Bristol u Somerset: Famuża għall-ġobon Cheddar, villaġġi pittoreski u storja

Bristol illum tħabbatha ma’ Londra f’dak li hu shopping u fin-‘night life’ mill-aqwa tagħha

Clifton Bridge fi Bristol
Clifton Bridge fi Bristol

L-Ingilterra hi magħmula minn 45 counties, bl-akbar waħda tkun Yorkshire u bl-iżgħar waħda hi Rutland li tinsab fil-Midlands. Somerset hi s-seba’ l-akbar county u tinsab fin-naħa t’isfel tal-Ingilterra, madwar sagħtejn ’l isfel minn Londra. Hi żona magħrufa ħafna għall-kampanja pittoreska tagħha, għall-istorja rikka tagħha u għall-ġobon Cheddar. Se nipprova nwasslilkom xi ftit postijiet fejn wieħed jista’ jżur f’din iż-żona. Nissuġerilkom biex iżżuru Somerset sew, toqogħdu fil-belt ta’ Bristol li sa ftit żmien ilu kienet tagħmel mal-istess Somerset iżda llum hi meqjusa bħala ‘county’ għaliha.

 

Bristol: belt riġenerata

B’popolazzjoni daqs ta’ Malta, din il-belt hi meqjusa bħala s-sitt waħda l-aktar popolata fl-Ingilterra u t-tmien waħda mill-Gran Brittanja kollha. Il-belt li hi mibnija madwar ix-Xmara Avon, ġiet riġenerata fejn il-baċiri fiċ-ċentru tal-belt ġew riġenarati bħala ċentri ta’ wirt nazzjonali, kultura u nightlife.

Barra l-Katidral majestuż, l-Università u l-parti ta’ fejn kien hemm il-baċiri, Bristol hi magħrufa għall-‘Clifton Suspension Bridge’ li jaqsam l-Avon Gorge u hu s-simbolu tal-belt ta’ Bristol. Għal aktar minn 150 sena din l-istruttura attirat turisti mid-dinja kollha. Fatt kurjuż hu li dan il-pont li kien iddisinjat għaż-żwiemel, jilqa’ fuqu madwar 12,000 karozza kuljum.

Bristol Docks riġenerat
Bristol Docks riġenerat

Iżda jien ninsab ċert li l-aktar ħin li se tqattgħu, hu fid-diversi shopping malls bl-aktar wieħed modern hu Cabot Circus li fih hemm 120 ħanut u 25 kafetteriji u ristoranti. Il-High Street għandha 300 ħanut u department stores fi Broadmeed fejn fiha hemm ukoll Bristol Mall.

Dan barra l-pubs u clubs li hemm fil-parti antika ta’ Bristol bil-Ġimgħa u s-Sibt it-toroq dojoq u ħdejn id-docks ikunu ppakkjati bi storbju stil ta’ Paceville taż-żgħażagħ li jmorru jgawdu l-weekend. Min iħobb il-musicals Bristol toffri wkoll Musical bħal dawk ta’ Londra li jinbidel minn xahar għall-ieħor.

Cheddar Gorge: il-villaġġ tal-ġobon Cheddar

Ftit kilometri bogħod minn Bristol wieħed isib villaġġ pittoresk li jieħu l-isem mill-ġobon tant famuż li jipproduċi, Cheddar Gorge. Dan il-villaġġ hu speċi ta’ passaġġ dejjaq bejn żewġ għoljiet jew aħjar irdumijiet tal-franka li huma għolja sa 500 pied u jingħad li huma l-ogħla rdumijiet fuq ġewwa tal-art fil-pajjiż kollu.

 

Il-ġobon Cheddar hu famuż madwar id-dinja kollha u hawnhekk hawn diversi rziezet li jimanifatturaw dan il-ġobon. Il-manifattura nistgħu narawha meta nżuru il-fabbrika ta’ Cheddar. Għalkemm ma nagħtikomx parir tagħmlu dan għax iġegħluk tħallas biex tara t-taparsi fabbrika li tikkonsisti f’kamra waħda u jdewquk biċċa ġobon li ġurdien tal-imramma żgur li jibqa’ bil-ġuħ.

 

Aħjar il-ħin u l-entratura tħalluha biex iżżuru l-għerien ta’ Gough li hu sit famuż internazzjonalment minħabba s-sejbien paleolitiku (12 – 13,000 sena ilu) fejn fihom hemm l-aktar skeletru sħiħ antik, li għandu 9,000 sena.

 

Hemm żewġ għerien miftuħa għal pubbliku, il-Gough’s Cave u Cox Cave li hu iżgħar. It-tnejn magħrufa għall-ġeoloġija tagħhom u jingħad li dawn l-għerien fihom kien isir il-ġobon fi żmien il-preistorja.

 

Gough's cave, ġiet skoperta fl-1903 u fihom wieħed isib diversi formazzjonijiet ta’ blat. Cox's Cave, li kien skopert fl-1837 hu żgħir imma fih diversi formazzjonijiet li fihom jgħixu kolonji ta’ friefet il-lejl. Interessanti għal dawk li jħobbu jimxu hu l-fatt li hemm 350 rotot li wieħed jista’ jixxabbat matul is-27 irdum li jiffurmaw Cheddar Gorge.

 

Wells: l-iżgħar belt fl-Ingilterra

 

Wells hi belt ċkejkna u minħabba li fiha Katidral, għandha status ta’ Belt, u dan il-fatt jagħmilha bħala l-iżgħar belt fl-Ingilterra kollha.

Iżda l-aktar ħaġa li mmeraviljatni f’din il-belt li ma niġba qatt inżurha hu l-Katidral maestuż, li hu wieħed mill-isbaħ bi storja kbira. Il-Katidral li beda jinbena fl-1230 juri waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ skultura medjevali fid-dinja. Hi wiesgħa 147 pied u hemm 340 statwa fejn 150 minnhom huma ta daqs ta’ bniedem jew akbar. Biex inbena dan il-Katidral ħa 200 sena. Wells Cathedral hu deskritt bħala “the most poetic of the English Cathedrals.”

 

Mal-ġenb tiegħu hemm triq medjevali li qatt ma rajt bħala. Imsejħa bħala Vicars Close, din it-triq inbniet fl-1360 u hi l-aktar triq medjevali antika abitata fl-Ewropa. Id-djar fuq kull naħa tat-triq kellhom salott fis-sular ta’ isfel u kamra tas-sodda fuqha. Illum id-djar kabbruhom billi għaqqduhom ma’ xulxin. Għalkemm id-dar numru 22 għadha kif kienet fil-Medju Evu.

 

Bath - il-belt Rumana b’arkitettura Ġorġjana

Jekk jogħġbuk bliet Ingliżi mingħajr l-intensità ta’ Londra u li meta żżurha tibqa’ impressjonata f’moħħok, ma tistax ma tmurx Bath.

Bath
Bath

Din il-belt kienet inbniet bħala spa resort bl-isem Latin Aquae Sulis (L-Ilmijiet ta’ Sulis) mir-Rumani fl-AD 43, għalkemm jingħad li Bath kienet hemm qabel dan iż-żmien. Ir-Rumani jingħad li bnew il-banjijiet u t-tempju fil-vallata tax-xmara Avon madwar in-nixxiegħat sħan (hot springs) li huma l-uniċi li hemm fl-Ingilterra li huma naturali. Ħafna wara, kienet saret popolari bħala spa resort fl-era Ġorġjana li ħalliet wirt kbir ta’ arkitettura mnaqqxa mill-ġebla ta’ Bath.

 

Fl-1987 il-belt ta’ Bath ingħatat l-unur bħala wirt dinji. Din il-belt fiha varjetà ta’ teatri, mużewijiet u avvenimenti kulturali oħra li għenu biex din il-belt issir waħda ferm importanti għat-turiżmu. Tant li fiha jgħixu miljun persuna u jżuruha madwar 4 miljun turist kull sena.

Ħafna mill-bini li naraw illum hu tas-seklu 18. Arkitetti lokali kienu ispirati mill-arkitett Taljan Andrea Palladio biex jibnu Ruma ġdida.

Dan huwa ir-Royal Crescent, djar Ġorġjani mill-1770 li hi l-kelma Ingliża għan-neo klassiku.

Blokka ’l bogħod, wieħed jiltaqa’ ma’ biċċa arkitettura oħra Ġorġjana imsejħa ‘The Circus’, li hi speċi ta’ Colosseo minn ġewwa.

 

Kif tasal hemm

Biex iżżur Somerset, l-aqwa mod hu li tmur mar-RyanAir sa Bristol, u minn hemm tista’ żżur Somerset.

 

 

 

 

 

 

 

More in Divertiment