Il-Ġużeppini Rabtin jilqgħu lura fosthom l-istatwa ta' San Ġużepp irrestawrata

Bħalissa l-istess vara tinsab meqjuma fil-Knisja tal-Karmelitani tal-Imdina qabel tittieħed lura fil-Knisja ta' Ġieżu nhar il-Ħadd li ġej

Nhar il-Ħadd li ġej, l-1 ta’ Marzu, il-Ġużeppini Rabtin se jkunu qed jilqgħu lura fosthom l-istatwa ta’ San Ġużepp li għadha kemm ġiet irrestwarata, fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp kien ipproklamat Patrun tal-Knisja Universali.

Ir-restawr fuq il-vara sar minn Horace Farrugia fl-Imdina. Fl-imgħoddu, San Ġużepp kien indurata min-nannu tal-istess induratur.

Għalhekk, l-istess statwa, mingħand l-induratur, niżlet ftit bibien l-isfel u bħalissa tinsab għall-qima tal-pubblika fil-Knisja tal-Patrijiet Karmelitani, iddedikata lil-Lunzjata fil-qalba tal-belt is-siekta.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu qed jintlaħqu matul dan tmiem il-ġimgħa.

Nhar is-Sibt, 29 ta’ Frar 2020, fis-7:30pm, se tibda velja ta’ talb fl-istess Knisja tal-Karmelitani.

L-għada, il-Ħadd l-1 ta’ Marzu, fid-9:00am se tibda quddiesa mmexxija mil-Provinċjal tal-Karmelitani, Patri Joseph Saliba O.Carm u fl-10:00am.

Wara, għall-ħabta tal-10:00am, se tibda purċissjoni mill-Knisja tal-Karmelitani għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat.

Matulha se jieħdu sehem il-fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, kif ukoll tal-Belt Valletta li jinsabu mwaqqfa fis-Santwarju u Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-patrijiet Franġiskani u Karmelitani, akkumpanjati b’daqq ta’ Innijiet mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam.

Matul il-purċissjoni se jinħaraq logħob tan-Nar mill-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu.

Matul il-purċissjoni ssir talb hekk kif l-istatwa tasal għall-ewwel darba quddiem il-Knisja Arċipretali u Kolleġjata ta’ San Pawl tar-Rabat, l-istess issir quddiem il-Knisja tal-Patrijiet Agostinjani u s-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa mill-Patrijiet Konventwali.

Il-Festa ad unur San Ġużepp tkompli sad-19 ta’ Marzu 2020.

Ta’ min isemmi li r-restawr ma sarx fuq il-vara biss. L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, li torganizza l-festa, ħadet ħsieb li jkunu rrestawrati wkoll in-niċċa ta’ San Ġużepp minn Agata Grima, James Saliba kien responsabbli mir-restawr tal-Bankun u l-Bradella, filwaqt li Tarcisio Cassar Gold-Silver Manufacturer and Restoration ħadu ħsieb jirrestawrat il-pedistall tal-fidda. 

Il-vara ta' San Ġużepp ġiet iddisinjata mill-wisq magħruf artista Taljan Luigi Fontana u nħadmet mill-Fabrika Franċiża Gallard et Fils ta' Marsilja, għad-dar ta' Mons. Paolo Pullicino.

Imbagħad meta Mons. Pullicino kien wasal fl-aħħar ta' ħajtu propju fl-4 ta' Marzu 1890, permezz ta' ittra rregala din l-vara lill-Arċikonfraternita ta' San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina li tagħha kien fratell u Protettur.

Nhar it-13 ta' Marzu 1890 Mons. Pullicino ħalla din id-dinja u nhar l-14 ta' Marzu 1890 din l-istatwa daħlet għall-ewwel darba fil-Knisja Santa Marija, ftit ħin qabel tbierket ġewwa l-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.

More in Festi