Taċ-Ċintura tniżżel is-separju fuq l-istaġun tal-festi fil-Gudja

Iżda l-festi għal taċ-Ċintura ma jispiċċawx hawn...

Tliet ġimgħat wara li ċċelebra l-festa tal-Madonna tar-Rużarju, ir-raħal tal-Gudja reġa’ qed jiċċelebra, din id-darba l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura.

Għall-partitarji tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta, il-festa ta’ din is-sena hija waħda speċjali hekk kif qed jiċċelebraw l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tas-soċjetà mużikali u l-75 sena mit-twaqqif tal-banda.

Il-gazzetta ILLUM niżlet il-Gudja biex tiċċelebra mal-Gudjani l-festa li tista’ tgħid tniżżel is-separju fuq l-istaġun tal-festi fil-Gudja, li b’kollox jiċċelebra bi kbir tliet festi Marjani.

Mitt sena ta’ storja iżda mhux biss...

L-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja taf il-bidu tagħha lis-sena 1919, iżda ta’ min isemmi li qabel, fil-Gudja diġà kien hemm iċ-Circolo Musicale Santa Marija, li kien twaqqaf fl-1883 iżda li minħabba diversi raġunijiet kellu jagħlaq il-bibien tiegħu fl-1915.

Madanakollu, fl-1919, erbat irġiel mill-Gudja, Abram Zammit, Loreto Theuma, Giuseppi Gatt u John Baldacchino bdew diskussjonijiet bil-għan titwaqqaf għaqda mużikali ġdida li tgħin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa, kemm dik titulari, jiġifieri ta’ Marija Assunta (Santa Marija) u anke l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura.

Fl-istess sena, jiġifieri fis-16 ta’ Mejju, infetħu l-bibien tal-binja li kellha sservi bħala s-sede taċ-Circolo Musicale Indipendenti.

Dik is-sena stess, is-Surmast Ferdinandu Falzon kien waqqaf orkestra.

Fl-1936, iċ-Circolo Musicale Indipendente biddel ismu biex issa beda jissejjaħ: Għaqda Mużikali Re Edwardu VIII.

Il-faċċata tal-każin u l-bandiera l-ġdida. Tidher ukoll l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura li tintuża fil-festa tat-tfal
Il-faċċata tal-każin u l-bandiera l-ġdida. Tidher ukoll l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura li tintuża fil-festa tat-tfal

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, is-sede tal-Għaqda Mużikali ngħatat lill-awtoritajiet ċivili biex fiha jingħataw kenn ir-refuġjati, wara l-ewwel attakki mill-ajru tal-11 ta’ Ġunju tal-1940.

Sentejn wara, jiġifieri fl-1942, il-binja ġarrbet ħsarat estensivi wara li ntlaqtet mill-bombi, tant li d-dokumenti kollha spiċċaw meqruda.

Ftit ftit, l-Għaqda Mużikali bdiet terġa’ tqum fuq saqajha. Fl-10 ta’ Settembru tal-1943, is-Surmast Anthony Micallef ingħata l-inkarigu biex tkun iffurmata banda li kienet inawgurata f’Awwissu tal-1944 biex l-għaqda mużikali reġgħet bidlet isimha għall-Każin tal-Banda Madonna tal-Konsolazzjoni.

Kien fl-1993, jiġifieri madwar 26 sena ilu, li l-Każin tal-Banda Madonna tal-Konsolazzjoni reġa’ biddel ismu għal dak tal-lum, jiġiferi l-Għaqda Mużikali Marija Assunta.

‘Viva l-Pupa ta’ Marsilja’ ... hekk jgħajtu taċ-ċintura

Bħal kull festa oħra ċċelebrata f’Malta u Għawdex, fiċ-ċentru ta’ kollox wieħed isib il-vara li tkun il-mimmi ta’ għajnejn il-partitarji.

Xejn inqas għall-partitarji tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja. “Viva l-Pupa ta’ Marsilja” tismagħhom jgħajtu malli l-vara tal-Madonna taċ-Ċintura tiċċaqlaq minn fuq il-bankun biex tibda t-triq tagħha madwar it-toroq tal-Gudja.

Il-vara tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja ġiet ordnata fis-sena 1890. Din inħadmet għand id-ditta ‘Galard et Fils’ ta’ Marsilja u minn hemm ġejja l-għajta li llejla tismagħha żgur jekk iżur il-purċissjoni fil-Gudja.

Il-vara tal-Madonna taċ-Ċintura
Il-vara tal-Madonna taċ-Ċintura

Ta’ min isemmi li anke jekk f’Malta kien hawn diversi artisti li ħadmu ħafna vari titulari mill-isbaħ, fiż-żmien li qed nitkellmu dwaru kien kiber l-interess f’dawn l-istatwi li kienu qed jinħadmu f’Marsilja.

Il-ħlewwa tagħhom bdiet tiġbed ħafna parroċċi, b’mod partikolari dawk Għawdxin biex jordnaw l-istatwa titulari tagħhom minn Marsilja. Fost dawn wieħed isib l-istatwa ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ, il-Madonna ta’ Loreto ta’ Għajnsielem, San Lawrenz ta’ Għawdex u oħrajn.

Wara li l-frattelanza tal-Madonna taċ-Ċintura kienet għamlet talba formali biex taħdem statwa tagħha u l-awtoritajiet tal-Knisja laqgħu t-talba, saret l-ordni, biex il-vara waslet il-Gudja sentejn wara, jiġifieri fl-1892.

Minn dakinhar baqgħet tinżamm b’tant għożża u devozzjoni fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija tal-Gudja.

Minn fejn ġejja d-devozzjoni lejn taċ-Ċintura?

Id-devozzjoni lejn il-Madonna, tant hija qawwija, kbira u mifruxa, li l-Knisja tiċċelebraha b’diversi titli differenti u li ħafna minnhom kienu mxerrda minn ordnijiet reliġjużi.

Il-Franġiskani xerrdu d-devozzjoni lejn l-Immakulata Kunċizzjoni, id-Dumnikani lejn il-Madonna tar-Rużarju, il-Karmelitani lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni, magħrufa wkoll bħala taċ-Ċintura, xerrduha l-Patrijiet Agostinjani. Hija devozzjoni antika ħafna. 

L-artal tal-Madonna taċ-Ċintura armat għall-festa
L-artal tal-Madonna taċ-Ċintura armat għall-festa

Skont it-tradizzjoni, il-Madonna, liebsa libsa twila sempliċi u b’ċintura tal-ġild mal-qadd tagħha dehret lil Santa Monika, omm Santu Wistin, li kienet għadha kemm tilfet ir-raġel u li kienet imnikkta ħafna bil-ħajja li kien qed jgħix binha li kien abbanduna t-tagħlim Nisrani li rabbietu fih.

Jingħad li f’din id-dehra, il-Madonna neħħiet iċ-ċintura minn ma’ qaddha u biex tikkonsla lil Monika tatha l-istess ċintura biex tilbisha hi. Talbitha biex tilbisha kontinwament biex tiftakar li hi tinsab kontinwament magħha.

Meta binha Wistin ikkonverta, ħeġġietu biex anke hu jilbes din iċ-ċintura.

Illum, iċ-ċintura hija simbolu tal-konsolazzjoni. Il-patrijiet Agostinjani jilbsuha ma’ qaddhom fuq it-tonka tagħhom.

L-Ordni Agostinjan jiċċelebra l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura fl-4 ta’ Settembru.

Bandier ġdida u xogħlijiet kbar fil-każin 

Biex ifakkru dawn iż-żewġ anniversarji importanti, il-partitarji tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta ma baqgħux b’idejhom fuq żaqqhom u l-ħidma, matul l-aħħar sena, ma waqfitx.

Il-President tal-Għaqda Mużikali, Omar Xuereb spjega mal-ILLUM li kif kien xieraq, sar xogħol kbir fil-każin, fejn fost oħrajn, it-taraġ imponenti tiegħu nkesa b’irħam ġdid.

Dettall mill-istandart prim tal-fratellanza
Dettall mill-istandart prim tal-fratellanza

Iżda x-xogħol ma waqafx sal-każin. Sadanittant il-voluntiera kienu qed jaħdmu fuq l-armar li jarma t-toroq tal-Gudja fil-ġranet tal-festa taċ-Ċintura, fosthom saru xi xogħlijiet il-kolonni tal-pilandri tal-pjazza u anke ġew irħamati mill-ġdid l-pilandri u t-trofej tat-triq biswit il-każin.

Apparti minn hekk, bħal-lum ġimgħa, iżżanżnet ukoll bandiera ġdida għall-każin, li d-disinn tagħha huwa tal-mibki Renzo Gauci.

Monument ġdid lill-Madonna taċ-Ċintura

Iżda Xuereb saħaq kif il-festi lanqas mhuma se jieqfu llum malli tidħol il-purċissjoni. Fil-fatt, l-Għaqda Mużikali Marija Assunta firxet l-attivitajiet tagħha matul is-sena kollha.

Fit-22 ta’ Ġunju li għadda organizzaw Programm Mużikali li ċċelebra dawn iż-żewġ anniversarji importanti u se tkun qed tkompli bl-attivitajiet tagħha anke f’Novembru, fejn fid-29 se ttella’ Akkademja Mużikali fil-Knisja.

Il-Madonna taċ-Ċintura waqt il-purċissjoni quddiem il-każin. Jidhru l-fratelli taċ-Ċintura u l-planċier tal-banda
Il-Madonna taċ-Ċintura waqt il-purċissjoni quddiem il-każin. Jidhru l-fratelli taċ-Ċintura u l-planċier tal-banda

Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu qed jagħlqu bil-kbir nhar it-8 ta’ Diċembru. 

Fi kliem il-President Omar Xuereb, dakinhar, f’jum l-Immakulata Kunċizzjoni, taċ-Ċintura se jiċċelebraw festa kbira oħra li se tkun qed tilħaq il-qofol tagħha bi kxif ta’ monument f’ġieħ il-Madonna taċ-Ċintura, fil-qalba ta’ Ġnien Raymond Caruana.

More in Festi