Spettaklu ta’ logħob tan-nar fil-bidu ta’ Ċentinarju Marsi

Programm ta' attivitajiet fl-okkażjoni tal-festa tat-Trinità tal-Marsa

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa titulari f’ġieħ it-Trinità Qaddisa fil-Parroċċa Matriċi tal-Marsa din is-sena għandhom sinifikat speċjali  għax qegħdin jagħtu bidu għas-Sena Ċentinarja mill-Konsgrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali SSma. Trinità. Iċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni kienet saret nhar id-19 ta’ April tal-1917 mill-Isqof Mauro Caruana fost il-ferħ tal-Komunità tal-Patrijiet Kapuċċini u l-poplu tal-Marsa. 

Biex tfakkar kif jixraq dan l-anniversarju għażiż, apparti l-kunċerti u l-marċi brijużi li ħejjiet għal matul il-ġimgħa tal-festa, li jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd, 22 ta’ Mejju - Jum is-Sollenità tas-SSma. Trinità  - s-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, bis-saħħa tal-Kummissjoni Nar fi ħdanha, ħasbet biex għal darba oħra tippreżenta spettaklu ieħor ta’ logħob tan-nar li m’għandux jintilef minn dawk kollha dilettanti.

Dan l-ispettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika, bl-isem ta’ “Dancing Colours In The Sky”, se jkun simili għal dak ta’ sentejn ilu, meta s-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa waqqfet rekord nazzjonali ġdid - l-ewwel rekord Marsi - u naqqxet isimha fuq il-Malta Records meta rnexxielha tagħmel l-akbar ħarqa ta‘ nar (kapsijiet) sinkronizzata mal-mużika minn fuq il-bejt tas-sede tagħha fi Triq Lorenzo Balbi, biswit il-Knisja Parrokkjali.

Wara l-kunċerti ġenerali li saru fis-sede tas-Soċjetà matul il-jiem li għaddew, il-Banda Trinità Qaddisa għada l-Erbgħa, 18 ta’ Mejju - l-Ewwel Jum tat-Tridu, tagħti bidu għas-servizzi tagħha ta’ marċi brijużi fit-toroq tal-parroċċa. Il-marċ jibda fit-8.30 p.m. Ikunu sparati murtali tal-bomba u kaxxi tal-kulur. Il-Ħamis, imbagħad, fid-9.00 p.m., tippreżenta kunċert ta’ marċi brijużi fil-każin.

Servizz ieħor ta’ marċi brijużi fit-toroq se jsir nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju, fit-8.30 p.m., Dakinhar ukoll jilħaq il-qofol tiegħu l-programm tan-nar tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa meta, wara li l-Banda Trinità Qaddisa tidħol fil-każin,  jibda l-ispettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika (pyronyx) - “Dancing Colours In The Sky” maħdum minn Independent Fireworks Factory u sparat minn fuq il-bejt tal-każin. 

L-għada s-Sibt, 21 ta Mejju, waqt il-kunċert vokali u strumentali ta’ fuq il-planċier se jinħaraq nar li jikkumpanja wħud mis-siltiet mużikali esegwiti mill-Banda Trinità Qaddisa, fuq il-planċier tagħha faċċata tal-Knisja Parrokkjali. Flimkien mal-Banda, li se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Chev David Sammut u Quentin Zammit, sejrin jieħdu sehem ukoll il-kantanta Danika Muscat, il-baritonu Ivan Vella, it-tenur Mark Mifsud u s-sopran Gabrielle Portelli. Se jippreżenta l-programm Ettiene Schembri. Kif jintemm il-kunċert mużikali, l-istess banda tagħmel marċ mat-toroq tal-Marsa u mad-dħul tiegħu tinħaraq kaxxa tal-kulur.

Nhar il-festa - l-Ħadd, 22 ta Mejju, se tinħaraq kaxxa bomba mal-ftuħ u d-dħul tal-marċ popolari u tradizzjonali tal-Ħadd filgħodu mill-Banda Trinità Qaddisa, li jibda fil-11.00 a.m.. Filgħaxija, mal-wasla tal-Vara Titulari tas-Ssma Trinità quddiem is-sede tagħha, is-Soċjetà Trinita’ Qaddisa ssellem b’kaxxa spettakolari ta’ varjeta kbira ta’ logħob tan-nar kkulurit  biex tikkonkludi kif jixraq il-festa titulari. 

More in Divertiment