt pellegrinaġġi li fihom inġarret l-istatwa għażiża ta’ Marija Bambina. 

Dawn saru fl-1921, 1957, 1981, 1996, 2007 u 2018 u lkoll bdew mill-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u ntemmu fil-Bażilika tal-Isla.

Din is-sena 2020, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, filwaqt li l-knejjes ingħalqu bħalma ġara fl-1813, il-festi titulari fil-parroċċi tagħna ġew iċċelebrati b’mod differenti ħafna mis-soltu. F’dan iż-żmien li lkoll għexna u għadna qed ngħixu minħabba din il-pandemija li laqtet lid-dinja kollha, tkun Marija Bambina dik li tmexxina minn dawn il-mumenti ta’ mard, solitudni u ansjetajiet li seta’ u jista’ jkollna f’dawn iż-żminijiet. 

“O Marija, O ħelwa Bambina,

Bħala Ommna minn qalbna ħtarnik;

Aktar minnek min qatt  jista’ jħobbna?

Tagħna t-tama wara Alla, biss fik.”

(Mons. Emmanuel Galea, Innu Popolari lil Marija Bambina)

More in Festi