Festa Marjana għal qalb iż-Żabbarin u ħafna devoti Maltin

Armar, briju u devozzjoni. Il-festa tal-Madonna tal-Grazzja hija mżewqa b’dawn l-elementi li jagħmluha fost l-akbar festi ċċelebrati f’Malta u f’Għawdex. L-ILLUM tinżel fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar u żżur is-Santwarju tal-Grazzja

Il-Madonna tal-Grazzja. Ritratt ta' Ian Noel Pace
Il-Madonna tal-Grazzja. Ritratt ta' Ian Noel Pace

L-istaġun tal-festi riesaq lejn it-tmiem tiegħu. Jekk drajna b’għadd ta’ festi li jiġu ċċelebrati kull nhar ta’ Ħadd, illum, f’Malta qed tiġi ċċelebrata festa waħda biss, il-festa tal-Madonna tal-Grazzja.

Ma nkunux qed ngħidu sigriet jekk nirreferu għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja bħala waħda mill-akbar festi li jiġu ċċelebrati f’pajjiżna. Dan mhux biss minħabba l-marċijiet kbar li jorganizzaw iż-żewġ għaqdiet mużikali Żabbarin u l-armar fit-toroq iżda b’mod partikolari minħabba d-devozzjoni li hija l-karatteristika ewlenija ta’ din il-festa.

L-ILLUM se tiċċelebra maż-Żabbarin u tista’ tgħid ma’ ħafna Maltin ukoll, din il-festa Marjana. Se tħares lejn id-devozzjoni qawwija lejn il-Madonna tal-Grazzja u anke lejn il-festa esterna li ż-Żabbarin jiċċelebraw bi kbir.

Malli tfeġġ fil-bieb tiġbed warajha l-eluf

Ma tistax ma titkellimx fuq il-festa tal-Madonna tal-Grazzja u ma tibdiex titkellem fuq id-devozzjoni kbira mhux biss taż-Żabbarin iżda ta’ ħafna Maltin.

Biżżejjed tħares lejn l-eluf ta’ devoti li x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja, meqjuma b’tant għożża fis-Santwarju Kolleġġjata ta’ Ħaż-Żabbar, tiġbed lejha matul is-sena kollha.

Bla dubju ta’ xejn, fil-ġranet tal-festa, ħafna aktar devoti jersqu biex jitolbu xi grazzja lill-Madonna jew inkella biex jirringrazjawha għal xi grazzja li jkunu qalgħu.

Ta’ min wieħed isemmi li l-purċissjoni tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja tieħu forma ta’ pellegrinaġġ aktar milli purċissjoni normali.

Fil-fatt, minn xħin toħroġ sa meta tidħol, ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja tkun akkumpanjata bit-talb, fosthom bir-Rużarju.

Eluf ta’ pellegrini jimxu wara din ix-xbieha tal-Madonna tul ir-rotta kollha tal-purċissjoni.

Iżda x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja mhux nhar il-festa biss tiġbed lejha l-eluf. Ta’ min isemmi wkoll il-ġurnata tal-ħruġ min-niċċa. 

Huwa tassew impressjonanti kif eluf ta’ nies jippakkjaw iz-zuntier, il-pjazza u anke parti sostanzjali minn Triq is-Santwarju biex jilqgħu l-vara fil-ħruġ tagħha min-niċċa.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’diversi lokalitajiet oħra, anke l-Ħruġ min-Niċċa huwa wieħed devozzjonali ħafna.

Iż-żewġ għaqdiet mużikali jsellmu lill-Madonna bil-kant tal-innijiet u l-Arċipriet imexxi wkoll mument qasir ta’ talb.

Xhieda tad-devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Grazzja hija l-attendenza sabiħa li jkun hemm fis-Santwarju għan-Novena, jiġifieri d-disat ijiem ta’ preparazzjoni għall-festa.

Mijiet ta' devoti jimxu wara x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja nhar Ħadd in-Nies (Ritratt ta' Raymond Gialanze)
Mijiet ta' devoti jimxu wara x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja nhar Ħadd in-Nies (Ritratt ta' Raymond Gialanze)

Ħadd in-Nies ... Tal-Grazzja toħroġ darbtejn fis-sena

Apparti nhar il-festa, jiġifieri Ħadd fuq it-8 ta’ Diċembru, il-vara tal-Madonna tal-Grazzja tinħareġ ukoll f’pellegrinaġġ nhar Ħadd in-Nies, jiġifieri l-ewwel Ħadd tar-Randan.

Ma għandniex xi ngħidu. Bħal kull meta tiċċaqlaq il-vara tal-Madonna tal-Grazzja, mijiet ta’ devoti jinġabru biex għal darb’oħra jimxu u jitolbu wara din ix-xbieha.

Dan il-pellegrinaġġ ilu jsir mijiet ta’ snin u l-istorja tiegħu tmur qabel il-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta fl-1530.

Mal-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, ħafna nies bdew iżuru s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, nhar Ras ir-Randan bħala tpattija għall-atti li jkunu saru fi żmien il-Karnival.

Maż-żmien, dan il-pellegrinaġġ beda jsir nhar l-ewwel Ħadd tar-Randan. Fis-seklu sbatax, dan sar jixbah aktar festi bħalma huma l-Imnarja u San Girgor u aktar tard kienu jakkumpanjawh ukoll numru ta’ karrijiet u anke karrettuni bit-tema tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja,

Iżda l-pellegrinaġġ reġa’ ħa l-forma oriġinali tiegħu, jiġifieri pellegrinaġġ penitenzjali.

Għall-ħafna snin, l-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja kienet sempliċiment tinħareġ u tintrama fis-Santwarju, iżda mill-2016 lil hawn, din ix-xbieha bdiet tinħareġ ukoll f’dan il-pellegrinaġġ nazzjonali.

Ix-xbieha Inkurunata u devota tal-Madonna tal-Grazzja (Ian Noel Pace)
Ix-xbieha Inkurunata u devota tal-Madonna tal-Grazzja (Ian Noel Pace)

Xbieha inkurunata fil-qalba tas-Santwarju

Il-vara tal-Madonna tal-Grazzja mhijiex l-uniku xbieha devota maż-Żabbarin u ma’ dawk il-Maltin li jsibu refuġju f’dan is-Santwarju.

Fil-qalba ta’ dan is-Santwarju wieħed isib il-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja, pittura li saret aktar minn 300 sena ilu, jiġifieri qabel il-vara tal-Madonna. F’din il-pittura, il-Madonna, bil-Bambin f’idha, tidher qed ixxerred il-grazzji.

Dan il-kwadru ġibed lejh devozzjoni kbira tant li fit-13 ta’ Marzu tal-1984 kienet saret talba għall-Inkurunazzjoni ta’ din ix-xbieha.

L-inkurunazzjoni saret mill-Arċisqof Mikiel Gonzi nhar it-2 ta’ Settembru tal-1951. Id-deheb għal dawn iż-żewġ kuruni li tpoġġew fuq ras il-Madonna u l-Bambin kien ġie mogħti mill-poplu ta’ Ħaż-Żabbar.

Fil-50 anniversarju tal-Inkurunazzjoni, l-istess xbieha kienet ġiet imżejna bi 12-il stilla.

Dan seħħ nhar il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2001 minn Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Dan il-kwadru kien tpitter minn Alessio Erardi.

Il-wasla tal-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi (Ian Noel Pace)
Il-wasla tal-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi (Ian Noel Pace)

Il-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi. Għal xiex u kif beda?

Waħda mill-aktar tradizzjonijiet popolari marbuta mal-festa tal-Madonna tal-Grazzja bla dubju ta’ xejn huwa l-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi li jsir f’nhar il-festa.

Ftit wara li t-tokki ta’ nofsinhar, mad-daqq tal-moti ferrieħa tal-festa jingħaqad ukoll id-daqq tal-ħornijiet tal-muturi u r-roti li jkunu għadhom kemm daru diversi lokalitajiet fi triqithom lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja.

Għal ħafna, dan il-pellegrinaġġ mhuwiex biss tradizzjoni, iżda huwa wkoll devozzjoni, tant li l-muturi u r-roti jsuqu wara vettura bix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja.

Dan il-pellegrinaġġ beda jsir fl-1951, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari

F’dak iż-żmien beda bis-sehem tal-muturi u fl-aħħar snin żdiedu wkoll ir-roti biex riċentament, il-Ħadd ta’ qabel, beda jsir pellegrinaġġ iqsar għaċ-ċiklisti tfal.

Dan il-pellegrinaġġ beda jsir għax il-Madonna tal-Grazzja hija l-protettriċi taċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi.

Il-Vara tal-Madonna tal-Grazzja (Raymond Gialanze)
Il-Vara tal-Madonna tal-Grazzja (Raymond Gialanze)

X’nafu dwar il-vara devota tal-Grazzja?

Il-vara tal-Madonna tal-Grazzja nħadmet mill-iskultur Malti Mariano Gerada madwar is-sena 1797.

X’aktarx li din kienet l-ewwel xogħol importanti li Gerada ħadem fl-injam u dan wara li ġie lura Malta minn Spanja.

Għalkemm fuq is-sandli tal-lemin tal-Madonna hemm imnaqqxa d-data 1825, din id-data tfakkar biss il-ġrajja meta din ix-xbieha ġiet indurata mill-iskultur Pietru Pawl Azzopardi ġewwa Bormla

Ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idha tistrieħ fuq pedistall tal-fidda maħdum f’Milan fl-1983 fuq disinn u mudell ta’ Ġużeppi Galea tar-Rabat.

Fuq il-pedistall wieħed isib erba’ figuri ta’ nisa bibbliċi.

L-aħħar restawr fuq din ix-xbieha devota sar mill-artist Aaron Camilleri Cauchi fl-2010.

Tal-armar idawru l-attenzjoni fuq Triq is-Santwarju

Iżda l-festa tal-Grazzja mhijiex magħrufa għad-devozzjoni biss. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-marċijiet kbar u spettakolari li jorganizzaw iż-żewġ każini u anke l-armar mill-isbaħ li jżejjen it-toroq tal-Belt Hompesch u anke armar ieħor li jakkumpanja l-marċijiet.

Iż-żewġ każini jieħdu ħsieb jarmar toroq viċin is-sede tagħhom, iżda l-Grupp tal-Armar li jaqa’ direttament taħt il-Parroċċa għandu l-inkarigu li jarma t-toroq ewlenin, partikolarment dawk li minnhom tgħaddi l-purċissjoni.

L-ILLUM tkellmet ma’ Reuben Pullicino, it-Teżorier tal-Grupp Armar Żabbar li spjega magħna kif wara li tlibbsu t-toroq tal-purċissjoni, il-voluntiera tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq it-triq ta’ quddiem is-Santwarju u d-dawra taz-zuntier.

Fil-fatt, din is-sena, tkompla l-proġett tal-pavaljuni ta’ Triq is-Santwarju u anke l-bandalori l-ġodda bil-pittura tad-dawra taz-zuntier.

Apparti minn hekk, kompla jispjega Pullicino, din is-sena żżanżnu sett pedistalli ġodda għal taħt iz-zuntier u tkompla wkoll ix-xogħol ta’ skultura fuq il-pedistall tax-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja li tilqa’ lil dawk li f’dawn il-jiem jidħlu Ħaż-Żabbar minn Pjazza Medjatriċi.

Tal-Banda San Mikiel jiċċelebraw quddiem il-Każin
Tal-Banda San Mikiel jiċċelebraw quddiem il-Każin

Ta’ San Mikiel jagħlmu 61 bandist u se jiftħu skola tal-arti

Tkellima wkoll ma’ Keith Cachia, Segretarju tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja, Banda San Mikiel li tkellem magħna dwar ix-xogħol siewi li twettaq din l-Għaqda fosthom fit-tagħlim tal-banda.

Fil-fatt, Cachia spjega kif il-Banda San Mikiel għandha 60 bandist tal-post u bħalissa għandha 61 student.

Iżda apparti minn hekk, minn Ottubru li ġej se tiftaħ l-Iskola tal-Arti u l-Mużika San Mikiel, kunċett ġdid għall-każini tal-banda f’Malta.

Fil-fatt bħalissa għaddej ix-xogħol fuq swali ġodda, inkluż studjow fejn il-baned ikunu jistgħu jirrekordjaw.

Ma’ Cachia tkellimna wkoll dwar il-festa, bis-Segretarju jispjega kif tkompla x-xogħol fuq il-planċier tal-banda u anke se jiżżanżnu żewġ bandalori ġodda fi Triq il-Labour.

Għal din is-sena wkoll, il-Kummissjoni Żgħażagħ ħadmet u qed iżżanżan kannizzata tradizzjonali biex toffri kenn lill-banda waqt il-marċ tat-Te Deum li jsir bħall-bieraħ filgħodu.

Mijiet ta’ partitarji tas-Soċjeta Filarmonika Maria Mater Graziae (Raymond Gialanze)
Mijiet ta’ partitarji tas-Soċjeta Filarmonika Maria Mater Graziae (Raymond Gialanze)

Ix-xogħol fuq il-każin il-prijoritàta’ Maria Mater Graziae

L-ILLUM tkellmet ukoll mas-Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae, Errol Cutajar li spjega kif wara li fl-2017, is-Soċjetà kienet xtrat il-każin li kienet ilha tikri diversi snin, il-prijoritàbħalissa tibqa’ li jsiru x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa.

Cutajar spjega kif fl-aħħar xhur, is-soċjetàbbenefikat minn diversi fondi fosthom biex sar xogħol fuq il-palk u anke fondi oħra mill-Kunsill tal-Arti biex ikun jista’ jagħmel xogħlijiet fuq it-teatru miftuħ li wieħed isib f’dan l-istess każin.

Fil-fatt, is-Segretarju spjega kif bħalissa għaddejin il-preparamenti u anke qed jiġu pproċessati l-permessi biex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew f’fażijiet biex il-każin xorta waħda jkun jista’ jibqa’ jiffunzjona tul is-sena kollha.

Ix-xogħlijiet fuq il-palk tlestew, fejn fost oħrajn sarlu dawl u anke sound ġdid u anke shutter biex ikun jista’ jingħalaq u jkun protett mill-elementi.

Mistoqsi dwar ix-xogħol għall-festa, is-Segretarju semma b’sodisfazzjon kif matul l-aħħar xhur intlaħaq qbil mal-Banda San Mikiel biex l-armar fiż-żona tal-mina ta’ Hompesch ikun maħdum u anke jintrama b’mod konġunt miż-żewġ għaqdiet mużikali Żabbarin. 

More in Festi