Sajf bla baned, nar u armar iżda xejn ma jnaqqas mill-entużjażmu u l-ħidma tad-dilettanti tal-festa

Hekk kif normalment bħal dan iż-żmien id-dilettanti tal-festa jkunu fl-aqwa tal-ħidma tagħhom, il-gazzetta ILLUM żżur maħżen tal-armar, każin tal-banda u kamra tan-nar

Bla ma trid il-ħoss tal-banda jew ta’ xi murtal fil-bogħod mill-ewwel ifakkrek fil-ġranet sħan tas-sajf. Din is-sena, kollox se jibqa’ sieket. Il-baned mhux se jdoqqu, il-murtali mhux se jixegħlu s-sema u l-pavaljuni se jibqgħu biss iżejnu l-ixkafef tal-imħażen. Anke jekk ftit ftit qed noqorbu lejn dik imsejħa n-normalità ġdida, żgur li s-sajf 2020, bla festi, se jkun wieħed nieqes mill-kulur.

Anke jekk l-għaqdiet tal-festi rrispettaw id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, żgur li l-aħbar li l-festi mhux se jsiru ma kinitx waħda sabiħa għal eluf ta’ dilettanti li jaħdmu kull sena biex jagħmlu mill-festa maltija ċelebrazzjoni unika fid-dinja.

Minkejja li d-dħul għal dawn l-għaqdiet, li kollha kemm huma jaħdmu fuq bażi volontarja, waqaf kompletament matul dawn ix-xhur, ix-xogħol fil-każini, fl-imħażen u fil-kmamar tan-nar kompla daqslikieku ma kien xejn. It-tagħlim tal-mużika fil-każini tkompla b’mod virtwali, ix-xogħol ta’ restawr fuq l-armar tal-festa ma jistax jistenna u diversi kmamar tan-nar kellhom xorta waħda jxammru l-kmiem għax il-materjal kien laħaq inxtara.

Anke jekk tfisser spejjeż, il-festa tiġġenera wkoll l-ekonomija. Immaġina dak il-mużiċist li s-soltu jagħmillek sajf idoqq fl-orkestri u mal-baned fil-marċi, immaġina l-kuntrattur tad-dawl li jżarma raħal u jarma ieħor, immaġina lil dawk li jarmaw bil-gabbani tal-ikel u x-xorb, il-baned li jkunu mistiedna jdoqqu fil-festi ta’ rħulha oħra u l-kmamar tan-nar li jbiegħu ix-xogħol tagħhom lil festi oħra. 

Dwar dawn kollu, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tliet persuni li jagħmlu xogħol differenti iżda meta l-ħidma tagħhom tingħaqad flimkien, titwieled il-Festa.

‘Bqajna għaddejin ... mhux bħal qabel imma ma nafux noqogħdu kwieti’

Christian Raggio huwa l-persuna responsabbli mill-armar tal-festa ta’ San Lawrenz tal-Birgu. Mal-ILLUM spjega kif għalkemm id-dħul waqaf kważi kompletament, ix-xogħol fl-imħażen baqa’ għaddej daqslikieku l-festa se ssir.

Raggio spjega kif anke jekk l-attivitajiet kellhom jieqfu ħesrem, il-kumitat addattata l-ħidma tiegħu u ħarġu b’ideat innovattivi li ħallew il-frott u li minnhom setgħu jiġbru xi ħaġa, fosthom permezz ta’ servizz ta’ takeaway u anke tombli li organizzaw fit-toroq.

Apparti minn hekk żammew ukoll kuntatt mal-Ġirbin partitarji ta’ San Lawrenz permezz ta’ programm li qed jittella’ b’mod professjonali fuq il-midja soċjali.

“Ix-xogħol baqa’ għaddej b’mod partikolari fejn jidħol ir-restawr tal-armar,” saħaq Raggio, anke għax ħafna mix-xogħol isir b’mod volontajru mid-dilettanti stess. Baqa’ għaddej ukoll ix-xogħol ta’ ħjata fuq drapp ġdid li żżanżan fis-snin li għaddew u waqfu biss il-proġetti ġodda, anke jekk determinati li dawn jibdew malli r-rota terġa’ tibda ddur.

Fi kliemu, id-dilettanti qed jippjanaw li xorta waħda jlestu x-xogħol kollu li kellhom ippjanat din is-sena biex imbagħad mill-ewwel jibdew jaħdmu għas-sena 2021.

Għall-Ġirbin, din kellha tkun sena speċjali għax qed ifakkru t-tieni ċentinarju minn meta l-knisja ta’ San Lawrenz saret kolleġġjata. 

“Biss biss kellu jkollna tliet purċissjonijiet ta’ San Lawrenz. Kulħadd intlaqat ħażin imma aħna ħafna aktar,” saħaq Raggio. “Minkejja dan xorta bqajna għaddejjin. Il-Birgu huwa dak li hu. Wasal l-Ewwel Erbgħa u armajna l-bandalori fil-pjazza u l-bnadar fuq is-swar. Ma nafux noqogħdu kwieti.”

‘Għandna sentejn biex nibdew niġu fuq saqajna’

Omar Xuereb huwa l-Viċi President tal-Għaqda Każini tal-Banda u anke l-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja. Il-gazzetta ILLUM tkellmet dwar dak li esperjenzaw fl-aħħar xhur il-każini tal-banda iżda miegħu ħarset ukoll lejn ix-xhur li ġejjin u li s-soltu jkunu l-aktar impenjattivi għall-każini.

Waqt li saħaq li d-donazzjoni ta’ €200,000 li l-Gvern ta lill-Għaqda Każini tal-Baned għenet ħafna biex il-każini komplew bil-ħidma tagħhom, mal-ILLUM Xuereb saħaq li fadal ħafna biex dawn jerġgħu jirrankaw, b’mod partikolari fil-ġbir tal-fondi.

“Għandna sentejn biex nibdew niġu fuq saqajna. Lanqas l-2021 mhu se tkun sena normali għalina,” insista Xuereb.

Fakkar li dawn is-soċjetajiet mużikali jiddependu ħafna mid-donazzjonijiet tal-partitarji u anke mill-avvenimenti li jorganizzaw kontinwament matul is-sena liema attivitajiet bħalissa jinsabu wieqfa għal kollox.

“Ħafna jagħtuk donazzjoni fl-aħħar tax-xahar meta tidħilhom il-paga imma bħalissa huwa żmien diffiċli għal kulħadd,” insista Xuereb. “Anke biex titlob riklam jew sponsor. Tistħi tmur titlob riklam għall-ktieb tal-festa meta għandek in-negozji li qed ibatu biex jirkupraw.”

Ovvjament ġej is-sajf. Normalment ikun impenjattiv ħafna u jfisser dħul sostanzjali għall-każini mhux biss għax jiżdiedu l-attivitajiet fil-ġranet tal-festa tagħhom imma anke għax ikunu mistiedna jdoqqu f’diversi festi oħra.

“Se jkun sajf bla dħul ta’ xejn. Se jkun sajf tal-biża’,” insista Xuereb.

Iżda mhux kollox negattiv. Minkejja dawn id-diffukultajiet ix-xogħol fil-każini ma waqafx. Xuereb faħħar l-impenn ta’ ħafna żgħażagħ li xorta waħda raw x’jistgħu jorganizzaw biex almenu jdaħħlu xi ħaġa żgħira għall-każin li tant iħobbu u jaħdmu għalih.

Fi kliemu, 80% tal-każini tal-baned baqgħu wkoll għaddejin bit-tagħlim tal-mużika, anke jekk b’mod virtwali, servizz li joffru b’xejn lill-aljevi tagħhom.

“Kien hemm surmastrijiet u anke għalliema li offrew li jkomplu jagħmlu l-mużika mingħajr ma jitħallsu,” kompla jisħaq Xuereb.

Anke jekk il-festi din is-sena mhux se jsiru kif imdorrija bihom, ma jfissirx li l-kumitati tal-każini baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom. 

“Jekk l-entużjamu fil-każin naqas, ma jfissirx li l-ideat ma baqgħux ħerġin,” saħaq Xuereb waqt li semma kif l-Għaqda Każini tal-Banda żammet kuntatt b’mod virtwali mad-89 każin tal-banda f’Malta u Għawdex li huma membri tagħha.  “Bilkemm ma ngħidlekx li aktar ħarġu ideat għax kellna aktar ċans naħsbu.”

Ftit ftit issa l-każini tal-banda bdew jerġgħu jieħdu l-ħajja hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ingħataw il-permess biex jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Ingħataw il-permess li jiftħu wkoll il-banek tal-lottu li għal diversi każini tal-banda jfissru dħul.

Xuereb saħaq li ħafna mill-każini fetħu mill-ewwel għax il-kumitati u anke s-sidien tal-barijiet, fi żmien li l-każin kien magħluq, kienu ilhom jippreparaw u jħejju għal dan il-mument.

“Ovvjament l-attendenza tibda tiżdied ftit ftit. In-nies għall-bidu tkun għadha konxja,” temm jgħid Xuereb.  

‘Dħul ta’ xejn ... imma l-materjal kien laħaq inxtara’

Mario Zerafa huwa wieħed mill-membri tal-għaqda tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi. L-ILLUM tkellem tiegħu dwar il-ħidma tagħhom bħalissa u kif l-imxija tal-COVID-19 affettwat il-ħidma tagħhom.

Zerafa beda jisħaq li għad-dilettanti tan-nar, il-miżuri ta’ mitigazzjoni ma kienu xejn ġdid għalihom għax jippratikawhom ta’ kuljum.

“F’kamra tan-nar, il-miżuri li ttieħdu, trid tagħmilhom dejjem. F’kamra tan-nar aktar ma tkun waħdek aktar aħjar. Ilbies protettiv bħall-maskri u l-ingwanti għandek tilbishom dejjem. Ħafna minn dawn il-miżuri, ilna nużawhom fil-kamra tan-nar,” saħaq Zerafa.

Mistoqsi dwar ix-xogħol, Zerafa saħaq li bħala kamra tan-nar, anke jekk naqsu r-ritmu għax issa għandhom ħafna aktar ċans, ix-xogħol baqa’ għaddej. “Kważi kważi aħjar. Għax flok qed tagħmel ix-xogħol taħt pressjoni biex tlesti sal-festa, għandek aktar minn sena taħdem,” insista.

Iżda n-nar jista’ jinħażen? Ma jmisshomx waqfu? “In-nar jista’ jinħażen jekk ikollok kmamar tajbin u żżommu ‘l bogħod mill-umditajiet. Hawn min isemmi s-sħanat. Aktar perikolużi s-sajjetti milli s-sħanat,” spjega Zerafa. 

Anke hawn, waħda mill-problemi ewlenin li qed jiffaċċjaw huma l-finanzi għax għalihom bħalissa d-dħul wieqaf għal kollox. “Il-materjal kien laħaq inxtara ħafna qabel feġġet il-COVID-19,” kompla jispjega.

L-ILLUM staqsietu hux qed jippjanaw li jaħarqu xi nar f’Santa Marija anke għax il-Gvern ħabbar li se jingħataw permessi limitati għal ħruq ta’ nar.

“Santa Marija festa kbira. Xi ħaġa rridu naħarqu,” saħaq Zerafa anke jekk insista li wieħed irid joqgħod attent mill-ispejjeż la bħalissa d-dħul wieqaf.

Fil-fatt jikkalkula li bejn permessi u spejjeż oħra, jekk jisparaw lejliet u nhar Santa Marija fil-ħinijiet stipulati mill-Gvern, għandhom mal-€1,000. 

“Oqgħodu attenti. Jekk il-Bambin irid ma tkunx din is-sena, tkun is-sena d-dieħla biex ingawdu x-xogħol ta’ xulxin,” temm jisħaq Zerafa.

Meta se jiġu ċċelebrati l-festi f’Malta? Ħarsa lejn il-festi liturġiċi

Wara li l-Kurja tal-Arċisqof ħarġet direttiva biex din is-sena, ġaladarba mhux se jsiru l-festi esterni, il-parroċċi u l-knejjes kollha jiċċelebraw il-festa fil-jum liturġiku biss, jiġifieri fil-ġurnata propja li fiha l-Knisja tiċċelebra l-qaddis/a, il-gazzetta ILLUM qed tippubblika l-lista tal-festi liturġiċi li se jiġu ċċelebrati sal-aħħar tas-sena.

Ġunju

  • 7: Marsa - Trinita Qaddisa
  • 13: Birkirkara / Għajn Dwieli - Sant’Antnin
  • 14: Rabat – Corpus
  • 20: Burmarrad – Qalb ta’ Marija
  • 29: Rabat: Martirju ta’ San Pawl

Lulju

  • 16: Belt / Fgura / Balluta / Gżira / Żurrieq / Fleur de Lys / Imdina / Birkirkara – Madonna tal-Karmnu
  • 26: Wied il-Għajn -  Sant’Anna 
  • 26: Santa Venera – Santa Venera

Awwissu

  • 1: Birżebbuġa - San Pietru fil-Ktajjen
  • 6: Ħal Lija - Kristu Salvatur
  • 7: Ħamrun - San Gejtanu
  • 8: Valletta / Birgu - San Duminku
  • 10: Birgu: San Lawrenz
  • 15: Gudja / Ħal Għaxaq / Imqabba / Qrendi/ Ħ’Attard / Mosta/ Ħad-Dingli / Mġarr / Tas-Samra - Santa Marija
  • 18: Birkirkara - Santa Elena
  • 21: Santa Luċija - San Piju X
  • 22: Marsa - Marija Reġina
  • 24: Ħal Għargħur - San Bartilmew
  • 28: Valletta - Santu Wisitn

Settembru

  • 2: Tas-Sliema - San Girgor
  • 4: Gudja - Madonna taċ-Ċintura
  • 8: Naxxar / Isla / Mellieħa - Marija Bambina
  • 12: Ħaż-Żabbar - Madonna tal-Grazzja
  • 15: San Pawl il-Baħar - Marija Sultana tal-Martri

Ottubru

  • 7: Gudja - Madonna tar-Rużarju

Novembru

  • 6: Ħal Kirkop - San Leonardu
  • 11: Baħrija - San Martin
  • 22: Raħal Ġdid - Kristu Re
  • 25: Żejtun / Żurrieq - Santa Katarina
  • 30: Ħal Luqa - Sant’Andrija

Diċembru

  • 6: Siġġiewi - San Nikola
  • 8: Bormla / Ħamrun - Immakulata Kunċizzjoni
  • 14: Tax-Xbiex - San Ġwann tas-Salib
  • 27: Bidnija - Sagra Familja

More in Festi