Il-Purċissjoni tal-Misteri terġa’ tingħata l-ħajja fil-Birgu wara aktar minn 50 sena

Fl-ewwel minn sensiela ta’ artikli matul dan ir-Randan, il-gazzetta ILLUM iżżur il-Birgu fejn qed jerġgħu jingħataw il-ħajja diversi tradizzjonijiet antiki marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa

L-istatwa tal-Ort fl-ewwel Purċissjoni tal-Misteri wara ħafna snin Ritratt ta' Gabriel Treeby Coleiro
L-istatwa tal-Ort fl-ewwel Purċissjoni tal-Misteri wara ħafna snin Ritratt ta' Gabriel Treeby Coleiro

Ir-Randan daħal ġmielu. Għall-Insara huwa żmien ta’ ġabra, ta’ riflessjoni u ta’ preparazzjoni għall-Għid il-Kbir. Iżda daqstant ieħor, partikolarment għall-Maltin, huwa żmien miżgħud bi tradizzjonijiet li jinżlu għasel ma’ ħafna dilettanti, partikolarment dawk li għalihom, ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa huwa l-isbaħ żmien tas-sena.

Fl-ewwel minn sensiela ta’ artikli sal-Għid il-Kbir, il-gazzetta ILLUM niżlet il-Birgu fejn il-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira reġgħet tat il-ħajja lil tradizzjoni li kienet ilha mejta ’l fuq minn 50 sena, jiġifieri l-purċissjoni tal-misteri.

Għal min hu midħla taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jaf li kull Ġimgħa fir-Randan huwa ddedikat lil wieħed mill-ħames misteri tat-tbatija, jiġifieri l-orazzjoni fl-Ort tal-Ġetsemani, il-flaġellazzjoni, l-inkurunazzjoni bix-xewk, it-tgħabbija bis-salib u l-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib. L-aħħar Ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, issir imbagħad it-tifkira devota ta’ Marija Addolorata, jew id-Duluri kif insibuha l-Maltin.

Fil-fatt, f’diversi knejjes li għandhom il-vari tal-Passjoni, il-vari ma jinħarġux kollha f’salt, iżda jinħarġu waħda waħda kull ġimgħa. F’dari, kull nhar ta’ Ġimgħa, kienet issir il-purċissjoni tal-misteri, jiġifieri kull nhar ta’ Ġimgħa kienet toħroġ purċissjoni b’dik il-vara li tirrappreżenta l-misteru li f’dik il-ġimgħa jkun qed jiġi mmedidat.

Biex nagħtu eżempju, fl-ewwel Ġimgħa tar-Randan kienet tinħareġ il-vara tal-Ort, fit-tieni Ġimgħa l-Marbut, fit-tielet Ġimgħa l-Ecce Home, fir-raba’ Ġimgħa r-Redentur u fil-ħames Ġimgħa l-Vara l-Kbira, kif insejħulhom aħna l-Maltin. 

Din it-tradizzjoni kienet popolari b’mod partikolari l-Belt Valletta, ir-Rabat u anke fil-Kottonera, iżda maż-żmien inqatgħet u l-vari, anke jekk mhux kullimkien, kienu sempliċiment jinħarġu waħda waħda fil-knejjes, iżda minn din is-sena, fil-Birgu, din it-tradizzjoni reġgħet ingħatat il-ħajja.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Joseph Schembri, wieħed mill-organizzaturi taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Birgu li spjega kif din it-tradizzjoni kienet ilha snin li nqatgħet, tant li fi kliemu, lanqas ħafna mill-anzjani fil-Birgu ma jiftakruha. 

Spjega kif meta din il-purċissjoni kienet għadha ssir, il-vari kienu jitniżżlu mill-Oratorju tal-Kurċifiss sal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fejn kienet tkun iċċelebrata quddiesa, iżda l-istatwi ma kinux jitħallew fil-Knisja u kienu jerġgħu jittellgħu lura u jintrefgħu fin-niċċa tagħhom biex imbagħad kienu jitniżżlu kollha f’salt u jintramaw nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, jiġifieri l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Dan kien isir minħabba l-Kwaranturi Solenni (jiem ta’ adorazzjoni), li fil-Birgu għadhom sal-lum il-ġurnata jibdew nhar Ħadd il-Palm u jkomplu sat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa. Imkien aktar f’Malta ma ssib Knisja li tiċċelebra l-Kwaranturi f’dawn il-jiem. 

Anke jekk dawn għadhom isiru sal-lum, il-vari ma għadhomx jerġgħu jittellgħu lura fl-Oratorju, iżda jitħallew armati fil-knisja, biex hekk, ftit ftit din tilbes il-libsa tal-Ġimgħa Mqaddsa.

“Anzjan li jiftakar dawn il-purċissjonijiet irrakkontalna dak li kien isir u ħadna interess u ddeċidejna li nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-purċissjoni tal-misteri,” spjega magħna Schembri.

Hawnhekk ta’ min isemmi kif tradizzjonalment, is-settijiet tal-vari tal-Ġimgħa Mqaddsa kienu jirrappreżentaw biss dawn il-misteri u anke x-xbieha ta’ Marija Addolorata. Maż-żmien żdiedu vari oħra, inkluż il-Veronika u Kristu Mejjet, jew il-Monument kif insibuh aħna l-Maltin. 

Illum l-aktar settijiet tradizzjonali huma dawk tal-Belt, il-Kottonera u r-Rabat. F’lokalitajiet oħra żdiedu wkoll aktar vari, bħal ngħidu aħna l-Aħħar Ċena f’Ħal Qormi, id-Difna f’Raħal Ġdid u l-Katidral ta’ Għawdex, jew l-Inżul mis-Salib fil-Qala.

Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro
Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro
Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro
Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro
Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro
Il-purċissjoni bit-tieni misteru. Ritratti ta' Gabriel Treeby Coleiro

Allura x’qed isir fil-Birgu?

Joseph Schembri spjegalna kif kull nhar ta’ Ġimgħa, fis-6:00pm, qed tinħareġ il-vara li tirrappreżenta dak il-misteru li jkun qed jiġi mmedidat dakinhar u titniżżel proċessjonalment sal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz.

Mill-Oratorju tal-Kurċifiss, fejn l-istatwi jinżammu matul is-sena, il-purċissjoni titla’ lejn il-Pjazza u tinżel minn Triq Nestu Laiviera għall-Kolleġġjata fejn tkun iċċelebrata quddiesa.

Sa issa, inħarġu proċessjonalment l-istatwi tal-Ort u l-Marbut. Nhar il-Ġimgħa l-purċissjoni ssir bl-istatwa tal-Ecce Homo.

Schembri spjegalna kif il-Ġimgħa ta’ wara, il-purċissjoni se tkun qed issir bil-vara tal-Veronika, minħabba l-fatt li r-Redentur inħareġ purċissjoni nhar Ras ir-Randan u għalhekk diġà jinsab fil-Knisja.

Ir-Redentur bil-vestwarju l-ġdid
Ir-Redentur bil-vestwarju l-ġdid

Ikompli l-proġett tal-vestwarju l-ġdid

Għal min hu midħla tal-festi jaf li waħda mill-karatteristiċi tal-istatwi fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu hija l-fatt li l-istatwi huma mlibbsa vestwarju tad-drapp, fuq stil Spanjol.

Kemm l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, l-istatwa antika ta’ San Ġużepp u anke l-istatwi kollha tal-Ġimgħa l-Kbira huma mlibbsa bid-drapp.

Joseph Schembri spjega kif dan il-proġett tal-vestwarju l-ġdid fuq l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira beda s-sena li għaddiet.

Fil-fatt, is-sena li għaddiet, sar l-ilbies ġdid għall-istatwa tal-Veronika. Schembri kompla jispjega kif din is-sena qed jiżżanżan il-vestwarju l-ġdid tal-istatwi tal-Ort u tar-Redentur.

Il-Purċissjoni s-Sewda: ir-relikwarju antik li jintuża waqt il-Purċissjoni s-Sewda
Il-Purċissjoni s-Sewda: ir-relikwarju antik li jintuża waqt il-Purċissjoni s-Sewda

Aktar tradizzjonijiet li ngħataw il-ħajja

Iżda l-purċissjoni tal-misteri mhijex l-uniku tradizzjoni marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa li reġgħet ngħatat il-ħajja fil-Birgu.

Joseph Schembri fakkarna li s-sena li għaddiet, għall-ewwel darba wara 140 sena, fit-toroq tal-Birgu rritornat il-purċissjoni s-sewda, purċissjoni devozzjonali li ssir nhar l-Erbgħa tat-Tniebri b’relikwarju storiku li jinsab meqjum fil-Kolleġġjata tal-Birgu u li jkun espost biss ftit sigħat fis-sena.

Dan ir-relikwarju fih xejn inqas minn 20 relikwa relatati mal-passjoni ta’ Kristu.  Dan kien inġib Malta bis-saħħa tal-inkwiżitur Paolo Passionei. 

Fil-fatt, qabel niżel għall-ewwel darba fil-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, dan ir-relikwarju kien ittieħed fil-kappella tal-Palazz tal-Inkwiżitur minn fejn bdiet it-tranżlazzjoni.

Mis-sena li għaddiet, din il-purċissjoni reġgħet bdiet issir mill-istess Kappella sal-Kolleġġjata.

Oriġinarjament, f’din il-purċissjoni kienu jieħdu sehem l-iskjavi li kienu jaħdmu fuq ix-xwieni tal-Ordni ta’ San Ġwann.

More in Festi