Il-Karkariżi jbakkru kmieni biex mat-tmienja jilqgħu fosthom lill-Imperatriċi

Il-gazzetta ILLUM tiċċelebra l-festa ta’ Sant’Elena mal-poplu ta’ Birkirkara, titpaxxa bil-vara maestuża u tesplora l-partikolaritajiet ta’ din il-festa

Il-vara maestuża ta' Sant'Elena
Il-vara maestuża ta' Sant'Elena

“Ġejt magħżula biex issib, l-għuda Mqaddsa tas-Salib.” Hekk ikantaw bħal-bieraħ filgħodu l-Karkariżi malli l-vara maestuża ta’ Sant’Elena tfeġġ fil-bieb tal-Bażilika ddedikata lilha biex iddur mat-toroq ta’ Birkirkara.

Ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM għażlet li tiċċelebra l-festa ta’ Sant’Elena mal-Karkariżi, festa magħrufa u popolari ħafna kemm minħabba x-xbieha tal-Imperatriċi li ssaħħar lil kull min iħares lejha, il-funzjonjiet solenni fil-Bażilika u anke l-festa esterna.

Kif tagħmel kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ILLUM se tesplora l-karatteristiċi ta’ din il-festa u titkellem ma’ dawk involuti fl-organizzazzjoni biex kull sena tiġi ċċelebrata festa kbira li hi l-mimmi ta’ għajnejn kull Karkariż.

Mat-tokki tat-tmienja tfeġġ Sant’Elena. Imma għaliex filgħodu?

Ma għandniex xi ngħidu. Waħda mill-karatteristiċi l-aktar magħrufa u li jagħtu identità lil din il-festa hija l-purċissjoni.

Minkejja x-xemx tisreġ, mat-tokki tal-qanpiena l-kbira fit-tmienja ta’ filgħodu, il-pjazza tal-Bażilika tkun ippakkjata biex tilqa’ l-vara ta’ Sant’Elena Imperatriċi.

Ħafna jistaqsu għalfejn il-purċissjoni ssir filgħodu u mhux filgħaxija kif isir fil-lokalitajiet l-oħra kollha madwar Malta u Għawdex, ħlief dik ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, li fl-aħħar snin bdiet tinħareġ filgħodu wkoll.

It-tweġiba hija waħda u sempliċi. Il-purċissjoni u l-quddiesa solenni tal-festa, magħrufa mal-Maltin bħala l-quddiesa tal-paniġierku, huma ħaġa waħda.

Il-purċissjoni għaddejja minn Triq il-Kbira
Il-purċissjoni għaddejja minn Triq il-Kbira

Kull quddiesa tibda b’purċissjoni. Is-saċerdot, li jirrappreżenta lil Kristu, jgħaddi minn qalb il-kongregazzjoni. Dik hija l-purċissjoni ta’ Sant’Elena. Hija l-purċissjoni ewlenija tal-quddiesa tal-festa.

Fil-fatt, ta’ min wieħed jinnota kif malli l-purċissjoni tidħol lura fil-Kolleġġjata, il-Prepostu Arċipriet li jkun mexxa l-purċissjoni ma jidħolx fis-sagristija u jerġa’ joħroġ għall-quddiesa. Il-purċissjoni tal-bidu tkun saret.

Għalhekk, il-Prepostu, sakemm tidħol il-vara ta’ Sant’Elena u titpoġġa f’postha, jilħaq jitla’ fuq l-artal maġġur, ibiddel hemmhekk stess l-abiti sagri, biex minnufih jinċensa l-artal u tibda l-quddiesa solenni.

Allura l-festa tieqaf ħesrem malli tispiċċa l-quddiesa?

Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, il-festa ma tispiċċax filgħodu. Fil-fatt, iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu filgħaxija fejn wara l-quddiesa u l-kant tat-Tieni Għasar Solenni, issir dik magħrufa bħala r-repożizzjoni tar-relikwa.

Lejlet il-festa, malli tidħol is-solennità, issir dik magħrufa bħala t-tranżlazzjoni, fejn ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa tinġarr f’purċissjoni biex titpoġġa fuq l-artal maġġur tal-knisja.

Il-Knisja mlibbsa għall-festa waqt il-quddiesa solenni tal-festa. Ritratt ta' Ronald Falzon
Il-Knisja mlibbsa għall-festa waqt il-quddiesa solenni tal-festa. Ritratt ta' Ronald Falzon

Fi kliem sempliċi, ir-repożizzjoni tar-relikwa hija purċissjoni bil-kontra. Ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa titneħħa minn fuq l-artal maġġur.

F’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, ir-repożizzjoni tar-relikwa ssir fl-ottava, jiġifieri ġimgħa eżatt wara l-festa. F’Birkirkara din issir dakinhar stess tal-festa filgħaxija, biex timmarka t-tmiem tas-solennità.

Il-Kanonċi jwasslu s-salib sa Sant’Elena

Waħda mill-isbaħ ċelebrazzjonijiet tal-festa bla dubju ta’ xejn ikun il-mument meta l-vara tinħareġ min-niċċa tagħha.

Il-ħruġ min-niċċa ta’ Sant’Elena wkoll għandu l-karatteristiċi tiegħu.

Meta wieħed iħares lejn il-vara maestuża ta’ Sant’Elena, anke jekk il-figura tal-qaddisa hija imponenti u tiġbed l-għajn, iċ-ċentru u l-attenzjoni tagħha huwa s-salib kbir li qed iżżomm f’idha.

Sant’Elena tinħareġ min-niċċa tagħha mingħajr is-salib u titpoġġa fil-kappellun maġenb l-artal maġġur.

Il-Prepostu jpoġġi s-Salib f'id Sant'Elena
Il-Prepostu jpoġġi s-Salib f'id Sant'Elena

Wara li jsir diskors mill-Prepostu Arċipriet, il-kanonċi tal-Kapitlu Elenjan, flimkien mal-kleru tal-parroċċa, iwasslu s-salib, merfugħ fuq l-idejn, mis-sagristija sa ħdejn il-vara ta’ Sant’Elena.

Imbagħad, wieħed mill-kanonċi, li jkun il-Prokuratur tal-Festa, jitla’ fuq sellum u jpoġġi dan is-salib kbir f’idejn Sant’Elena, fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Minn hemm il-vara tintrefa’ u tinħareġ fuq iz-zuntier tal-Bażilika qabel issib postha f’nofs il-korsija tal-kolleġġjata għall-ġranet tal-festa. 

Il-vara titlibbes malli tidħol is-solennità

Kull vara tkun imżejna b’diversi opri, fosthom ir-raġġiera u simboli oħra li jkunu marbuta mal-qaddis jew qaddisa. Uħud mix-xbihat ikollhom ukoll ġojjellerija li tkun ingħatat  b’wegħdi mid-devoti u għalhekk il-valur tagħhom ikun ħafna aktar minn dak materjali.

Ġeneralment, fil-jiem tal-festa, dawn ‘l-aċċessorji’ jinbidlu ma’ oħrajn aktar lussużi li jagħtu dehra isbaħ lill-vara. Normalment dawn jinbidlu fil-privat, meta l-knisja tkun magħluqa u preżenti jkun hemm biss ftit nies.

Ftit huma dawk li jafu li f’Birkirkara, dawn jinbidlu waqt ċerimonja sempliċi u qasira li ssir Lejlet il-Festa filgħodu, ftit qabel ma jdoqqu t-tokki ta’ nofsinhar u tidħol is-solennità.

Ritratt ta' Ronald Falzon
Ritratt ta' Ronald Falzon

Mhijiex xi ħaġa uffiċjali. Mhux se ssibha mniżżla fil-programm. Għadd ta’ persuni jinġabru quddiem il-vara ta’ Sant’Elena biex jassistu għall-bdil ta’ dawn l-aċċessorji li jżejnu l-vara fl-aqwa jumejn tal-festa.

Jolqtok is-skiet u l-ġabra li jkun hemm fil-Bażilika waqt li l-prokuratur tal-festa, akkumpanjat minn xi voluntiera, ibiddel il-kuruna fuq ras Sant’Elena, ilibbisha ċ-ċinturin, l-imsielet, il-bokkla li tagħlaq il-mant u affarijiet oħra li l-Karkariżi ħadmu għall-vara tant għażiża tagħhom.

Il-ġabra tinżamm sakemm il-Prokuratur ilesti xogħlu għax kif ilesti, dawk preżenti, jinfexxu f’ċapċipa waqt li jitpaxxew bil-vara mlibbsa għall-festa.

Sant’Elena toħroġ darbtejn

La qed insemmu l-vara ta’ Sant’Elena ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-fatt li din hija waħda mill-ftit vari f’Malta u Għawdex li toħroġ darbtejn f’sena.

Sant’Elena kienet dik li skont it-tradizzjoni sabet is-Salib ta’ Kristu u propju għalhekk li apparti li toħroġ f’Awwissu, Ħadd fuq it-18 (il-festa liturġika tagħha), Sant’Elena toħroġ ukoll fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib li f’Birkirkara għadha tiġi ċċelebrata bl-akbar solennità fit-3 ta’ Mejju.

Dakinhar, Sant’Elena ma toħroġx filgħodu iżda toħroġ filgħaxija. Hija purċissjoni solenni u kbira kważi kważi daqs dik ta’ Awwissu, bil-purċissjoni tkun akkumpanjata mill-banda u anke l-logħob tan-nar.

Ritratt ta' Brendon Bonett
Ritratt ta' Brendon Bonett

X’nafu dwar il-vara ta’ Sant’Elena?

Kien fl-1837 meta l-Karkariżi qabbdu lill-Iskultur Bormliż Salvu Psaila biex inaqqax fl-injam l-istatwa ta’ Sant’Elena.

Hu mifhum li Psaila kien ispirat mill-kwadru titulari, kapolavur ieħor f’Birkirkara, li tpitter fl-1763 mill-artist Francesco Zahra. Dan il-kwadru ġie rrestawrat din is-sena.

Il-vara nħadmet f’Birkirkara stess fi Triq Ħal Għargħur, liema binja sal-lum baqgħet magħrufa bħala l-Palazz ta’ Sant’Elena.

Propju 100 sena ilu, fl-1919, il-vara ġiet sgraffita u indurata mid-ditta Coleiro tal-Belt Valletta

Fl-1950 saru l-kuruna, iċ-ċintorin u s-sandli tad-deheb.

Wieħed mis-sett ta’ pavaljuni mżanża mill-Għaqda Mużikali Sant’Elena
Wieħed mis-sett ta’ pavaljuni mżanża mill-Għaqda Mużikali Sant’Elena

Kumitat u żewġ każini tal-banda

Il-festa ta’ Sant’Elena hija mżejna b’żewġ baned, iżda l-organizzatur ewlieni tal-festa, kemm interna u anke dik esterna, taqa’ taħt il-Kumitat Festa Sant’Elena li jiġi direttament taħt il-Kapitlu tal-Kolleġġjata.

Waħda mill-fergħat ta’ dan il-kumitat hija propju l-Għaqda tal-Armar li taħdem is-sena kollha kemm barra u anke fil-Bażilika.

Alan Borg li jieħu ħsieb din l-għaqda, spjega mal-gazzetta ILLUM kif matul is-sena jtellgħu diversi attivitajiet biex ikun jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż li jġib miegħu l-armar tal-festa.

Fil-fatt, din is-sena beda proġett ta’ restawr ta’ sett puttini ta’ Karlu Darmanin iżda l-Għaqda tal-Armar ħadmet ukoll fuq proġetti ġodda.

Wara li s-sena li għaddiet żanżnet erba’ bandalori ġodda għal Triq il-Kbira, din is-sena lestiet waħda mill-pitturi tagħhom. Apparti minn hekk qed iżżanżan labarda minn sett sħiħ ta’ labardi għall-arbli tal-pjazza tal-Bażilika.

Borg spjega kif hija l-istess Għaqda tal-Armar li tieħu ħsieb il-vara ta’ Sant’Elena, kemm il-ħruġ tagħha min-niċċa u anke l-purċissjoni. Fil-fatt, ir-reffiegħa tal-vara jkunu dejjem persuni li jaħdmu fi ħdan l-Għaqda tal-Armar.

: L-inawgurazzjoni tax-xogħol fuq il-faċċata tal-każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena
: L-inawgurazzjoni tax-xogħol fuq il-faċċata tal-każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena

Tal-Bagri jiċċelebraw bil-kbir l-ewwel mitt sena mit-twaqqif tal-banda

Għall-Għaqda Mużikali Sant’Elena, din is-sena hija waħda speċjali hekk kif qed tfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha.

Duncan Xuereb, is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Mużikali spjega kif l-attivitajiet ma qatgħu xejn. L-enfasi tal-ħidma kienet fuq il-banda, tant li l-attivitajiet bdew bil-kunċert tal-Epifanija fil-Bażilika, komplew din il-ġimgħa bl-Oratorju li tellgħu dwar il-ħajja ta’ Sant’Elena u jagħlqu f’Diċembru b’kunċert fit-Teatru Manoel.

Xuereb insista kif l-akbar proġett ta’ din is-sena kien ir-restawr tal-faċċata tal-każin u anke x-xogħol li sar fuq l-intrata tal-istess każin, issa mimlija bl-irħam.

Apparti dan, il-fergħa taż-żgħażagħ kompliet taħdem fuq l-armar fit-toroq li tieħu ħsieb tarma l-istess Għaqda Mużikali.

Fil-fatt, kompla x-xogħol fuq il-pavaljuni ġodda fi Triq San Kostantinu u anke tlesta l-irħamar tal-pedestall ta’ Malta. Għall-ewwel darba wkoll, il-banda stiednet tliet baned oħra għall-ġranet tal-festa.

San Kostantinu tal-Banda Duke of Connaught’s armat fi Triq il-Wied
San Kostantinu tal-Banda Duke of Connaught’s armat fi Triq il-Wied

Tal-Għama joħorġu armar ġdid u anke tliet bandisti ġodda

Tkellimna wkoll ma’ Eric Busuttil, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Banda Duke of Connaught’s.

Busuttil spjega kif din is-sena, din l-għaqda mużikali qed iżżanżan żewġ bandalori ġodda fi Triq il-Wied, liema bandalori se ssirilhom il-pittura matul is-sena d-dieħla u anke sett pavaljuni għal Triq Għar il-Ġobon.

Iżda xi jkun każin tal-banda, jekk ma jinvestix fil-bandisti tiegħu? Fil-fatt, Busuttil saħaq li l-banda hija kuntenta immens li din is-sena se tkun qed toħroġ tliet bandisti ġodda.

Busuttil fakkar kif apparti l-festa, il-banda Duke of Connaught’s tkun impenjata matul is-sena kollha, b’għadd ta’ attivitajiet, wirjiet u anke kunċerti li ttella’ minn żmien għal żmien.

: Il-faċċata tal-każin tal-Banda Duke of Connaught’s
: Il-faċċata tal-każin tal-Banda Duke of Connaught’s

Iżda Sant’Elena min kienet?

Hemm ħafna xi tgħid dwar il-ħajja ta’ Sant’Elena. Fi ftit kliem, Elena kienet omm l-Imperatur Ruman Kostantinu l-Kbir. Għaddiet minn ħafna  tbatija, speċjalment fiż-żwieġ tagħha. Għall-kuntrarju ta’ bosta, Elena kienet Nisranija u l-ħsieb u x-xewqa tagħha kienu li ssib is-Salib ta’ Kristu.

Meta reġgħet irritornat viċin binha l-Imperatur, wara snin imċaħħda minnu, dan ħejjielha kollox u telqet lejn il-Palestina, fejn l-Imperatriċi anzjana, matul dan il-pellegrinaġġ tagħha, bniet knejjes b’tifkira tal-postijiet Imqaddsa fejn għex Kristu.

Bl-għajnuna tal-Isqof Makarju hija fittxet kemm felħet biex issib is-Salib ta’ Ġesù, u sadanittant qassmet ħafna ġid lill-foqra.

Skont it-tradizzjoni, Elena sabet tempju ddedikat lill-alla Venere u ordnat li dan jitneħħa u jsir tħaffir fl-istess sit. Hemmhekk sabet l-għodda tal-passjoni u fl-aħħar nett is-Salib u l-qabar ta’ Kristu.

F’dak il-post, Elena ordnat li tinbena l-knisja li llum hija magħrufa bħala l-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu, fil-qalba ta’ Ġerusalemm.

L-Imperatriċi Elena mietet madwar is-sena 380 WK

More in Festi