L-Għarb jiċċelebra l-festa ta' San Dimitri bi statwa ġdida u attivitajiet għal kulħadd

Marbuta ma' din il-festa hija l-leġġenda ta' San Dimitri li taffaxxina lil kull min jismagħha...

San Dimitri u l-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi
San Dimitri u l-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi

Nhar il-Ħadd li ġej, fl-Għarb Għawdex, se tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Dimitri, li fiha ftit minn kollox għal kulħadd.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar is-Sibt 19 ta’ Ottubru. Fis-7:00pm jibda korteo bl-istatwa ta’ San Dimitri bis-sehem tal-Banda Viżitazzjoni.

L-istatwa tiddaħħal fil-kappella għall-qima tal-pubbliku matul il-festa u wara se jsir BBQ fiż-żona tal-kappella.

L-għada, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew mill-11:00am ‘il quddiem, bil-fiera tradizzjonali li tkun tinkludi attivitajiet għal kulħadd, inkluż it-tfal.

Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-kappella jibdew fit-3:00pm, b’ċelebrazzjonijiet ta’ talb u kant f’ġieħ San Dimitri bis-sehem tat-tfal.

Se ssir rappreżentazzjoni tal-leġġenda marbuta ma’ din il-kappella u se tingħata wkoll tifkira lit-tfal kollha li se jattendu.

Fl-4:00pm tiġi ċċelebrata quddiesa u quddiesa oħra solenni tibda fis-6:00pm.

Fis-7:00pm, tinħaraq il-ħuġġieġa tradizzjonali.

Intant, matul dan tmiem il-ġimgħa, il-Kunsill Lokali tal-Għarb se jorganizza l-Festival Internazzjonali tat-Tajr, fl-inħawi tal-istess kappella.

Il-leġġenda ta' San Dimitri skont Joe Brincat

Il-leġġenda tgħid li waħda mara xiħa jisimha Natalizja Cauchi, mlaqqma Żgugina, kienet toqgħod qrib il-kappella flimkien mal-iben waħdieni tagħha li kien jismu Mattew. Dak iż-żmien il-kursari ta’ Barbarija kienu ta’ sikwit jaħbtu għal Għawdex, jinżlu għall-għarrieda, iħarbtu kulma jsibu, joqtlu, jaħarqu, u jġorru n-nies ilsiera.

Darba waħda niżlu l-art għall-għarrieda u daħlu għand Żgugina. Tefgħuha mal-art bil-herra, ħatfu lil binha, u ġrew bih għal fuq ix-xini tagħhom, u salpaw ’il barra minn xtutna.  Skont ir-rakkont tal-leġġenda ta’ Patri Ġużè Delia, bin Żgugina kien jismu Pawlu. Charles Fiott (“Towns and Villages of Malta and Gozo”) u oħrajn jagħtu ismu bħala “Mattew”.

L-imsejkna Żgugina, mifluġa bil-għali, marret tibki u tolfoq fil-kappella ta’ San Dimitri u bdiet titlob bil-ħerqa: “San Dimitri, San Dimitri, ġibli lura ’l ibni, u nixgħellek qasba żejt”.

San Dimitri semagħha għax dehrilha li qed tarah jiċċaqlaq fil-kwadru, u bid-daħka f’fommu ħareġ biż-żiemel b’kollox u telaq ilebbet minn fuq il-blat, u wara, fuq il-baħar, wara l-gifen Tork. Ftit wara reġa’ lura bit-tfajjel f’dirgħajh, u taħ lil ommu. Imbagħad reġa’ daħal fil-kwadru. Iżda l-marka tan-nagħal taż-żiemel baqgħet tidher fil-blat.  Interessanti ferm hu x-xebħ ta' din il-leġġenda ma' leġġenda simili fejn San Nikola Isqof ta' Myra isalva lit-tfajjel Bażilju mill-l-iskjavitù u jieħdu lura għand il-familja tiegħu wara li kien sarlu talb minn omm it-tfajjel.

Leġġenda oħra tgħid kif wara xi żmien, saret theżżiża tal-art, u l-blata li fuqha kienet mibnija l-knisja, inqalbet u għerqet fil-baħar. Il-knisja, iżda, għalkemm għerqet ukoll, baqgħet sħiħa taħt il-baħar, u l-baħrin u s-sajjieda ta’ spiss kienu jaraw tixgħel il-lampa ta’ Żgugina. Min jgħid li kienet tidher fuq l-art, u kien hemm min saħansitra jgħid li tidher taħt l-ilma.

Verżjoni oħra ta' din l-aħħar leġġenda tgħid li vapur waqaf fil-kosta fil-qrib u tefa' l-ankra hemm, ħdejn il-kappella.  Għal xi raġuni, l-ankra weħlet mal-qiegħ u ma setgħux itellgħuha.  Għalhekk, wieħed mill-baħrin qabeż fil-baħar u għodos biex jipprova jħillha.  Dan ma telgħax lura u baħri ieħor qabeż ukoll biex jara xi ġralu.  Wara ftit telgħu it-tnejn flimkien u rrakkuntaw 'l baħrin l-oħrajn mistgħaġbin kif f'qiegħ il-baħar raw il-kappella bil-lampa quddiem il-pittura għadha tixgħel.

More in Festi