It-tradizzjoni tal-offerta ma sseħħx iżda l-Imġarrin xorta offrew somma sabiħa lill-parroċċa

L-offerta ta’ din is-sena, bħall-offerti tas-snin ta’ qabel, tmur biex il-parroċċa tal-Imġarr tkompli tkun ta’ appoġġ għall-ħajja komunitarja

Ritratt ta' Lorraine Abela
Ritratt ta' Lorraine Abela

Kull sena, f'jum il-festa titulari, iċċelebrata Ħadd fuq il-15 ta' Awwissu, fl-Imġarr issir it-tradizzjoni, xi ftit jew wisq kontroversjali, tal-irkant għall-irfiegħ tal-vara ta' Santa Marija.

Din is-sena, kollox differenti. Ma sarx bħas-soltu. Mat-tokki ta' nofsinhar ħadd ma nġabar ħdejn l-istatwa tal-ġebel ta’ Santa Marija, għad-dell tal-kampnar. 

Madanakollu, l-Imġarrin żammew ħajja din t-tradizzjoni tal-offerta billi għal din is-sena ġabru bejniethom €5,000 u offrewhom lill-parroċċa.

"Hija l-qalb tajba tal-poplu Imġarri li tmur lil'hinn mill-kritika u l-istaġib ta' diversi li ma japprezawx li l-offerta għall-irfiegħ tal-vara mhux biss hija karatteristika tal-festa Imġarrija, imma kontribuzzjoni biex l-Parroċċa tkun tista’ tkompli bix-xogħol pastorali tagħha," saħqet il-parroċċa.

L-offerta ta’ din is-sena, bħall-offerti tas-snin ta’ qabel, tmur biex il-parroċċa tal-Imġarr tkompli tkun ta’ appoġġ għal-ħajja komunitarja.  

Ta' min isemmi wkoll li l-Parroċċa tal-Imġarr flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imġarr organizzat Foodbank biex jiġu ikunu jistgħu jiġi mgħejjuna dawk li minħabba l-pandemija tal-coronavirus spiċċaw bla xogħol.

More in Festi