Direttivi festi | L-Għaqda Każini tal-Banda tisħaq li kienet tistenna li jkun hemm djalogu magħha

Madanakollu insistiet li fiċ-ċirkostanzi preżenti taqleb mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa biex attivitajiet tal-massa ma jsirux, waqt li insistiet li s-saħħa tal-poplu tibqa’ dejjem l-akbar prijorità

Wara l-istqarrija tal-Konferenza Episkopali Maltija li tat direttivi dwar kif għandhom jiġu ċċelebrati l-festi matul din is-sena, l-Għaqda Każini tal-Banda saħqet li kienet “sorpriża” b’din id-deċiżjoni.

Fi stqarrija, maħruġa llejla, l-Għaqda Każini tal-Banda saħqet li kien tistenna li jkun hemm djalogu magħha u dan għax il-membri tagħha huma “stakeholders,” fil-festi u “għandhom post importanti fil-komunitajiet tagħna.”

L-Għaqda insistiet li fiċ-ċirkostanzi preżenti taqleb mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa biex attivitajiet tal-massa ma jsirux, waqt li insistiet li s-saħħa tal-poplu tibqa’ dejjem l-akbar prijorità.

Ilbieraħ, il-Konferenza Episkopali Maltija saħqet li għal din is-sena, il-festi kollha jkunu ridotti għal ġurnata waħda fejn isir pellegrinaġġ ta’ talb u radd il-ħajr bil-vara u fl-istess ġurnata ssir quddiesa tal-festa.

Ovvjament, dan jibqa’ dejjem jiddependi mis-sitwazzjoni fil-pajjiż u anke l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Illum, fi vlogg, l-Arċisqof spjega li d-deċiżjoni ttieħdet minn issa anke għax dawk involuti jkunu għaddejin bil-preparazzjoni tagħhom għall-festi filwaqt li appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd.

‘’Il quddiem, jekk ikun hemm żviluppi differenti u ġodda, lesti nirrevedu l-pożizzjoni tagħna,” saħaq l-Arċisqof.

More in Festi