Festa kbira f’Birżebbuġa b’titular uniku

50 sena tal-qniepen u 40 sena mill-ewwel dimostrazzjoni fuq il-baħar. Il-Birżebbuġin jafu tassew jiċċelebraw festa

Lulju għadda u miegħu telqu ħafna festi li jiġu ċċelebrati matul dan ix-xahar sħun tas-sajf, iżda nhar il-Ħamis beda Awwissu, li miegħu jġib għadd ta’ festi oħra, partikolarment f’dan l-ewwel ħadd tax-xahar.

L-ILLUM tinżel fit-tarf tal-pajjiż u se żżur ir-raħal ta’ Birżebbuġa li qiegħed jiċċelebra l-qaddis li tant iħobb: San Pietru.

Għalfejn San Pietru fil-Ktajjen?

Ħafna knejjes iddedikati lil San Pietru, jiċċelebraw lil dan il-qaddis fil-glorja kollha tiegħu jiġifieri l-Appostlu li Kristu stess għażlu biex fuqu jibni l-Knisja u għalhekk meqjus bħala l-ewwel Papa.

Iżda forsi ftit jafu li t-titlu titulari ta’ Birżebbuġa huwa dak ta’ San Pietru fil-Ktajjen.

Fil-Kalendarju Liturġiku tar-Rit Ruman, il-festa Liturġika kienet tiġi ċċelebrata nhar l-1 ta’ Awwissu sakemm dan inbidel fl-1962.

Madanakollu, il-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen baqgħet festa ċċelebrata bl-akbar solennità fi knejjes madwar id-dinja li jġibu dan it-titlu, bl-aktar waħda popolari tibqa’ l-Bażilika ta’ San Pietro in Vincoli f’Ruma, il-knisja li fiha hija vvenerata b’tant għożża u devozzjoni, ir-relikwa tal-ktajjen ta’ San Pietru.

Din il-festa tirreferi u tiċċelebra dak ir-rakkont, fl-Atti tal-Appostli, meta s-Sultan Erodi “qatagħha li jaħbat għal xi wħud minn ħdan il-Knisja.”

Fost dawn, qatagħha li jaqbad lil Pietru wkoll u hekk għamel. Arrestah u qiegħed miegħu “erba’ għaqdiet suldati ta’ erbgħa kull waħda, bil-ħsieb li, wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu,” jgħid l-Atti tal-Appostlu.

Iżda ġara, tkompli tgħid l-Iskrittura, li fil-lejl stess qabel ma Erodi kellu joħroġ lil Pietru, waqt li dan kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, deher anġlu li qajjem lil Pietru.

“Il-ktajjen waqgħu minn idejh,” ikompli jgħid l-awtur tal-Atti tal-Appostli b’Pietru joħroġ mill-ħabs mingħajr ħadd ma ntebaħ b’dak li kien ġara tassew.

Ir-relikwa tal-katina ta’ San Pietru meqjuma f’Ruma
Ir-relikwa tal-katina ta’ San Pietru meqjuma f’Ruma

Semmejna wkoll ir-relikwa tal-katina ta’ San Pietru vvenerata f’Ruma. Skont it-tradizzjoni kienet l-Imperatriċi qaddisa Ewdoċja li sabet il-katina li biha kien marbut biha Pietru meta kien il-ħabs, liema katina kienet mogħtija rigal lill-Papa Ljun I.

Madanakollu, f’Ruma kien hemm katina oħra meqjuma u meqjusa bħala katina li biha San Pietru kien marbut biha tul id-disa’ xhur fil-ħabs ta’ Mamertino, ħdejn il-Forum, qabel ma ngħata l-martirju.

Skont it-tradizzjoni u l-leġġenda, meta l-Papa poġġa ħdejn xulxin dawn iż-żewġ katini, dawn qablu u ngħaqdu flimkien.

Din il-katina sħiħa hija miżmuma f’urna tad-deheb b’din il-Bażilika f’nofs il-belt li fiha Pietru ngħata l-martirju.

Fil-Knisja ta’ San Pietru f’Birżebbuġa, wieħed isib replika ta’ din ir-relikwa.

Iżda San Pietru mhux minn dejjem kien it-titular

San Pietru huwa wisq għal qalb il-poplu ta’ Birżebbuġa iżda ta’ min isemmi li dan il-qaddis kbir mhux minn dejjem kien il-Patrun ta’ dan ir-raħal.

Fil-fatt, fl-ewwel snin wara t-twaqqif tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa, fl-1913, il-festa titulari kienet issir f’ġieħ Maria Addolorata u kienet tiġi ċċelebrata fit-Tielet Ħadd ta’ Settembru.

Il-vara titulari tal-Addolorata, attribwita lill-istatwarju Karlu Darmanin, kienet waslet f’Birżebbuġa fl-1910.

Il-purċissjoni bil-vara ta' San Pietru
Il-purċissjoni bil-vara ta' San Pietru

Mal-bini tal-Knisja parrokjali l-ġdida, fuq xewqa tal-Isqof Mauro Caruana, fl-1937, kien inbidel it-titular tal-parroċċa, biex minn hemm, il-poplu ta’ Birżebbuġa beda jiċċelebra l-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen.

Anke jekk inbidel it-titular, il-festa tad-Duluri baqgħet tiġi ċċelebrata kull 15 ta’ Settembru.

Illum, din il-vara, għadha tinħareġ f’pellegrinaġġ fil-festa devozzjonali tad-Duluri li tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa ta’ qabel Ħadd il-Palm.

40 sena mid-dimostrazzjoni ta’ San Pietru fuq il-baħar

Waħda mill-karatteristiċi li jagħmlu din il-festa unika, huma d-dimostrazzjonijiet li ż-żewġ għaqdiet mużikali jagħmlu bi statwa ta’ San Pietru, liema statwa tasal minn fuq il-baħar akkumpanjata minn diversi dgħajjes.

Hija tradizzjoni interessanti u li tagħmel ħafna sens fil-festa ta’ San Pietru. Ngħiduha kif inhi, San Pietru qatta’ biċċa kbira minn ħajtu fuq il-baħar bħala sajjied.

Waħda mid-dimostrazzjonijiet ta’ San Pietru fuq il-baħar
Waħda mid-dimostrazzjonijiet ta’ San Pietru fuq il-baħar

Iżda din it-tradizzjoni tmur lura ħafna snin. L-għeruq tagħha jafuha lis-sena 1974, meta l-vara titulari kienet inġiebet minn fuq il-baħar wara li kienet saritilha l-induratura.

L-ewwel dimostrazzjoni fuq il-baħar saret fl-1979 u kienet suċċess. Minn hemm, il-Birżebbuġin qatt ma ħarsu lura u minn dimostrazzjoni waħda fuq il-baħar, saru jagħmlu tnejn.

Fil-fatt, din is-sena, il-Birżebbuġin qed ifakkru l-40 annivesarju minn meta saret l-ewwel dimostrazzjoni fuq il-baħar.

Il-vara titulari ta’ San Pietru

L-ewwel vara titulari ta’ San Pietru saret fl-1947. Din l-istatwa tal-injam ġiet imżanżna fil-festa tal-1948 u baqgħet tinħareġ fil-purċissjoni sas-sena 1958.

Illum, din il-vara tinsab fil-kor tal-knisja parrokjali, minflok kwadru titulari.

Dik is-sena stess, beda x-xogħol fuq statwa titulari ġdida u akbar li nħadmet mid-ditta Taljana tal-iskultur Ferdinard Stuflesser f’Bolzano.

Din il-vara mill-isbaħ, minquxa fl-injam, kienet ispirata mill-istatwa enormi tal-irħam ta’ San Pietru li tinsab fil-Bażilika Papali ta’ San Giovanni Lateran.

L-istatwa mill-isbaħ ta’ San Pietru
L-istatwa mill-isbaħ ta’ San Pietru

Il-vara kienet waslet Malta fit-28 ta’ Lulju tal-1959 u tlett ijiem wara l-vara kienet akkumpanjata lejn il-knisja parrokjali u fit-2 ta’ Awwissu tal-istess sena ħarġet għall-ewwel darba fil-purċissjoni tal-festa.

Matul is-snin, il-vara sarulha diversi interventi, fosthom meta fl-1974 ittieħdet għand l-iskultur Ċensu Apap biex skolpixxa aktar fid-dettall il-mantar tagħha u wara għand l-induratur Pawlu Xuereb tal-Belt Valletta biex saritilha l-induratura.

Jibda proġett ta’ 16-il bandalora max-xatt

Birżebbuġa huwa magħruf għax-xatt sabiħ tiegħu. Meta għandek xatt sabiħ bħal dan, ma tistax ma tarmawx mill-aqwa għall-ġranet tal-festa.

Tkellimna ma’ Christopher Bonnici, membru tal-Grupp Armaw l-1 ta’ Awwissu, li tkellem magħna dwar proġett kbir li nedew is-sena li għaddiet.

Fil-fatt, is-sena l-oħra tħabbar proġett ta’ 16-il bandalora ġdida għal ma’ dan ix-xatt.

Bonnici saħaq li kien ilu jinħass il-bżonn li jinbidlu dawn il-bandalori, anke għax il-bandalori l-antiki għandhom madwar 40 sena u x-xemx u r-riħ ħabbtuhom sewwa.

Fl-aħħar xhur, id-dilettanti xammru l-kmiem u ħadmu biex din is-sena se jkunu qed jiżżanżnu erbgħa minn dawn il-bandalori l-ġodda.

Din is-sena, tlieta minn dawn il-bandalori huma lesti minn kollox, inkluż l-isfumar.

Id-disinn ta’ dawn il-bandalori sar minn Silvio Pace, ġew meħjuta minn Stephan Duca u l-isfurmar qed jieħu ħsiebu Ryan Stivala.

50 sena jsemmgħu leħinhom

Hawn min idejquh, iżda l-qniepen jibqgħu parti essenzjali mill-festa. Il-funzjoni tagħhom hija importani s-sena kollha.

It-tokki tagħhom jistiednu l-kongregazzjoni biex tinġabar fil-knisja, iħabbru meta xi ħadd ikun miet, jifirħu f’xi festa ta’ matul is-sena u għal xi wħud huma wkoll wens għax juru l-ħin.

Fil-festa, il-ħoss tal-qniepen mhux biss jistieden lill-kongregazzjoni għall-funzjonijiet li jsiru fil-knisja iżda wkoll ikomplu jżidu mal-arja u l-ferħ tal-festa.

Din is-sena, is-sett ta’ qniepen mill-isbaħ li għandha l-knisja ta’ Birżebbuġa għalqu ħamis sena. Fil-fatt, dawn saru fl-1969, anke jekk l-ewwel donazzjoni għalihom kienet ingħatat meta kienet għadha qed tinbena l-knisja.

Is-sett ta’ qniepen li din is-sena jagħlaq 50 sena
Is-sett ta’ qniepen li din is-sena jagħlaq 50 sena

Dan is-sett qniepen, saru għand id-ditta famuża Olandiża Petit & Fristen, liema kumpanija hija meqjusa bħala l-eqdem kumpanija fid-dinja fil-manifattura tal-qniepen.

B’kollox, dan is-sett qniepen ġie jiswa madwar 6,500 lira sterlina.

Dawn il-qniepen ġew ikkonsagrati mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fid-19 ta’ Lulju tal-1969.

L-ismijiet tagħhom huma għal San Pietru, Marija Addolorata, San Ġużepp, San Pawl u Santa Katarina.

Tal-Iljun jaħdmu biex ilestu l-estensjoni tal-każin

Kif qed tagħmel kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ILLUM qed tagħti spazju lill-għaqdiet mużikali ta’ kull belt u raħal li qed induru biex jitkellmu fuq dak li jkunu qed ħadmu fuqu matul l-aħħar sens.

Tkellimna ma’ Alex Caruana, il-President tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa, li spjega kif matul l-aħħar sena sar ħafna xogħol fuq il-faċċata tal-estensjoni tal-każin.

Apparti mix-xogħol ta’ kostruzzjoni u dak li għandu x’jaqsam mal-ġebla, sar ukoll armar ġdid għal din il-faċċata.

Caruana saħaq li anke jekk dan il-proġett wasal fi tmiemu, fadal ħafna xogħol xi jsir u għalhekk, fix-xhur li ġejjin, din is-Soċjetà Filarmonika se tkompli tinvesti u taħdem biex tikkonkludi x-xogħlijiet u tagħmel il-binja aktar aċċessibbli.

Il-faċċata tal-każin tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru
Il-faċċata tal-każin tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru

Iżda l-ħidma ssoktat ukoll fuq l-aspett mużikali tal-każin, bis-Soċjetà Filarmonika tinvesti f’sett timpani ġodda għall-banda.

Ftaħar ukoll bil-fatt, li l-banda għandha librett ġdid ta’ marċi u din is-sena se toħroġ żewġ bandisti ġodda.

Il-festa ta’ San Pietru hija magħrufa wkoll għal-logħob tan-nar tal-art. Caruana jinsab kuntent li din is-sena reġgħu rritornaw xi nies li kienu ilhom ma jaħdmu n-nar u din mis-sena reġgħu wrew interess fix-xogħol.

Tal-Ajkla jagħtu spinta lit-tagħlim tal-mużika

Tkellimna wkoll ma’ Anthero Agius, il-President tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen li spjega kif matul l-aħħar sena, din il-banda għażlet li tiffoka ħafna fuq it-tagħlim tal-mużika.

“Meta l-bandisti qed jonqsu, għandna għalfejn inkunu kburin li se noħorġu tliet bandisti ġodda,” saħaq magħna l-President.

L-istatwa ta’ San Pietru waqt il-marċ tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen
L-istatwa ta’ San Pietru waqt il-marċ tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen

Spjega kif matul l-aħħar sena, il-banda tat spinta lit-tagħlim tal-mużika fejn inbidel il-mod kif kienet qed issir l-edukazzjoni.

Apparti minn hekk saħaq li tkompla x-xogħol ta’ ristruturazzjoni tas-sede, liema proġett se jkun imqassam fuq perjodu ta’ snin.

Ftaħar ukoll bl-ispettaklu li ta’ kull sena jittella’ minn fuq il-bejt tal-istess każin. Insista li dan inħadem kollu, mill-bidu sal-aħħar, miż-żgħażagħ tal-każin.

More in Festi