Joseph Fili David | Ilha tindaqq 100 sena u tibqa’ l-mimmi ta’ għajnejn il-Ġużeppini

F'jum is-solennità ta’ San Ġużepp,  il-gazzetta ILLUM qed tippubblika t-tieni artiklu minn sensiela dwar l-aktar antifoni magħrufa fil-gżejjer Maltin. L-ILLUM tħares lejn l-antifona tas-surmast Carlo Diacono, Joseph Fili David, miktuba biex tindaqq fil-Knisja ta’ Sidtna Marija ta’ Ġesù tar-Rabat tal-Imdina fejn l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tiċċelebra bl-akbar solennità l-festa tal-Patrun tal-Knisja Universali. 

Fit-tieni artiklu mis-sensiela dwar l-antifoni, il-gazzetta ILLUM terħilha lejn il-parti magħrufa bħala r-Rabat tal-Imdina biex tisma’ u titpaxxa bl-antifona sabiħa Joseph Fili David, li ħarġet minn idejn Carlo Diacono u li din is-sena qed tagħlaq mitt sena minn meta ndaqqet għall-ewwel darba fil-festa ta’ San Ġużepp, anke jekk minħabba l-fatt li l-festa ġiet ikkanċellata minħabba l-coronavirus, din is-sena mhux se tkun qed tindaqq u tpaxxi lill-Ġużeppini.

Minkejja ż-żmien li għadda minn fuqha, din l-antifona, flimkien mal-innu popolari li ħareġ mill-pinna tal-istess Diacono, huma l-mimmi ta’ għajnejn mhux biss il-Ġużeppini Rabtin u l-Arċikonfraternità li torganizza l-festa, iżda tista’ tgħid tad-devoti kollha ta’ San Ġużepp imxerrda madwar Malta u Għawdex.

Kif għamlet fl-ewwel artiklu, dwar l-antifona Sancte Paole, tal-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn din l-antifona, tispjega l-karatteristiċi tagħha, tagħti ħarsa lejn il-ħajja tas-surmast li kitibha u għaliex le, tispjega xi tfisser bil-Malti wkoll.

Imma l-antifona x’inhi?

Fl-ewwel artiklu minn din is-sensiela dwar l-antifoni, il-gazzetta ILLUM spjegat xi tfisser antifona, iżda llum, għal dawk li ma qrawx l-ewwel artiklu, tajjeb li tibda billi terġa’ tispjega fil-qosor, id-definizzjoni u l-oriġini tal-antifona kif nafuha f’Malta.

Fi kliem sempliċi, antifona tfisser silta mużikali, li tindaqq mill-orkestra bil-kliem bil-Latin dwar il-qaddis jew il-qaddisa li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. L-antifona, fost oħrajn, tilqa’ l-vara malli tidħol lura fil-knisja wara l-purċissjoni.

Iżda kieku kellna nagħtu definizzjoni aktar iddettaljata u fonda ta’ antifona, irridu nħarsu lejn dik magħrufa bħala l-Liturġija tas-Sigħat, jiġifieri t-talb permezz tas-Salmi li l-Knisja tagħmel f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, bħalma huwa dak magħruf bħala l-Għasar, jiġifieri t-talba li l-Knisja tagħmel fi nżul ix-xemx.

L-antifoni huma versi qosra li jintroduċu s-Salmi waqt il-Liturġija tas-Sigħat. Normalment, dawn jitkantaw bil-Gregorjan.

L-antifona tal-festa x’aktarx li tittieħed (iżda mhux dejjem) mil-Liturġija tas-Sigħat, ġeneralment tkun dik ta’ qabel il-Magnificat tal-Għasar, anke jekk inqatgħet għalkollox minnha. Magħha x’aktarx li jkun żdied xi kliem u ma jitkantax bil-Gregorjan iżda b’orkestra u bi stil barokk. Fil-fatt, l-antifona kif jafuha l-Maltin ma ssibha mkien aktar.

Ma ninsewx li fi żminijiet l-imgħoddija, meta t-teatri kienu biss tas-Sinjuri, il-knejjes żviluppaw bħala t-teatru tal-poplu. Mhux ta’ b’xejn li l-antifona hija mlaqqma bħala “l-opra tal-fqar.”

Għalhekk, l-antifona fil-festi Maltin tista’ tkun deskritta bħala innu ta’ tifħir għall-patrun jew il-patruna. 

L-antifona Joseph Fili David

Il-kliem tal-antifona Joseph Fili David huma meħuda mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 

Fil-fatt, din tirrakkonta l-ewwel ħolma li kellu Ġużeppi, meta wara li Marija ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu kien iddeċieda li minflok ixandarha (xi ħaġa li kienet tfisser it-tħaġġir tagħha) jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

Iżda meta kien rieqed, skont l-Evanġelju ta’ San Mattew, lil Ġużeppi deherlu anġlu tal-Mulej jgħidlu biex jilqa’ lil Marija għax hi kienet qaltlu l-verità, jiġifieri li ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Għalhekk, l-antifona Joseph Fili David hija meħuda direttament, kelma b’kelma minn dan l-Evanġelu.

Dawn huma l-kelmiet tal-antifona Ġużeppina:

Latin: Joseph, fili David, noli timere accipere Mariam conjugem tuam: quod enim in ea natum est, de Spiritu Sancto est.

Malti: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġew mill-Ispirtu s-Santu.

Min kien Carlo Diacono?

Meta fid-9 ta’ Frar li għadda, il-gazzetta ILLUM ippubblikat l-artiklu dwar l-antifona Sancte Paole ta’ Maestro Paolo Nani, tkellmet ukoll dwar il-polemika li din ġabet magħha għall-fatt li meta wieħed jismagħha qisu qed jisma biċċa opra, tant li Nani, f’din l-antifona, jagħmel użu estensiv mill-istrumenti tar-ramm, li sa dak iż-żmien, ma tantx kienu popolari fil-knejjes.

Fil-fatt, influwenzat mill-istudji tiegħu f’Napli, Nani tista’ tgħid li ġab miegħu rewwixta fil-mużika sagra fil-knejjes Maltin u fil-fatt ħafna mix-xogħlijiet li Nani kiteb għall-knejjes li tahom kien maestro-di-capella, primarjament għall-Knisja tal-Karmelitani u l-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta, iżda mhux biss, jistgħu jitqiesu bħala opra sagra għall-foqra li ma setgħux jattendu t-teatri għax ma kellhomx mezzi.

Iżda dan l-istil ġdid li ġab miegħu Nani, ma niżilx tajjeb ma’ kulħadd, inkluż ma’ membri tal-kleru u dawn kważi kważi ngħataw raġun fis-sena 1903 meta l-Papa, illum qaddis, San Piju X, ippubblika Motu Proprio bil-għan li jirriforma l-mużika sagra u jagħmilha aktar adattata għall-knejjes.

Ta’ min isemmi li sa dak iż-żmien, il-mużika sagra fil-knejjes Maltin, kienu ddominati minn żewġ Cappelli, jiġifieri dik tal-familja Nani u dik tal-familja Bugeja.

Carlo Diacono
Carlo Diacono

Kien hawn li daħal fix-xena Carlo Diacono li kien wieħed minn dawk li kkonforma ma’ dan il-Motu Proprio u kien dan li wassal biex il-fama tiegħu nxterdet ma’ Malta kollha u diversi knejjes u parroċċi talbu s-servizz tiegħu. 

Fil-fatt, meta wieħed jisma’ antifona jew kompożizzjoni sagra oħra miktub minn Diacono u jqabbilha ma’ dawk ta’ Nani jew Bugeja, mill-ewwel jinduna bid-differenza. Fi kliem sempliċi u forsi mhux daqshekk tekniku, dawk ta’ Diacono huma aktar eleganti, xi ftit inqas elaborati u forsi aktar tal-widna, kif bla dubju ta’ xejn hija l-antifona Joseph Fili David.

Iżda ejja mmorru pass lura. Carlo Diacono twieled iż-Żejtun fl-1 ta’ April tal-1876. Minn meta kien għadu żgħir kien wera li l-mużika tinsab fih, forsi anke bis-saħħa ta’ missieru Grezzju li kien id-direttur tal-banda Beland.

Iżda Diacono kien influwenzat l-aktar mis-Surmast Paolino Vassallo li taħtu tgħallem u lil min għandu tista’ tgħid li kiseb il-pinna eleganti li minnha ħarġu fost uħud mill-isbaħ antifoni li nsibu fil-gżejjer Maltin.

Vassallo kien wieħed mill-ewwel surmastrijiet li għamel tiegħu dan il-Motu Proprio u dan għoġob lill-Kapitlu Metropolitan li ħatru maestro-di-cappella tal-Katidrali tal-Belt u l-Imdina.

Għalhekk, ma setax jonqos, li Diacono, student tiegħu, isegwi l-passi tiegħu. Kienu diversi dawk il-knejjes li għażlu x-xogħlijiet ta’ Carlo Diacono u talbuh ikun il-maestro-di-capella tagħhom. 

Fil-fatt, Diacono beda jkun mistieden jesegwixxi l-mużika tiegħu f’diversi parroċċi u beda jmexxi l-mużika fil-festi ta’ Ħ’Attard, il-Birgu, Bormla, fil-knejjes tat-Tereżjani f’Birkikrara u f’Bormla, f’Ħal Għaxaq, l-Imqabba (Tal-Ġilju), l-Isla, il-Kalkara, Ħal Lija, Marsaxlokk, il-Qrendi, San Pawl, San Ġużepp u Santu Wistin tar-Rabat u San Filep u San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ, fost oħrajn.

Ma jistax jonqos li Diacono ma jinħatarx ukoll maestro-di-capella tal-parroċċa ta’ raħal twelidu.

Kien hawn li Diacono waqqaf il-cappella tiegħu. Meta fl-1923 miet Paolino Vassallo, Diacono nħatar ukoll maestro-di-capella tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina u l-Kon Katidral ta’ San Ġwann tal-Belt Valletta.

Carlo Diacono miet f’Ħal Lija fil-15 ta’ Ġunju tal-1942, meta kellu 66 sena.

Il-kompożizzjonijiet tiegħu qalgħu tifħir minn surmastrijiet u kompożituri famużi, anke barranin, foshtom Lorenzo Perosi li kien qallu: “Il-mużika tiegħek hija ta’ għajnuna fid-dwejjaq tiegħi.” Fil-fatt, ix-xogħlijiet tiegħu ġew eżegwiti anke barra minn Malta, fosthom f’Londra, Ruma u l-Kajr.

Fost ix-xogħlijiet l-aktar magħrufa tiegħu nsibu l-opra “L’Alpino,” l-oratorju “San Paolo a Naufrago” u “Messa di Gloria Eb Major.” Dan biex ma nsemmux l-antifoni popolari li huwa kiteb u diversi kompożizzjonijiet oħra li għadhom sal-lum jintużaw fil-liturġija fil-ġranet tal-festa ta’ diversi knejjes Maltin u Għawdxin.

Wara mewtu, il-Cappella Diacono, għaddiet f’idejn ibnu Frank Diacono. 

Mitt sena tidwi fil-Knisja ta’ Ġieżu...

Kif spjegajna, isem il-familja Diacono huwa marbut mal-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina, b’mod partikolari għal żewġ kompożizzjonijiet sbieħ u popolari, jiġifieri l-Innu Popolari lil San Ġużepp u l-antifona Joseph Fili David.

F’intervista li l-mibki Frank Diacono kien għamel mas-Sur Anthony Casha, illum Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, huwa jitkellem dwar dawn iż-żewġ kompożizzjonijiet, partikolarment dwar l-antifona.

Diacono jispjega kif missieru kien kiteb din l-antifona fis-27 ta’ Lulju tal-1919. L-ewwel darba li din indaqqet kien lejlet il-festa ta’ San Ġużepp, jiġifieri fit-18 ta’ Marzu tal-1920, waqt it-tranżlazzjoni solenni tar-relikwa, qabel l-Ewwel Għasar solenni tas-solennità ta’ San Ġużepp.

Sfortunatament, minħabba li l-festa kellha titħassar, nhar il-Erbgħa 18 ta’ Marzu, fil-jum li fih tagħlaq 100 sena minn meta ndaqqet għall-ewwel darba, din l-antifona mhux se tinstema’.

Spjega kif din l-antifona, Diacono kien għamilha apposta u speċifika li din għandha tindaqq lejlet u nhar il-festa ta’ San Ġużepp.

Fil-fatt, ġeneralment, knisja jkollha aktar minn antifona waħda. Ikollha antifona jew aktar li jindaqqu fil-ġranet tan-Novena jew it-Tridu, filwaqt li l-antifona prinċipali jindaqqu lejlet il-festa, waqt it-tranżlazzjoni tar-relikwa u nhar il-festa ġeneralment tindaqq wara l-Quddiesa solenni tal-paniġierku u fid-dħul tal-purċissjoni.

“Tant hu hekk, li meta għadda ż-żmien, u jiena ġejt biex nidderieġi l-mużika tat-tridu tal-festa tagħkom fir-Rabat, jiena kont indoqq l-Antifona ta’ San Ġużepp li l-papà tiegħi kien ikkompona għall-festa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara,” kien spjega Diacono.

Il-Cappella Diacono
Il-Cappella Diacono

Stil idjomatiku ma’ dak ta’ Diacono

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Surmast Ray Sciberras li llum għandu f’idu l-bakketta tal-Cappella Diacono. Sciberras iddeskriva din l-antifona bħala waħda mill-isbaħ antifoni li kkompona Diacono.

Fi kliemu, l-istil tagħha huwa idjomatiku ħafna mal-istil ta’ Carlo Diacono u nnota fiha xebh ma’ antifona oħra popolari ta’ Diacono, jiġifieri dik li kkompona għal Santa Katarina, il-Patruna ta’ raħal twelidu, Prudens et Vigilans.

Fil-fatt, din l-antifona għandha ‘t-tliet taqsimiet’ li ġeneralment huma komuni fl-antifoni kollha ta’ Carlo Diacono. Sciberras innota kif din tibda b’mod festiv ħafna u kważi kważi tirrifletti l-entużjasmu li jkun hemm fil-knisja malli l-istatwa tiddaħħal lura wara l-purċissjoni. 

It-tieni taqsima, dik tan-nofs, tkun aktar kalma u titkanta solo minn baxx jew baritonu. It-tielet u l-konklużjoni tal-antifona hija rikapitulazzjoni tal-bidu festiv tagħha.

Hawn ta’ min jinnota li għall-kuntrarju tal-maġġornaza assoluta tal-antifoni, dik Ġużeppina ma tispiċċax bl-Hallelujah u dan għax id-19 ta’ Marzu, jaħbat dejjem fir-Randan.

Sciberras jinnota wkoll li ħdejn xogħlijiet oħra ta’ Nani, anke xogħlijiet mhux daqstant magħrufa, din l-antifona mhijiex daqshekk impenjattiva biex wieħed idoqqha.

Fi kliemu, dan ma jnaqqax xejn mill-preġju u s-sbuħija tagħha. Fi kliemu, antifona tkun ħafna isbaħ meta n-nies tkun tafha u tkanta magħha.

“Il-Ġużeppini Rabtin jafuha u jkantaw magħha u dik, għalija, tagħmilha isbaħ u aktar speċjali,” insista Sciberras.

Liema antifona jmiss?

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’din is-sensiela ta’ artikli dwar l-antifoni f’April li ġej, hekk kif fit-tieni Ħadd fuq l-Għid il-Kbir, il-Furjana tiċċelebra l-festa ta’ San Publju, l-ewwel Isqof ta’ Malta.

Għalhekk, nhar il-Ħadd 26 ta’ April, l-ILLUM tesplora l-antifona O Melitae Digna Proles tas-Surmast Vincenzo Bugeja, antifona li żgur ma ssibha mkien ieħor madwar id-Dinja, għax dik ta’ San Publiju hija festa li hija ċċelebrata biss u bl-akbar għożża mill-Knisja f’Malta.

More in Festi