Ħal Qormi jiċċelebra lil San Ġorġ; Festa rikka u kompluta
Il-gazzetta ILLUM tiċċelebra l-festa mal-Ġorġjani Qriema. X’għamlu ġdid din is-sena? X’qed jiċċelebraw speċjali? U San Ġorġ għalfejn bid-dragun taħtu?
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_rout_out_san_gorg.jpg)
Minn din il-ġimgħa, kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tingħaqad ma’ lokalità biex magħha tiċċelebra l-festa. Illum, tingħaqad mal-Ġorġjani Qriema li qed jiċċelebraw waħda mill-akbar festi f’Malta, imżejna b’dak kollu karatteristiku tal-Festa Maltija.
Fost oħrajn, l-ILLUM qed tiċċelebra mal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri, li qed ifakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu u bħalma għamlet dejjem se tidħol ukoll fil-knisja, se ddur it-toroq pittoreski tal-Belt Pinto armati u anke tesplora kurżitajiet marbuta mad-devozzjoni lejn San Ġorġ.
100 sena mill-ewwel kumitat tal-festi esterni f’Malta
Il-festa ta’ San Ġorġ hija mżejna b’żewġ soċjetajiet mużikali, l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri u l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, iżda wkoll b’Kumitat li jieħu ħsieb jorganizza l-festi esterni u l-armar fit-toroq.
Dan il-kumitat huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta u twaqqaf fid-29 ta’ Ġunju tal-1919, jiġifieri mitt sena ilu u għalhekk din is-sena tella’ għadd ta’ attivitajiet biex ifakkar dan l-anniversarju importanti.
Bla dubju ta’ xejn, l-aktar avveniment għal qalb dan il-Kumitat jibqa’ l-ftuħ ta’ ċentru ġdid tal-armar li huwa frott il-ħidma u s-sagrifiċċji tal-membri.
Dan iċ-ċentru nfetaħ f’jum il-festa liturġika ta’ San Ġorġ, fit-23 ta’ April u jinkludi uffiċini, sala fejn jitlaqqa’ l-Kumitat u anke post għax-xogħol tal-idejn.
Fost oħran, il-kumitat tella’ wkoll wirja ta’ statwi antiki maħduma minn wieħed mill-aktar statwarji magħrufa tas-seklu 20, Carmelo Mallia, magħruf bħala ‘l-Lhudi,’ u li l-festa ta’ San Ġorġ hija rinomata għax-xogħlijiet tiegħu.
Ta’ min wieħed isemmi li apparti l-armar u l-festa ta’ San Ġorġ dan il-Kumitat huwa attiv ħafna f’attivitajiet nazzjonali li ħoloq hu stess bħall-Qormi Wine Festival, il-Malta Springfest, il-Guinness World Record tal-Akbar Tazza tal-Inbid (2012) u l-ħolqien tar-radju Leħen il-Belt Ġorġjana.
![Il-Kumitat tal-Festa San Ġorġ](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_kumitat_kumitat_festi_esterni_2019.jpg)
Tissewwa l-ħsara li kkawża l-maltemp… iżda mhux biss
L-armar dejjem trid tibża’ għalih, iżda aktar u aktar meta l-armar ikun antik, xi drabi joqrob jew jaqbeż il-100 sena, kif għandhom il-Ġorġjani Qriema.
Għalhekk, matul is-sena, ħafna mill-voluntiera tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri jkunu għaddejjin bir-restawr tal-armar, għax ngħiduha kif inhi, dak li naraw armat fit-toroq huwa kollu frott sigħat twal ta’ ħidma ta’ mijiet ta’ voluntiera.
Fil-fatt, din is-sena, il-voluntiera Ġorġjani kienu għaddejja b’xogħol ta’ restawr fuq diversi statwi u anke fuq xogħol tal-injam li s-sena li għaddiet ġarrbu ħsara estensiva minħabba maltempata li laqtet il-pajjiż fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ.
Ta’ min wieħed isemmi li din l-istess festa ntlaqtet minn maltempata kbira wkoll fl-2016, b’ħafna mill-armar kien għadu kemm ġie rrestawrat.
Minkejja li dan huwa xogħol li jirrikjedi ħafna flus u ħafna ħin, il-Kumitat xorta waħda ma qatax lura u bħalma għamlu ta’ qablu, ħadem ukoll fuq armar ġdid.
Fost oħrajn, din is-sena żżanżnu żewġ statwi ġodda tal-artist Manuel Farrugia li se jkunu għalqu proġett ta’ statwi fi Triq il-Kbira. Iż-żewġ statwi l-ġodda huwa ta’ San Ġerman Isqof ta’ Pariġi u lil San Teodoru ta’ Sykeon, żewġ qaddisin li isimhom huwa marbut mad-devozzjoni lejn San Ġorġ.
Fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tal-Kumitat Festi Esterni, il-membri bdew ukoll xogħol ta’ restawr u rinovazzjoni fuq ark antik li kien jintrama fi Triq il-Kbira u llum jinsab fi Sqaq Numru 1.
Apparti dan kollu, saret ukoll statwa ġdida żgħira ta’ San Ġorġ Rebbieħ, kompluta bil-bradella b’kollox, biex tkun tista’ tintuża fil-festa tat-tfal.
![San Ġorġ Rebbieħ. Ritratta ta' Mark Micallef Perconte](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_dragun.jpg)
San Ġorġ għalfejn dejjem insibuh bid-dragun taħtu?
Jekk illejla se tinżel Ħal Qormi, se ssib id-dragun kullimkien. Se tarah taħt saqajn l-istatwa titulari mill-isbaħ ta’ San Ġorġ u taħt kull xbieha ta’ San Ġorġ li se tilmaħ.
Fil-fatt, ftit huma dawk ix-xbihat ta’ San Ġorġ fejn id-dragun ma jidhirx. Anke fuq il-George Cross li jperper fuq il-bandiera Maltija, San Ġorġ jidher jissielet mad-dragun. Imma dan id-dragun x’inhu?
Dwar dan tkellimna ma’ Patri Reno Muscat li spjegalna kif din it-tradizzjoni tmur lura mijiet ta’ snin u l-bażi tagħha hija kitba medjevali magħrufa bħala leġġenda aurea jew leġġenda sanctorum, jiġifieri l-Istorja tad-deheb jew l-Istorja tal-Qaddisin, miktuba minn Isqof Dumnikan magħruf bħala Ġakbu ta’ Varazze.
Il-kontenut ta’ din il-kitba twila mhija xejn għajr stejjer ta’ ħajjiet ta’ qaddisin li kienu magħrufa fi żmien l-awtur.
Ġakbu ta’ Varazze, ibbaża l-kitba tiegħu fuq diversi manuskritti antiki li sab fil-bibjoteki u xkafef ta’ arkivji Dumnikani.
“Xi drabi, il-fantażija u forsi l-immaġinazzjoni għandhom imnejn li ġieli ġrew bih,” jisħaq Patri Reno.
Pereżempju jikteb kif San Silvestru kellu dehra minn San Pietru u dan urih kif kellu jagħmel eżorċiżmu fuq dragun li kien daħal fil-Belt ta’ Ruma u kien qed jiekol madwar 300 bniedem kuljum.
“Simili għal dan il-fatt hija l-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun,” kompla jispjegalna Patri Reno.
Ovvjament din hija biss leġġenda u llum dan id-dragun taħt sieq San Ġorġ huwa simbolu tal-ħażen li dan is-suldat Ruman, bl-isem ta’ Ġorġi, ħareġ rebbieħ fuqu.
![Waħda mill-istatwi l-ġodda li żżanżnu din is-sena](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_san_ġerman_rout_out.jpg)
Min kien San Ġorġ?
Għalkemm id-devozzjoni lejn San Ġorġ hija antika, ftit li xejn hu magħruf dwar ħajtu.
Skont it-tradizzjoni, San Ġorġ kien suldat Nisrani li sofra martirju f’lidda, il-Palestina, fis-sena 303, x’aktarx fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu.
Sa mis-seklu 4, San Ġorġ, kien meqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu. Fl-Ewropa, id-devozzjoni waslet fi żmien il-Kruċjati, partikolarment fi żmien ir-Re Richard I.
San Ġorġ hu l-Patrun tal-Ingilterra, il-PortugaLl u l-Ġermanja, fost oħrajn.
![L-artal maġġur armat għall-festa ta' San Ġorġ](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_artal.jpg)
Mill-bennej sal-infermier… kulħadd imidd idejh fil-Knisja
Il-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ hija mżejna sa snienha b’armar rikk u antik għax ta’ min ifakkar li din hija knisja antika ħafna u waħda mill-eqdem parroċċi f’Malta. Minnha ħarġu diversi parroċċi oħra u għalhekk tissejjaħ ukoll Arċimatriċi.
Biex iżżejjen knisja trid in-nies u trid il-ħin. Ikun hemm min jaħseb li min imur jarma għall-festa jkollu ħafna ħin fuq idejh, iżda l-verità hija li dawn il-voluntiera kollha għandhom il-professjoni u l-familja tagħhom.
“Is-sagristan ta’ din il-knisja parrokkjali jaħdem bla waqfien imma qatt ma jkun waħdu. Miegħu dejjem issiblu lil xi ħadd lest jagħti daqqa t’id. Fil-parroċċa ta’ San Ġorġ hemm grupp ta’ nies li malli s-sagristan jiftaħ fommu, issibhom lesti għall-għajnuna,” qalilna Patri Reno li wkoll imidd idejh.
“Kulħadd isib x’jagħmel fis-sagristija, il-mastrudaxxa, l-electrician, il-bajjad, il-bennej, is-surġent, tal-air conditioners, il-care worker, l-għalliem, il-ħaddiem tax-xatt, l-infermier, il-wejter, l-eks biċċier, l-eks ħaddiem tat-tarzna u nsomma kulħadd,” kompla jgħidilna Patri Reno.
Apparti minn hekk, ma’ dan il-grupp ġieli jingħaqdu wkoll in-nisa tal-membri u għalhekk ikompli jikber iċ-ċirku u tkompli tiżdied l-għajnuna.
Ix-xogħol għal dan il-grupp jibda ħafna qabel titpoġġa l-ewwel biċċa damask għax qabel ikun irid isir xogħol ta’ tindif u jibqa’ sejjer sal-aħħar.
“Ċertu apparat ma jitpoġġiex f’postu kmieni. Imma sal-Ġimgħa jkollna kollox f’postu,” qalilna Patri Reno. Għalkemm ma tkunx imniżżla fil-programm, il-grupp għandu drawwa li wara li jitlesta l-armar kollu, jorganizza quddiesa. “U wara mmorru nieħdu birra flimkien – hekk sewwa u xieraq wara kollox,” kompla Patri Reno.
Iżda fil-verità jkun għad fadal ħafna xogħol. Għal dawn il-voluntiera, ix-xalata mhijiex ħdejn il-baħar imma fil-Knisja, iżarmaw u jerfgħu kollox bil-galbu għas-sena ta’ wara.
![Il-maħżen il-ġdid tal-Kumitat Festi Esterni](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/14_-_15_maħżen.jpg)
X’se jsir illum f’Ħal Qormi?
9:00am: Pontifikal solenni tal-Festa mmexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna
10:00am: Jibda marċ mill-Banda San Ġorġ Martri
11:00am: Jibda marċ mill-Banda Anici
7:00pm: Purċissjoni bil-vara ta’ San Ġorġ madwar it-toroq tal-Belt Pinto. Il-vara tidħol lura fil-knisja għall-ħabta tal-10:30pm.
Fejn aktar qed tiġi ċċelebrata l-festa llum?
Apparti Ħal Qormi, illum qed jiġu ċċelebrati wkoll dawn il-festi:
- Qalba Bla Tebgħa ta’ Marija - Burmarrad
- San Nikola - Is-Siġġiewi
- Madonna ta’ Lourdes - Il-Qrendi