Bażilika. Imma din x’inhi? U x’differenza tagħmel? L-ILLUM tistħarreġ ...

Fl-aħħar jiem tħabbar li se jibda l-proċess biex il-knisja ta’ Raħal Ġdid u dik tar-Rabat isiru bażilika. Imma bażilika x'inhi?

Ritratt | Carl Farrugia
Ritratt | Carl Farrugia

Fl-aħħar ġimgħat, l-Arċisqof Charles J Scicluna ħabbar illi se jibda l-proċess biex il-knisja ta’ Raħal Ġdid issir bażilika u dan wara li ftit jiem qabel kien ħabbar l-istess għall-Parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat. Naturalment ir-Rabtin u l-Pawlisti huma kuntenti ħafna b’din id-deċiżjoni.

Dan l-eċitament u ferħ mhux neċessarjament seħħ lil hinn minn Raħal Ġdid u r-Rabat, anzi kien hemm minn iddieħak b’din id-deċiżjoni u sostna li dawn il-ħafna titli mhu se jbiddlu xejn minn ħajjithom jew jagħmlu xi effett fuq kemm jemmnu jew le.

Tajjeb li qabel ma niddeċiedu li din tal-bażilika hija xi ċuċata u parti mill-pompżità tal-Knisja, nifhmu aħjar x’inhi bażilika, x’titli oħrajn għandhom il-knejjes u x’inhuma dawk l-affarijiet li jintużaw dejjem minn bażilika.

X’inhu katidral u konkatidral?

F’Malta għandna erba’ katidrali: Il-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina, il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, il-Katidral ta’ Maria Assunta fir-Rabat Għawdex u l-katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

Il-kelma katidral ġejja mill-kelma bil-Latin, cathedra, li tfisser siġġu elevat bħal tron, li mbagħad saret ecclesia cathedralis, li jfisser, il-knisja tas-siġġu tal-isqof.

Katidral hija l-knisja maġġuri tad-Djoċesi, l-aktar knisja importanti u allura dik illi fiha ġeneralment isiru funzjonijiet uffiċjali.

Il-konkatidral huwa knisja illi taqsam dawn il-funzjonijiet flimkien ma’ katidral ieħor, fil-każ ta’ Malta dak ta’ San Ġwann jaqsam il-funzjonijiet ekkleżjastiċi (tal-knisja) ma’ dak tal-Imdina.

Il-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan
Il-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan

X’inhi bażilika?

Bażilika hija mogħtija dan it-titlu għal raġunijiet aktar arkittettoniċi, storiċi u ta’ daqs.

Il-kelma bażilika oriġinarjament ġejja mill-kelma Griega basileus li tfisser, re. Bil-Latin, bażilika tfisser ‘dar irjali’ u allura dan jurina għalfejn il-bażilika hija meqjusa bħala knisja elevata fit-tifsira tagħha u fil-privileġġi.

L-aktar bażiliki privileġġjati, maġġuri fid-dinja, imsejħin bażiliki Papali huma: l-Arċibażilika ta’ San Ġwann Lateran (Ruma), il-Bażilika ta’ San Pietru (il-Vatikan), Santa Maria Maggiore (Ruma) u San Paola Fuori le Mura (Ruma).

Imbagħad madwar id-dinja wieħed isib 1,580 bażilika. (Ara dawk f’Malta fil-kaxxa)

Bħala sinjal tal-privileġġ il-bażilika, kif wieħed jista’ jara f’purċissjonijiet fil-festi f’lokalitajiet fejn hemm bażilika, jintużaw il-conopaeum u t-tintinnabulum.

L-umbrellun tal-Bażilika ta' Birkirkara
L-umbrellun tal-Bażilika ta' Birkirkara

Dik l-umbrella fil-festa x’inhi?

Kif għidna, f’okkażjonijiet importanti tintuża qisha umbrella kbira bi strixxi sofor u ħomor. Din hija msejħa conopaeum jew inkella Umbraculum, kelma qrib ħafna ‘umbrella’.

Din kienet użata kuljum biex iżżomm id-dell għall-Papa, bl-ewwel Papa li jużaha jkun il-ferm kontroversjali l-Papa Antonio VI (Rodrigo Borgia).

Din l-umbrella għandha l-kuluri isfar u aħmar li huma l-kuluri tradizzjonali tal-pontifikat.

Jekk taraw purċissjoni tal-festa fejn hemm bażilika, ngħidu pereżempju Santa Liena, se taraw din l-umbrella miexja ftit qabel l-istatwa.

Din hija ġeneralment użata biex tirrappreżenta bażilika minuri.

It-tintinnabulum tal-Karmnu l-Belt
It-tintinnabulum tal-Karmnu l-Belt

Dik il-qanpiena x’inhi?

Fil-purċissjoni, mal-umbrella, tara t-tintinnabulum jew inkella qanpiena li tindaqq kull ftit ħin u li tinġarr minn persuna fl-istess purċissjoni jew inkella fil-Bażilika fejn tkun qed issir iċ-ċerimonja.

L-użu ta’ din il-qanpiena ma bdithiex il-Knisja Kattolika iżda kienet tintuża wkoll mill-Griegi u r-Rumani.

Din il-qanpiena tissimbolizza l-preżenza tal-Papa.

Liema huma l-akbar ħames bażiliki fid-dinja?

L-akbar hija, naturalment, dik ta’ San Pietru f’Ruma. Imbagħad hemm Il-bażilika tan-Niċċa Nazzjonali tal-Madonna fil-Brażil f’Aparecida, il-Katidral ta’ Seville fi Spanja, il-Katidral famuż ta’ Milan iddedikat lit-twelid tal-Madonna u l-Katidral ta’ San Ġwann Mqaddes fi New York.

Napuljun
Napuljun

L-ewwel bażilika u Napuljun. X’inhi r-rabta?

L-ewwel li talbu dan it-titlu kienu l-Agostinjani f’Tolentino l-Italja. Huma ngħataw dan it-titlu mill-Papa Piju VI permess tal-aktar dokument antik li jeżisti u li jirreferi għall-konċessjoni formali ta’ bażilika minuri; Supremus Ille.

L-ewwel knisja li ngħatat dan it-titlu huwa l-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi. Il-Papa Piju VI kien preżenti f’din il-bażilika tliet xhur wara meta fiha kien inkurunat Napuljun, nhar is-27 ta’ Frar 1805.

Il-lista ta’ Knejjes li huma bażilika...

  • L-Isla: il-Bażilika hija ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, bil-festa ssir nhar it-8 ta’ Settembru, magħruf bħala Jum il-Vitorja
  • Il-Belt Valletta: il-Bażilika, Parroċċa Matriċi tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku. Il-festa tkun iċċelebrata fil-bidu ta’ Awwissu
  • Il-Belt Valletta: is-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu. Il-festa kienet iċċelebrata din il-ġimgħa stess, dejjem nhar is-16 ta’ Lulju
  • Birkirkara: il-Bażilika u Kolleġjata Sant’Elena, iċċelebrata unikament filgħodu, il-Ħadd fuq it-18 ta' Awwissu
  • Il-Mosta: il-Bażilika ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Il-festa ċċelebrata nhar il-15 ta’ Awwissu
  • In-Nadur: il-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl. Il-festa ssir fid-29 ta’ Ġunju
  • Ir-Rabat, Għawdex: il-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-festa din is-sena se ssir nhar il-21 ta’ Lulju
  • Ix-Xagħra: il-Bażilika Marija Bambina. Il-festa tiġi ċċelebrata nhar it-8 ta’ Settembru.
  • L-Għarb: is-Santwarju u Bażilika ta’ Pinu
  • L-Għarb: il-Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjon

Il-Knisja ta' Raħal Ġdid
Il-Knisja ta' Raħal Ġdid

U x’inhi l-istorja tal-Knisja ta’ Raħal Ġdid?

L-ewwel ġebla fiż-żona fejn illum hemm Raħal Ġdid tpoġġiet fl-1613 u kienet tal-Kinisja ta’ Santa Ubaldeska, li għadha hemm sal-lum, għalkemm kienet tkabbret mas-snin.

Kien fl-1913 meta f’pajjiżna tlaqqa’ l-Kungress Ewkaristiku li ġab f’Malta Kardinali u Isqfijiet minn kull rokna tad-dinja u li allura kienet attività enormi għal dak iż-żmien.

L-Isqof ta’ dak iż-żmien Pietru Pace kien tkellem mal-Kappillan ta’ Raħal Ġdid ta’ dak iż-żmien u talbu jibni knisja kbira u monumentali, anke jekk dak iż-żmien ma kienx hemm ħafna nies jgħixu Raħal Ġdid.

Dan huwa simili ħafna għal dak li ġara f’Pariġi fejn wara Kungress Ewkaristiku li sar hemmhekk, kien ordnat il-bini tal-Knisja tas-Sacre Coeur, li tinsab fuq l-għolja ta’ Montmartre.

It-tnejn għandhom karatteristiċi simili; kbar, fuq għolja sabiex jidhru minn divesri bnadi u mibijin f’żona fejn hemm iktar ħaddiema, simbolu ta’ knisja aktar qrib il-ħaddiem.

Il-Knisja, l-ewwel iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu, kienet ikkonsagrata fit-3 ta’ Ġunju 1967 u dejjem baqgħet Knisja Parrokkjali.

L-aktar avveniment importanti u li kiseb l-attenzjoni nazzjonali kien dak tal-funeral tad-disa’ persuni li nqatlu t-Tarzna meta kien sploda l-Um El Faroud.

Il-kolleġġjata ta' San Pawl tar-Rabat
Il-kolleġġjata ta' San Pawl tar-Rabat

U x’inhi l-istorja tal-Knisja tar-Rabat?

Il-parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat hija antika ħafna, tant li l-Arċisqof iddikjara wkoll li hija proto-parrokjali, jiġifieri l-ewwel parroċċa.

Din il-Knisja hija meqjusa importanti ħafna, partikolarment minħabba l-Grotta ta’ San Pawl, fejn, skont it-tradizzjoni, l-Appostlu Pawlu għex fit-tliet xhur li qatta’ hawn Malta wara n-Nawfraġju.

Fil-fatt, dan il-maqdes huwa meqjusa bħala l-post fejn saret l-ewwel quddiesa f’Malta, minn San Pawl innifsu.

Propju għalhekk li apparti San Pawl, f’din il-Kolleġġjata u Santwarju Pawlin tiġi ċċelebrata b’solennità kbira l-festa ta’ Corpus Domini, jiġifieri l-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Fil-fatt, din il-festa hija meqjusa bħala l-festa prinċipali tar-Rabat, bil-knisja u anke t-toroq ikunu armati bl-armar tal-festa u jsiru żewġ purċissjonijiet kbar bl-Ewkaristija.

Kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II u anke l-Papa Benedittu XVI żaru din il-kolleġġjata u niżlu fil-Grotta ta’ San Pawl.

More in Festi