L-Iżlanda: Fejn ix-xemx ma tinżilx għal tliet xhur u ma titlax għal disa’ xhur

Vjaġġi mal-Buzu

 

Pajjiż jew aħjar gżira enormi fejn hi 330 darba akbar minn Malta, b’daqs ta’ 40,000 mil kwadru, u fl-istess ħin għandha popolazzjoni iżgħar minn ta’ Malta b’350,000 ruħ. Dan jagħmilha bħala l-akbar art fl-Ewropa li hi l-inqas popolata.

L-Iżlanda hu pajjiż mhux tas-soltu. Jekk tmur hemm, tesperjenza pajjiż li żgur jibqa’ fil-memorja tiegħek għal dejjem. Għalkemm jekk għandkom tmorru hemm, morru lejn tmiem Mejju sal-bidu ta’ Settembru meta jkun hemm is-‘summer nights’. F’dan iż-żmien, ma jidlam qatt ħlief għal xi siegħa wara l-4 ta’ filgħodu fejn bħal speċi jidlam u terġa’ toħroġ ix-xemx. Eżempju ċar hu li f’dawn it-tliet xhur tas-sena, il-poplu Iżlandiż joħroġ jiċċelebra lejl sħiħ fejn fl-4 ta’ filgħodu, jkun għad hemm ix-xemx tiżreġ.

Tant hu hekk, li fil-lukandi ssib saff ta’ kmamar f’nofs kuritur biex ma jkollhomx twieqi għal barra, għal dawk li jbatu biex jorqdu jekk ikun id-dawl.

L-Iżlanda tinsab fix-xifer taċ-ċirku Arktiku u tinsab fuq vulkani attivi. Hu għalhekk li l-popolazzjoni kollha toqgħod mal-kosta tagħha, għax nofs il-pajjiż hu vulkan sħiħ li jiġbed numru ta’ turisti biex imorru jarawh jiżbroffa għal diversi drabi matul is-sena. Dan il-fatt jidher l-aktar minħabba li fil-gżira m’hemmx siġar għax l-art hi kollha vulkanika.

Dan ma jfissirx li m’hemmx natura spettakolari, anzi, hemm l-aktar kaskata wiesgħa fl-Ewropa, u l-Fjords u l-geysers huma spettakolari. Billi l-Iżlanda tinsab impoġġija fuq vulkani, l-ilma mill-art joħroġ jaħraq, tant li flok water heaters, fil-banjijiet tagħhom jitħaffer fl-art pajp, u dan itella’ l-ilma mill-art jaħraq. Fil-fatt, meta wieħed jinħasel fl-Iżlanda toħroġ riħa ta’ kubrit li ddejqek, u ngħid għalija kont inxommha tinten ħafna, iżda dak hu misħun naturali tiela minn taħt l-art u trid tidrah. Il-fatt li hemm dan il-misħun kollu naturali jgħin biex anke t-toroq ma jżommux silġ fuqhom.

Reykyavik hi l-belt kapitali tal-Iżlanda u hi bħal kull belt oħra moderna u kosmopolitana fejn fiha jgħixu l-akbar numru ta’ abitanti. L-irħula jew bliet żgħar barra Reykyavik huma ċkejkna, u fil-maġġoranza tagħhom villaġġi ta’ sajjieda, li hu l-uniku introjtu jew aħjar l-akbar introjtu tagħhom u rziezet bin-nagħaġ ċkejkna tagħhom u anke żwiemel żgħar iżda b’saħħithom immens. Wieħed isib ukoll diversi villaġġi bi djar tal-pupi mal-kosta.

Iżda żgur li meta wieħed iżur l-Iżlanda fuq btala, ma jmurx biex joqgħod Reykyavik, iżda biex iżur postijiet li ma ssib bħalhom imkien fl-Ewropa, bħall-widien immensi tas-silġ, deżert bla ħajja tal-lava u l-akbar glaċier tal-Ewropa, Vatnajökull.

Il-Blue Lagoon
Il-Blue Lagoon

Meta wieħed iżur l-Iżlanda, bilfors li jrid imur hekk l-imsejjaħ ‘Blue Lagoon’, li hu speċi ta’ lag b’kulur ċelesti ta’ misħun naturali, fejn huma l-ħafna li jmorru f’dan l-għar, jidħlu fl-ilma sħun u joħorġu jgħumu f’lag fuq muntanja b’temperatura kiesħa ħafna barra l-ilma u sħuna fl-ilma. Esperjenza unika.

Geysir
Geysir

U xi ngħidu għall-eskursjoni tal-geysers li jinsabu ’l fuq minn 150 metru fuq il-livell tal-baħar? Hemm wieħed jara dawn l-iżbruffaturi ta’ ilma jagħli jisplodu fl-ajru. Għal eluf ta’ snin, dawn kienu parti mill-ispettaklu Iżlandiż tant hu hekk li l-kelma Ingliża ta’ geyser ħarġet minn dawn il-geysers naturali.

L-aktar kaskata wiesgħa fl-Ewropa...Dettifoss
L-aktar kaskata wiesgħa fl-Ewropa...Dettifoss

Iżda jkolli nammetti li l-akbar spettaklu li żort fl-Iżlanda kien il-kaskata Gullfoss, li hi l-aktar waħda wiesgħa fl-Ewropa. Ma tieqafx tieħu r-ritratti magħha.

Jekk il-kaskata kienet l-akbar esperjenza sabiħa tiegħi fl-Iżlanda, meta mort biex nara l-baleni fin-North Sea kienet l-aktar waħda li ma ninsa qatt. Għax filwaqt li ħriġna f’baħar b’temperatura inġazzata għal bejn 4 u 5 siegħat sħaħ, malli smajt l-għajjat, ‘whales’ kulma rajt kien il-mewġ u dak kollu li beda ħiereġ mill-istonku tiegħi. U meta tkun taf li f’mument mill-aktar diżastruż bħal dak, ħaddieħor qed jiġbed ir-ritratti tal-baleni u jien naħseb li kien għad baqgħali xi erba’ sigħat oħra biex inpoġġi saqajja fuq art wieqfa...qas biss irrid niftakar.

Hemm diversi eskursjonijiet mill-isbaħ li tmur għalihom b’ajruplan ċkejken fejn joħduk fid-dinja tas-silġ u tas-seals u polar bears. Joħduk Greenland u diversi deżerti tas-silġ. Mhux b’xejn, iżda worth it.

Tista’ wkoll iżżur il-vulkan Eyjafjallajökull li meta l-aħħar żbroffa fl-2010 ħoloq paniku sħiħ fl-Ewropa, iżda l-Iżlandiżi tbissmu u ħadu pjaċir jarawh jiżbroffa.

Storikament, l-Iżlandiżi għandhom taħlita ta’ demm Nordiku u Keltiku u dan jagħmilhom nies kalmi u fl-istess ħin nies li kapaċi jimxu għal rashom għax ftit huma li jagħtu kashom mill-popli l-oħra Ewropej.

Il-fatt li disa’ xhur tas-sena jisbaħ biss siegħa kuljum, (bejn nofsinhar u s-1 p.m.) jagħmel lill-Iżlandiżi bħala l-aktar poplu li għandhom rati ta’ suwiċidju fl-Ewropa. Fattur negattiv iżda hu fattwali. Hu għalhekk li fis-summer nights kollha tarahom jiċċelebraw u jgħannquk u jiżfnu fit-toroq 24 siegħa kuljum fi tmiem il-ġimgħa.

Kif tasal

Biex wieħed imur l-Iżlanda jrid jaqbad ajruplan mill-Ingilterra inkella mid-Danimarka. Biljett għoli mhux ħażin, bħalma hi għolja l-ħajja hemmhekk. Jiġifieri jekk tiddeċiedi li żżur l-Iżlanda trid tfaddal ftit aktar mis-safra tas-soltu. Iżda dak li tesperjenza hemm, ma tesperjenzah imkien iżjed. L-Iżlanda hi unika!

 

More in Divertiment