Iż-Żurrieq jixgħel blu hekk kif il-Karmelitani jiċċelebraw il-festa

Ilbieraħ iż-Żurrieq iċċelebra waħda mill-festi tiegħu, dik tal-Madonna tal-Karmnu. Din hija festa magħrufa għall-briju u n-nar u waħda mill-ftit festi fejn fratellanza għandha rwol ċentrali. L-ILLUM tinżel iż-Żurrieq biex tara b’għajnejha dak li ħejjew il-Karmelitan

Lulju huwa x-xahar tal-Karmnu. Wara li nhar it-Tlieta l-Karmelitani kollha ngħaqdu fil-Belt Valletta biex jiċċelebraw lill-Madonna tal-Karmnu f’jum il-festa tagħha, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju, ilbieraħ kien imiss lill-Karmelitani Żrieraq biex jiċċelebraw il-festa lill-Madonna taħt dan it-titlu.

Il-gazzetta ILLUM niżlet iż-Żurrieq u ltaqgħet ma’ dawk li jorganizzaw din il-festa kbira mfittxija ħafna mid-dilettanti kemm tal-armar u b’mod partikolari dawk tan-nar.

Il-fratellanza torganizza l-festa interna kollha kemm hi

Il-maġġoranza tal-festi tal-Madonna tal-Karmnu li jiġu ċċelebrati matul ix-xahar kollu ta’ Lulju, isiru fi knejjes u parroċċi li huma mmexxija mill-Provinċja Karmelitana, jiġifieri fejn hemm il-Patrijiet Karmelitani.

Mill-banda l-oħra, kemm fil-Gżira, fiż-Żurrieq u x-Xlendi tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Karmnu minkejja li ma hemmx Patrijiet Karmelitani.

Fil-każ taż-Żurrieq, din hija waħda mill-festi f’Malta li tiġi organizzata minn fratellanza, l-istess kif pereżempju jiġri fil-każ tal-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat.

Il-fratellanza Karmelitana, flimkien mal-Arċipriet ta’ din il-parroċċa ddedikata lil Santa Katarina, tieħu ħsieb li torganizza l-festa interna kollha kemm hi.

Mhux hekk biss, iżda l-armar kollu (ħlief għad-damask) li jintrama fil-knisja arċipretali matul il-ġranet tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu huwa proprjetà ta’ din il-fratellanza.

Dan kollu jagħmel din il-fratellanza waħda mill-ftit li għadhom attivi tant li min illejla se jżur iż-Żurrieq, żgur se jibqa’ impressjonat bl-ammont kbir ta’ fratelli li jieħdu sehem fil-purċissjoni.

Illum il-ġurnata, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq hija waħda mill-festi sekondarji li jiġu ċċelebrati bil-kbir f’pajjiżna.

Kif bdiet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq?

Ħafna jistaqsu kif bdiet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq, ġaladarba din mhijiex Knisja tal-Patrijiet Karmelitani.

Li hu żgur huwa li, kif rajna nhar il-Ħadd li għadda, id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu nxterdet mis-Santwarju tagħha fil-Belt Valletta ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex.

L-ibliet u l-irħula f’Malta huma miżgħuda b’niċeċ iddedikati lil Madonna tal-Karmnu u f’ħafna mill-knejjes issib artal iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu antik.

Fil-fatt, fiż-Żurrieq, id-devozzjoni lejn tal-Karmnu bdiet ħafna qabel it-twaqqif tal-frattelanza. Sa minn qabel l-1650, kien diġà jeżisti artal iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.

Jingħad li fis-sena 1798, meta l-Maltin irvillaw kontra l-ħakkiema Franċiżi u mblukkawhom fil-Belt Valletta u l-Kottonera, ċertu Giovanni Maria Borg, residenti fil-Belt Valletta u devot kbir tal-Madonna tal-Karmnu, fittex refuġju fir-raħal taż-Żurrieq u x’aktarx li kien hu li beda jaħdem biex jistabbilixxi formalment il-Fratellanza ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.

Il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu ġiet stabbilita formalment fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq permezz ta’ digriet Episkopali nhar it-23 ta’ Marzu 1801.

Il-fratelli jakkumpanjaw waqt il-purċissjoni
Il-fratelli jakkumpanjaw waqt il-purċissjoni

X’torganizza l-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu?

Bla dubju ta’ xejn, l-għan ewlieni tal-fratellanza huwa li xxerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Il-ġimgħa tal-festa tkun ġimgħa impenjattiva ħafna, fejn il-fratellanza torganizza l-funzjonijiet reliġjużi kollha li jsiru fil-knisja, fosthom it-Tridu u l-quddiesa solenni ta’ nhar il-festa.

Hija l-fratellanza li flimkien mal-Arċipriet tagħżel lil min se jipprietka, min se jmexxi l-funzjonijiet u anke torganizza l-mużika li tkompli ssebbaħ dawn il-funzjonijiet.

Minbarra l-festa, il-fratellanza torganizza dawk magħrufa bħala s-Seba’ Erbgħat tal-Udjenza tal-Madonna tal-Karmnu.

Dawn jibdew jibdew mill-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir u jibqgħu sejrin sal-aħħar Erbgħa qabel il-festa ta’ Pentekoste

L-armar fit-toroq taż-Żurrieq
L-armar fit-toroq taż-Żurrieq

U l-festa esterna min jieħu ħsiebha?

Jekk il-festa interna tkun organizzata mill-fratellanza, dik esterna hija f’idejn is-Soċjetà Karmelitana u l-Banda Queen Victoria, anke jekk b’kollaborazzjoni sħiħa mal-istess fratellanza.

Il-Banda Queen Victoria tieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonjiet kollha esterni, jiġifieri l-marċi u anke programmi mużikali li jsiru fil-ġimgħa tal-festa.

Apparti minn hekk kemm l-armar fit-toroq u anke l-għaqda tan-nar (Mount Carmel Fireworks Factory) jaqgħu taħt din is-Soċjetà Karmelitana.

Ma għandnix xi ngħidu, il-Banda Queen Victoria hija mfittxija ħafna mill-festi Maltin tant li tkun mistiedna f’diversi bliet u rħula u fl-aħħar snin kellha wkoll ix-xorti li ssemma’ leħinha anke barra mill-pajjiż.

X’armar ġdid sar din is-sena?

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ wieħed mill-uffiċjali tas-Soċjetà Karmelitana u Banda Queen Victoria, Daniel Spiteri u miegħu tkellmet dwar ix-xogħol li sar matul l-aħħar sena fejn jidħol l-armar.

Fil-fatt, min matul dawn il-jiem żar jew illejla se jżur dan ir-raħal taż-Żurrieq, se jinnota armar mill-isbaħ li jkompli jsebbaħ dan ir-raħal pittoresk.

Spiteri spjega magħna kif il-Kummissjoni Armar kompliet taħdem fuq il-bandalori l-ġodda ta’ Misraħ ir-Repubblika, jiġifieri l-pjazza maġenb il-knisja fejn il-festi Żrieraq jilħqu l-qofol tagħhom.

Apparti minn hekk, tkompla x-xogħol fuq il-pilandri ġodda li s-sena li għaddiet rebħu wkoll il-premju Malti għall-artiġjanat filwaqt li tlestew il-bandalori ta’ Triq Dun Ġużepp Zammit.

Spiteri spjega wkoll kif saret statwa ġdida għat-triq ewlenija ta’ quddiem il-knisja, liema statwa tirrappreżenta lill-Beata Luċija, jew aħjar kif inhi magħrufa bħala Suor Lucia, waħda mit-tliet rgħajja tfal li raw il-Madonna f’Fatima fil-Portugall.

Sor Lucia stess kienet tgħid li fl-aħħar dehra tal-Madonna f’Fatima, din dehret liebsa ta’ Karmelitana, jiġifieri bil-Labtu tal-Karmnu. Hi stess, meta kibret daħlet f’kunvent tal-Karmelitani Skalzi fejn għexet il-kumplament ta’ ħajjitha bħala soru.

L-istatwa ta’ din il-Beata ta’ żmienna se tkun qed tingħaqad ma’ sett ta’ statwi ta’ qaddisin Karmelitani li saru fl-aħħar snin.

Daniel Spiteri kompla jfakkarna kif din il-festa hija mogħnija b’armar antik u għalhekk ir-restawr ma jonqosx. Matul din is-sena sar restawr fuq l-istatwi u anke t-trofej u l-pedestalli f’Misraħ ir-Repubblika.

L-ewwel kwadru tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq
L-ewwel kwadru tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq

L-ewwel kwadru tal-Karmnu fiż-Żurrieq jerġa’ jingħata l-ħajja

Din is-sena ma nistgħux nitkellmu fuq il-festa tal-Karmnu u ma nsemmux kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li ġie rrestawrat u reġa’ ngħata l-ħajja wara għexieren ta’ snin moħbi u minsi minn kulħadd.

Dwar dan, l-ILLUM tkellmet ma’ Francis Farrugia, wieħed mill-uffiċjali tal-Fratellanza.

Farrugia spjega kif dan huwa l-ewwel kwadru li kien tpoġġa fuq l-artal iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu fil-knisja Arċipretali.

Fil-fatt, kompla jispjega Farrugia, dan il-kwadru għandu madwar 400 sena u nstab fi stat ħażin ħafna madwar 30 ilu,

Skont Farrugia, dan il-kwadru kien imqatta’ u kellu partijiet minnu li kienu saħansitra neqsin.

Fl-aħħar snin, din il-fratellanza ħasset il-bżonn li tirrestawra dan il-kwadru storiku li wara kollox ifisser il-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq.

Ix-xogħol ta’ restawr sar mill-kumpanija PrevArti u ġie inawgurat matul din il-ġimgħa.

“Fuq talba u deċiżjoni tal-Arċisqof, dan l-inkwadru twaħħal fil-knisja biex ikun jista’ jitgwada minn kulħadd,” saħaq Farrugia waqt li spjega kif għalhekk, il-knisja Arċipretali taż-Żurrieq, issa għandha żewġ kwadri tal-Madonna tal-Karmnu.

L-arbli, il-bnadar u l-fustuni jiksu ż-Żurrieq

Karaterristika tal-festi fiż-Żurrieq huwa l-ammont kbir ta’ arbli li jittellgħu fuq il-bjut fil-ġranet tal-festa

Min fl-aħħar ġimgħat żar iż-Żurrieq, jew għadda viċin tiegħu, żgur li induna bil-mijiet ta’ arbli mixgħula bil-globi blu.

Minn għada, dawn jibdew jitniżżlu, u jibdew telgħin arbli oħra u ftit ftit iż-Żurrieq ibiddel il-kulur biex jixgħel aħmar, għall-festa ta’ Santa Katarina.

F’dawn il-jiem, id-dilettanti tal-bnadar għandhom xalata, hekk kif il-ġranet kollha tal-festa, partikolarment illum, iż-Żurrieq ikun miżgħud b’baħar ta’ bnadar iperpru maż-żiffa ħelwa ta’ Lulju u llejla ż-Żurrieq jixgħel b’eluf ta’ bozoz hekk kif jinżlu l-bnadar u jitilgħu l-fustuni li joffru spettaklu.

Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu
Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu

X’nafu dwar il-vara tal-Madonna tal-Karmnu?

  • L-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu saret madwar is-sena 1842
  • Hija xogħol fl-injam tal-iskultur Salvu Psaila
  • Wiċċ il-Madonna huwa mnebbaħ minn wiċċ mart l-iskultur li kienet għadha kif mietet

More in Festi