'Għawdex kollu tbiddel f’ġenna' ... L-Għawdxin jiċċelebraw bil-kbir lil Santa Marija

L-ILLUM tagħmel bħal ħafna Maltin u taqsam il-fliegu u żżur ir-Rabat biex issir taf aktar dwar waħda mill-akbar festi ta’ Santa Marija 

Il-vara ta’ Santa Marija quddiem il-kunvent tas-Sorijiet Franġiskani
Il-vara ta’ Santa Marija quddiem il-kunvent tas-Sorijiet Franġiskani

Santa Marija, hija festa maħbuba ħafna mal-Maltin, mhux biss minħabba l-btajjel tas-sajf, iżda anke minħabba ġrajjiet storiċi li r-rakkonti tagħhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, partikolarment dik tal-konvoj tal-1942.

Biex xieraq li llum, dan is-sit, jiddedika ftit spazju għal din il-festa

Fil-fatt illum qed naqsmu l-fliegu biex inżuru l-festa ta’ Santa Marija ċċelebrata bil-kbir fiċ-Ċittadella u l-Belt Victoria, liema festa ta’ kull sena tiġbed lejha eluf ta’ dilettenti anke minn Malta.

Kif tagħmel dejjem, l-ILLUM se tħares ftit lejn l-istorja ta’ din il-festa, il-karatteristiċi li jagħmluha unika u dak li tħejja għal din is-sena.

Id-donazzjoni tal-vara ta’ Santa Marija u l-Banda Leone

Kwalunkwe vara titulari hija ċ-ċentru ta’ kull festa u xejn inqas għall-vara ta’ Santa Marija meqjuma b’tant għożża fil-Katidral Għawdxi.

Anke jekk eluf joħonqu t-toroq tal-Belt Victoria biex jaraw lil Santa Marija għaddejja fuq l-ispallejn tar-reffiegħa, mhux kulħadd jaf li madwar 63 sena ilu, din il-vara kienet tas-Soċjetà Filarmonika Leone u kienet tintuża għad-dimostrazzjoni tal-festa esterna ta’ Santa Marija.

Fil-fatt, is-Soċjetà Filarmonika Leone kienet ordnat din il-vara fl-1897 wara li fl-1896, l-Isqof Camilleri kien fada l-festi esterni ta’ Santa Marija f’idejn din is-soċjetà.

Ritratt storiku ta’ dakinhar meta saret id-donazzjoni tal-vara
Ritratt storiku ta’ dakinhar meta saret id-donazzjoni tal-vara

Il-vara nħadmet mill-fabbrika ta’ Francesco Rosa f’Ruma u ta’ kull sena kienet tinħareġ fid-dimostrazzjoni fil-ġranet tal-festa tal-Assunta.

Sa dak iż-żmien, mill-Katidral ma kinitx toħroġ purċissjoni bil-vara. Il-festa interna xorta waħda kienet tkun iċċelebrata bl-akbar solennità, iżda l-purċissjoni kienet issir bir-relikwa biss.

Sitt snin biss wara l-proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta, jiġifieri fl-1956, is-Soċjetà Filarmonika Leone, tat din l-istatwa lill-Katidral biex tinħareġ f’purċissjoni kull 15 t’Awwissu.

Id-donazzjoni tal-istatwa kienet saret fid-29 ta’ April, liema avveniment għadu jiġi mfakkar kull sena b’għadd ta’ attivitajiet u b’quddiesa solenni fil-Katidral.

Devozzjoni u titular li jaf il-bidu tiegħu minn żmien San Pawl?

Anke jekk il-purċissjoni bil-vara ta’ Santa Marija ilha ssir 63 sena, ma jfissirx li d-devozzjoni lejn il-Madonna mhijex aktar antika minn hekk. Diġà spjegajna kif qabel id-donazzjoni tal-vara, il-Kapitlu tal-Katidral kien xorta waħda jiċċelebra din il-festa bl-akbar solennità.

Manuskritti u rapporti storiċi, fil-fatt juru kif id-devozzjoni lejn il-Madonna fil-qalba taċ-Ċittadlella, tmur lura sekli sħaħ. Il-Katidral li nsibu fil-qalba taċ-Ċittadella minn tal-inqas huwa t-tielet wieħed li jokkupa dan is-sit.

X’aktarx li l-ewwel knisja fuq dan is-sit tmur lura għal żmien il-Biżantini, liema knisja x’aktarx iġġarrfet fi żmien il-ħakma tal-Għarab (870-1127).

F’rapport li jmur lura għall-1241, miktub minn Giliberto Abbate, l-amministratur lokali f’isem ir-Re Federiku II, isemmi knisja fil-qalba taċ-Ċittadella.

Dokument ieħor tal-1435 jirreferi għal knisja matriċi ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna u dokumenti differenti jibqgħu jsemmu din il-knisja li tkabbret mas-snin.

Għaddew is-snin u bdew il-pjanijiet biex tinbena knisja akbar, liema pjanijiet tħaffew aktar meta l-knisja kienet ġarrbet ħsarat f’terremot li kien seħħ fil-11 ta’ Jannar tal-1963.

L-ewwel ġebla tal-knisja li għadna naraw sal-lum tpoġġiet fil-21 ta’ Settembru tal-1697 u minn hemm beda x-xogħol skont il-pjanijiet u l-mudell li kien għamel Lorenzo Gafà.

Il-Knisja kienet inawgurata fl-14 t’Awwissu tal-1711. F’Settembru tal-1864, il-Papa Piju IX waqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex, b’din il-matriċi tkun iddedikata bħala l-knisja Katidrali.

Fiex jidħol San Pawl? Anke jekk l-ewwel referenza għall-knisja ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna jmur lura għall-1435, it-tradizzjoni tmur lura ħafna aktar minn hekk

Kien San Pawl li fis-sena 60 W.K, ġab il-fidi f’Malta. Skont tradizzjoni, f’dawk iż-żminijiet, fuq is-sit fejn illum insibu l-Katidral, kien hemm tempju Ruman iddedikat lil Ġuno, liema tempju, l-ewwel Insara, iddedikawh lill-Madonna.

Ma hemmx dokumenti li jippruvaw dan, madanakollu, meta kien qed jinbena l-Katidal, kienu nstabu fdalijiet ta’ tempju Ruman fuq is-sit fejn għal sekli sħaħ kien hemm knisja ddedikata lill-Madonna.

Mument waqt il-Barka Sagramentali qabel id-dħul ta’ Santa Marija
Mument waqt il-Barka Sagramentali qabel id-dħul ta’ Santa Marija

Il-festa bi tmiem uniku u devot li jfittxuh mijiet

Kull ġimgħa, il-gazzetta ILLUM qed tesplora dawk il-karatteristiċi li għandha kull festa u li jagħmluha differenti minn festi oħra.

Ma tistax titkellem fuq il-festa ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex u ma ssemmix iċ-ċelebrazzjoni unika li ttemm din il-festa.

Malli l-istatwa ta’ Santa Marija tasal lura fiċ-Ċittadella, qabel ma tidħol lura qalb is-swar tal-Kastell, din tiddawwar tħares lejn l-Għolja ta’ Gelmus, minn fejn il-Vampa Organisations, jittella’ spettaklu ta’ logħob tan-nar.

Wara, l-istatwa ta’ Santa Marija tintrefa’ mill-ġdid u tibda miexja b’lura, fejn waqt il-kant tal-innu marċ mill-isbaħ ‘Lil Marija Assunta,’ kompożizzjoni tas-Surmast Vincenzo Cremona, tittella’ ftit ftit it-taraġ twil u wieqaf tal-Knisja Katidrali.

Hija xena mill-isbaħ. Mijiet ta’ persuni jippakkjaw il-pjazza u t-taraġ tal-Katidral waqt li Santa Marija titla’ sal-bieb prinċipali fost baħar ta’ xemgħat.

Iżda ċ-ċelebrazzjoni ma tiqafx hemm. Malli l-vara tasal taħt il-bieb maġġuri tal-Katidral, id-dawl li jixgħel il-pjazza taċ-Ċittadella jintefa biex l-attenzjoni ddur fuq artal ċkejken li jintrama’ quddiem il-vara ta’ Santa Marija.

Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ fil-festi l-oħra kollha f’Malta u Għawdex, il-Barka Sagramentali ma tingħatax ġewwa fil-knisja, iżda fil-pjazza, biex hekk, dawk kollha preżenti, ikunu jistgħu jassitu għal dan il-mument ta’ ġabra u talb.

It-tfal iġorru l-bandiera mill-Katidral sal-każin
It-tfal iġorru l-bandiera mill-Katidral sal-każin

It-tfal iwasslu l-bandiera sal-każin

Il-festa ta’ Santa Marija f’Għawdex hija magħrufa għall-marċi kbar u brijużi li jiġu ċċelebrati fil-ġranet tal-festa, iżda marċ minnhom huwa uniku għal din il-festa.

Lejlet il-festa filgħodu, jiġifieri nhar l-14 ta’ Awwissu, wara quddiesa għat-tfal fil-Knisja Katidrali, issir parata bil-bandiera l-kbira tas-sede tas-Soċjetà Filarmonika Leone.

Akkumpanjati mill-banda, it-tfal iġorru din il-bandiera kbira, minn fuq it-taraġ tal-Katidral sa quddiem il-każin fi Triq ir-Repubblika.

Malli din il-parata tasal quddiem il-każin, għall-ħabta ta’ nofsinhar, jiġifieri fil-ħin li tidħol is-solennità tal-Assunta, din il-bandiera tittella’ mal-arblu prinċipali, biex timmarka l-qofol tal-festa.

Mument waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel
Mument waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel

It-tiġrijiet nazzjonali ta’ Santa Marija

It-tiġrijiet taż-żwiemel huma wkoll sinonomi mal-festa ta’ Santa Marija.

Fl-imgħoddi dawn it-tiġrijiet kienu jiġu organizzati mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ Għawdex.

Il-Gvernatur kien jassisti għat-tiġrijiet minn dik li sal-lum għadha magħrufa bħala l-Barrakka, li tinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika. Kien hu stess li mill-istess post kien jippreżenta l-palju.

Illum, it-tiġrijiet għadhom isiru f’nhar Santa Marija waranofsinhar, iżda jiġu organizzati mis-Soċjetà Leone, bil-premji jitqassmu mill-Ministru għal Għawdex u mis-Sindku.

Il-palju sar biss simbolu. Is-Soċjetà żżomm din it-tradizzjoni ħajja billi kull sena, waqt il-marċ tat-Translazzjoni, iġorr il-palju sal-Pjazza tal-Katidral fejn, kif kien isir fl-imgħoddi, jitwaħħal fil-gallerija tas-sagristija tal-Katidral.

It-Tiġrijiet Nazzjonali ta' Santa Marija għadhom isiru fi Triq ir-Repubblika u minn hemm ġej ‘il-laqam’ li ħadet: ‘It-Tiġrija.’

Dettall mill-pedistall ta’ Santa Marija ta’ quddiem il-każin u s-simboli tal-evanġelisti
Dettall mill-pedistall ta’ Santa Marija ta’ quddiem il-każin u s-simboli tal-evanġelisti

X’ħejjew ġdid id-dilettanti tal-armar

Din il-festa ta’ Santa Marija hija magħrufa wkoll għall-armar rikk u fin li jżejjen it-toroq tal-Belt Victoria.

L-ILLUM tkellmet ma’ Mark Schembri, kordinatur tal-Għaqda Armar Santa Marija, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone, li spjega magħna dak li ħadmu fuqu matul din is-sena.

Schembri spjega kif l-aħħar snin, l-għaqda tal-armar ħadmet biex tbiddel l-armar fil-Pjazza Katidral u propju għalhekk li din is-sena tkompla x-xogħol tal-iskultura fuq il-pedistall tal-eroini.

Waħda mill-bandalori l-ġodda għall-Pjazza Katidral
Waħda mill-bandalori l-ġodda għall-Pjazza Katidral

Għal din il-pjazza, se tkun qed tiżżanżan ukoll statwa ġdida li tirrappreżenta eroina oħra msemmija fl-Iskrittura, dik ta’ Miriam, xogħol Aaron Camilleri Cauchi.

Schembri spjega wkoll kif f’din il-pjazza saru żewġ labardi ġodda biex jikkumplimentaw il-bandalori li żżanżnu s-sena li għaddiet.

Għaċ-Ċittadella wkoll, kompla jgħidilna l-Kordinatur, saru żewġ bnadar ġodda għal fuq is-swar.

Iżda x-xogħol ma kienx marbut biss maċ-Ċittadella. Schembri spjega kif tkompla x-xogħol tal-iskultura fuq il-pedistall ta’ Santa Marija li jintrama quddiem il-każin, fejn saru żewġ simboli li jirrappreżentaw tnejn mill-Evanġelisti.

Dan apparti xogħol ieħor ta’ skultura u anke induratura fuq pedistalli u statwi.

Waqt il-briju ta’ wieħed mill-marċi u bl-iljun, simbolu tal-Banda Leone, fil-qalba
Waqt il-briju ta’ wieħed mill-marċi u bl-iljun, simbolu tal-Banda Leone, fil-qalba

Aktar minn 350 voluntier involuti fil-festa

Ma tistax titkellem dwar il-festa ta’ Santa Marija u ma ssemmix lis-Soċjetà Filarmonika Leone li hija l-organizzatriċi ewlenija tal-festa esterna.

Is-Segretarju tas-Soċjetà, Thomas Bajada, spjega kif għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’diversi bliet u rħula oħra, is-Soċjetà għandha kontroll tal-għaqdiet kollha involuti fil-festa. Fil-fatt kemm l-għaqda tal-armar u anke dik tan-nar (Vampa Organisations) huma fergħat tal-istess Soċjetà.

“Għandek kontroll akbar tal-affarijiet iżda responsabbilità kbira wkoll, speċjalment meta niġu biex niġbru l-fondi,” saħaq magħna Bajada.

Fakkar kif biex tittella’ festa bħal din, is-Soċjetà jkollha bżonn ħafna voluntiera. Fil-fatt jikkalkula li din is-sena hemm ’il fuq minn 350 voluntier li huma involuti direttament fil-festa.

Wieħed mis-settijiet ta’ pavaljuni
Wieħed mis-settijiet ta’ pavaljuni

Mistoqsi dwar x’ħidma saret din is-sena, Bajada semma t-tiġrijiet nazzjonali taż-żwiemel u miżuri ġodda ta’ sigurtà li ttieħdu biex jiġu protetti kemm dawk li jżuru t-tiġrijiet u anke l-bhejjem infushom.

Bajada kompla jisħaq li ġaladarba s-Soċjetà għandha l-kontroll assolut fuq il-festa esterna, jagħtiha wkoll iċ-ċans li żżomm il-kontroll biex il-festa ma tkunx biss marċi u parties.

“Pereżempju aħna ninsistu li l-marċ ta’ filgħodu jispiċċa fit-3:00pm biex kulħadd jilħaq jistrieħ u jlesti għax irridu li kulħadd jattendi għall-ħruġ tal-vara,” insista s-Segretarju.

Temmejna d-diskursata tagħna billi tkellimna wkoll fuq l-ekonomija li tiġġenera l-festa.

“Il-festa tiġġenera ekonomija kbira għal Għawdex. Lil hinn mill-parrokjaliżmu u r-rivalità, il-festi, speċjalment dawk kbar, huma importanti għall-ekonomija ta’ Għawdex. Nixtiequ li dan il-fatt ikun aktar apprezzat,” temm jgħidilna Bajada.

Il-faċċata tas-sede tas-Soċjetà Filarmonika Leone
Il-faċċata tas-sede tas-Soċjetà Filarmonika Leone

X’se jsir illum f’Għawdex?

9:00am: Pontifikal solenni

11:00am: Marċ tradizzjonali ta’ filgħodu

2:30pm: Tiġrijiet nazzjonali u tradizzjonali tal-bhejjem

6:45pm: Ħruġ tal-purċissjoni

10:00pm: Spettaklu tan-nar mill-Vampa Organisations

10:30pm: Barka Sagramentali fil-Pjazza Katidral u dħul tal-vara

X’festi oħra qed jiġu ċċelebrati llum u din il-ġimgħa?

Illum Santa Marija tkun iċċelebrata fil-lokalitajiet ta’:

  • Ħ’Attard
  • Ħal Għaxaq
  • Il-Gudja
  • Il-Mosta
  • L-Imqabba
  • Il-Qrendi

Din il-festa tkun iċċelebrata wkoll fil-komunità parrokjali ta’ Santa Marija f’Birkirkara (Knisja Qadima), mill-Komunità ta’ Ħal Muxi f’Ħaż-Żebbuġ u mill-komunità tas-Samra fil-Ħamrun.

More in Festi