Il-Bormliżi jiċċelebraw lil Santa Tereża fi knisja antika u storika mżejna b’kollox

Anke jekk mhijiex festa kif nifhmu aħna l-Maltin, l-ILLUM iżżur il-festa ta’ Santa Tereża ta’ Avila ċċelebrata f’Bormla llum

 

Bla dubju ta’ xejn, isem Bormla huwa magħqud ħaġa waħda mal-Immakulata Kunċizzjoni u l-festa li huma jiċċelebraw fit-8 ta’ Diċembru. Madanakollu, ftit jafu li fil-15 ta’ Ottubru, il-Bormliżi jiċċelebraw ukoll il-festa ta’ Santa Tereża ta’ Avila.

Il-festa ta’ Santa Tereża ta’ Avila tiġi ċċelebrata fil-knisja antika u storika ddedikata lilha u li hi mmexxija mill-Patrijiet Karmelitani Skalzi, magħrufa bħala t-Tereżjani.

Mhijiex festa kif imdorrija biha. Festa esterna ma ssirx u lanqas ma ssir purċissjoni iżda tiġi ċċelebrata festa interna bl-akbar solennità fi knisja mżejna minn kollox.

Bħal kull ħaġa li tmiss ma’ Bormla, anke din il-festa hija għal qalb il-Bormliżi u għalhekk l-ILLUM għażlet li żżur ukoll il-festa ta’ Santa Tereża ta’ Avila.

L-ewwel knisja fid-dinja ddedikata lil Santa Tereża

Qabel ġie spjegat kif l-ewwel quddiesa tal-Karmelitani Skalzi f’Bormla saret fuq is-sit fejn kellhom jibnu knisja u kunvent, 60 sena wara r-riforma Karmelitana ta’ Santa Tereża ta’ Avila (ara aktar dettalji dwar dan fl-istorja tal-qaddisa ’l quddiem).

Fil-fatt x’aktarx li dik f’Bormla hija l-ewwel knisja ddedikata lil Santa Tereża ta’ Ġesù.

Iżda l-kunvent tal-Karmelitani Skalzi f’Bormla huwa importanti wkoll għax għal madwar 150 sena serva bħala Kulleġġ Internazzjonali għall-Patrijiet Karmelitani Skalzi li xtaqu jmorru l-missjoni.

F’dan il-kunvent, il-missjunarji kienu jistudjaw il-lingwi. Hu mifhum li madwar 250 missjunarju rċieva l-formazzjoni tiegħu f’dan il-kunvent.

Il-knisja ta’ Santa Tereża

Jekk il-festa ta’ Santa Tereża issir fil-Knisja biss u ma jsirux ċelebrazzjonijiet esterni, ma jfissirx li d-dilettanti ma għandhomx x’jaraw.

Apparti s-solennità kbira li biha tiġi ċċelebrata din il-festa, il-knisja ta’ Santa Tereża hija ġojjell  fiha nnifisha u armata għall-festa fiha għaxqa.

F’Bormla, il-Karmelitani Skalzi ilhom mijiet ta’ snin. Fil-fatt dawn ġew Malta fl-1418 u bnew l-ewwel kunvent tagħhom fil-limiti tar-Rabat.

Madwar 60 sena r-riforma Karmelitana mmexxija minn Tereża ta’ Avika, il-Karmelitani Skalzi ċċelebraw l-ewwel quddiesa f’Bormla, fil-post fejn kellhom jinbenew knisja u kunvent.

Il-knisja hija mżejna b’diversi opri artistiċi mill-aqwa. Ma jistax jonqos li fi knisja tal-Karmelitani Skalzi, ma jkunx hemm artal iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu. Il-pittura x’aktarx li hija xogħol Mattia Preti jew il-Bottega tiegħu.

Giuseppi D’Arna pitter ukoll pittura mill-isbaħ li turi l-preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju.

Fil-knisja, wieħed isib skulturi importanti tal-injam, jiġifieri l-bust ta’ Marija Addolorata xogħol Mariano Gerada, Kristu Mejjet ta’ Xandru Farrugia, San Elija ta’ Pietru Pawl Azzopardi u statwa mill-isbaħ ta’ San Ġwann tas-Salib li x’aktarx hija xogħol l-iskultur famuż Spanjol Gregorio Fernandez.

Knisja armata sa snienha u kwadru titulari ġdid

Jekk it-toroq ta’ Bormla ma jintramawx għal din il-festa, għax iċ-ċelebrazzjonijiet isiru fil-knisja biss, il-knisja hija waħda armata sa snienha.

Huma ħafna dawk id-dilettanti li f’dawn il-jiem iżuru din il-knisja biex japprezzaw l-armar rikk li jżejjinha, ibda mid-damask li reġa’ sar mill-ġdid fl-aħħar snin u anke l-linef tal-kristall li trid seba’ għajnejn biex tarahom.

Dan apparti l-gandlieri, il-fjuretti, il-ventartali u r-rakmu li jżejnu kull rokna ta’ din il-knisja.

Ta’ min isemmi kif kemm id-damask il-ġdid, ir-restawr tal-linef u ħafna xogħol fil-ganutell, sar minn Patri Martin Borg, Karmelitan Skalz li għalkemm mhuwiex Bormliż ilu diversi snin jaħdem f’din il-knisja, biex flimkien ma’ ħutu l-patrijiet, iżommuha fl-aqwa stat possibbli.

Is-sena li għaddiet, din il-knisja kompliet tissebbaħ bi kwadru titulari ġdid li tpitter mill-artist żagħżugħ Għawdxi, Manuel Farrugia.

Din il-pittura l-kbira turi l-estażi ta’ Santa Tereża. Il-qaddisa hija mdawra b’għadd kbir ta’ anġli, il-Madonna u San Ġużepp li tiegħu kienet devota kbira.

Ftit ftit ukoll qed issir il-pittura tan-navi ta’ din il-knisja antika u storika.

Santa Tereża tinħareġ biss f’anniversarji importanti

Anke jekk il-vara ta’ Santa Tereża hija mżejna b’kollox u l-festa tagħha tiġi ċċelebrata bl-akbar solennità, nhar il-15 ta’ Ottubru ma ssirx purċissjoni.

Għalkemm, kif spjegat, il-festi interni jiġu ċċelebrati kull sena, il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santa Tereża ssir biss f’xi anniversarju jew ċentinarju importanti, kemm tal-Qaddisa jew inkella tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi, magħrufa bħala t-Tereżjani.

Fil-fatt, l-aħħar li saret purċissjoni bil-vara ta’ Santa Tereża kien propju fl-2015. Il-vara kienet ilha 33 sena ma tinħareġ iddur it-toroq tal-Belt Cospicua.

Erba’ snin ilu, saret il-purċissjoni, hekk kif l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi kien qiegħed jiċċelebra l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Tereża.

Ma għandniex xi ngħidu, meta ssir il-purċissjoni, il-Bormliżi jippreparaw bi ħġarhom għaliha. Tant hu hekk li fl-2015, il-vara ta’ Santa Tereża ddaħħlet ukoll fis-Santwarju Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Dan apparti li l-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni sellfet lill-Patrijiet Karmelitani Skalzi diversi oġġetti sagri tal-fidda li jintramaw u jintużaw fil-festa tal-Immakulata, fosthom il-gandlieri, l-appostli u anke l-ventartal tal-fidda tal-artal maġġur.

Min kienet Santa Tereża?

Santa Tereża ta’ Ġesù, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta’ Avila, twieldet fi Spanja fit-28 ta’ Marzu tal-1515. Il-familja tagħha kienet nobbli.

Omm Tereża mietet meta hi kellha biss 12-il sena. Tliet snin wara, oħtha l-kbira żżewġet u missierha daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani.

Wara sena u nofs, Tereża mardet u kellha tmur lura lejn id-dar. Kien fl-1535 li ddeċidiet li tidħol soru Karmelitana. Missierha, għall-bidu, ma xtaqx, iżda għaddiet tagħha.

Ftit wara l-professjoni tagħha, Tereża kienet maħkuma minn mar u anke nixfa fil-ħajja spiritwali li dwarha kitbet hi stess.

Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu wasslet għal bidla kbira ġo fiha. Marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha biex terġa’ tibda titlob. Kellha madwar erbgħin sena.

Tereża beda jkollha esperjenzi spiritwali profondi li nafu bihom għax kitbet dwarhom hi stess. Fost il-kotba l-aktar popolari tagħha wieħed isib ‘Il-Kastell Ġewwieni’ u ‘Il-Mixja tal-Perfezzjoni.’

Santa Tereża tibqa’ magħrufa l-aktar għar-riforma fl-Ordni Karmelitan bil-għan li ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta’ qabel.

Kien madwar is-sena 1560 li ġieha dan il-ħsieb u fl-1562, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San Josè f’Avila. Sitt xhur wara, hija marret tgħix ukoll f’dan il-monasteru fejn ġiet magħżula bħala s-Superjura.

Maż-żmien bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrda madwar Spanja. Fl-1568, bl-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-patrijiet.

F’ħajjitha hija fetħet 17-il kunvent tas-sorijiet u 15 tal-patrijiet.

L-aħħar vjaġġ tagħha għamlitu fl-1582. Wara li fetħet monasteru f’Burgos hija telqet lejn Alba de Tormes. Waslet għajjiena ħafna u marida fl-20 ta’ Settembru u mietet ftit tal-ġranet wara, nhar l-4 ta’ Ottubru.

Hija ġiet ikkanonizzata mill-Papa Girgor XV fl-1622 u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja, flimkien ma’ Santa Katarina ta’ Siena.

X’se jsir fil-jiem li ġejjin?

Dalgħodu, fit-8:00am tiġi ċċelebrata quddiesa bis-sehem tal-Arċiprieti tal-Kottonera u r-Retturi tal-knejjes tal-Belt Valletta.

Filgħaxija, fis-6:00pm, jingħad ir-rużarju u fis-6:30pm tibda l-quddiesa solenni tal-festa bil-paniġierku.

Fil-jiem tal-festa, il-mużika tkun tas-surmat Carlo Diacono.

More in Festi