Abruzzo: Fejn tpaxxi għajnejk u żaqqek

Castelli
Castelli

Forsi l-popolarità t’Abruzzo f’Malta saret magħrufa minħabba t-terremot qawwi li kien venven lill-Aquila ftit tas-snin ilu. Iżda Abruzzo hu ħafna aktar minn hekk. Hu żona li jiżboq lil kull żona oħra fl-Italja għall-ġenwinità fl-ikel u bi ġmiel naturali kull fejn tmur u żżur. L-irħula kollha huma mibnija fuq għoljiet, kollha medjevali jew rinaxximentali priservati mmens u li minnhom wieħed jista jgawdi xenarju spettakolari. Hu l-unika żona fejn fih muntanji u anke baħar mill-isbaħ. 

Żewġ terzi minn Abruzzo hu muntanjuż. Il-kumplament hi art li tikkonsisti minn għoljiet u pjanuri madwar kosta Adrijatika li hi twila 129 kilometru. Il-katina tal-Appennini taqsam ir-reġjun ta’ Abruzzo fejn hemm l-ogħla muntanji fil-penisula Taljana, b’Corno Grande fil-Gran Sasso għolja 2,914-il metru, u Monte Amaro fil-grupp tal-Maella għolja 2,795 metru. Ix-xmajjar prinċipali huma Aterno Pescara, is-Sangro u Tronto. Abruzzo hi maqsuma f’erba provinċji, l-Aquila, Teramo, Chieti u Pescara.

Il-Gran Sasso għolja 2,914-il metru, hi l-ogħla muntanja fil-peniżola Taljana

Abruzzo hu reġjun fin-naħa t’isfel tal-Italja li għandu l-ġmiel naturali bħal tat-tramuntana u fl-istess waqt għad għandu stil ta’ ħajja Taljana mingħajr mittiefsa minn mijiet ta’ snin ilu. Ħajja li ma nbidlitx għal sekli sħaħ. In-nanniet Taljani jsejħulu bħala l-Art tal-Mulej. Jgħixu hawn kważi mal-miljun u nofs ruħ. 

F’Abruzzo wieħed għadu jsib foresti mimlija lupi u orsijiet, passaġġi antikissimi li għadhom jiġu użati mir-rgħajja u n-nagħaġ tagħhom, kastelli li fil-preżent m’għandhom l-ebda skop ħlief li joħduk lura fiż-żmien meta dawn kienu jgħassu l-ibliet tagħhom mill-għadu. Illum dawn il-kastelli issibhom weħidhom f’wesgħat ’il bogħod miċ-ċiviltà fejn l-uniku sinjal ta’ ħajja hi xi ajkla jew xi merħla mogħoż tal-muntanji.

Scanno, fejn weħel iż-żmien
Scanno, fejn weħel iż-żmien

Il-ġmiel ta’ Abruzzo tista’ tħossu meta tkun f’Pescara jekk tħares fuq naħa tara l-muntanji tal-Maiella, u kif iddawwar wiċċek jitfaċċa l-Adrijatiku.

In-naħa t’isfel tal-Gran Sasso matul ir-rebbiegħa, is-sajf u l-ħarifa tkun mimlija bin-nagħaġ jirgħu mmexxija mill-klieb u wieħed jista’ jara wkoll żwiemel slavaġ li wieħed għadu jsib jirgħu weħidhom fuq il-muntanji. F’dan il-park jgħixu wkoll il-lupu, l-ors Marsikan, il-qattus selvaġġ u l-kamoxxa (ċerv, il-ħanżir selvaġġ, il-volpi, is-serp tal-ħaxix, il-lifgħa u varjetà kbira ta’ tajr bħall-ajkla, il-peregrine u ħafna oħrajn li wieħed jista’ jilmaħhom meta jkun qed idur f’dan il-park.

Fin-naħa tal-lvant ta’ Corno Grande jinsab Campo Imperatore li tasal għalih bil-cable car u li fil-preżent hu skiing resort mill-aktar famuż. Fit-triq lejn Campo Imperatore wieħed jista’ jara lukanda li fiha kien miżmum arrestat Benito Mussolini bejn Awwissu u Settembru 1943 qabel ma ġie maħrub min-Nazi waqt operazzjoni Ġermaniża.

Lago di Scanno
Lago di Scanno

Fl-2005, il-quċċata, għolja 2,424 metru li kienet tissejjaħ ‘The Gendarme’ ġiet mogħtija l-isem ġdid ta’ ‘John Paul II Peak’ wara li l-mibki Papa kien żar din il-muntanja diversi drabi għax kien jgħid li tfakkru ħafna fil-muntanji tal-Polonja.

Ma nistax insemmi l-villaġġi kollha għax kollha għandhom il-partikolarità tagħhom, iżda bla dubju li r-raħal ta’ Scanno hu wisq partikolari fejn fih, wieħed għadu jsib lin-nisa bl-għonnella u miexja fit-toroq dojoq u mserrpin tiegħu tħallik bla nifs meta minn kull kantuniera tilmaħ il-pjanuri ta’ taħt ir-raħal.

Ikel

Il-kċina Abruzzese hi waħda li tpaxxilek l-istonku. Hi ferm ġenwina u tħabbatha sew mal-aqwa kċejjen oħra Taljani, forsi aktar ġenwina. Kull provinċja ta’ Abruzzo għandha tradizzjoni kulinarja partikolari.

Il-Makkaroni alla Chitarra huma fost l-aktar imfittxija li huma għaġin ‘home made’ maqtugħ b’magna bi xfafar irqaq. Anke l-iscrippelle huma mfittxija li huma speċi ta’ għaġin irqiq li jittiekel fis-sopop u hu tipiku tal-provinċja ta’ Teramo. U xi ngħidu għas-soppa taċ-ċiċri.

Fuq il-kosta, wieħed isib ikel ibbażat fuq il-ħut fejn l-aktar msemmi hu l-brodo vastese li hu speċi ta’ brodu bil-ħut u biz-zalza tat-tadam fejn wara li tiekol diversi tipi ta’ ħut, jagħtuk l-ispagetti alla Chitarra u tħallat miegħu z-zalza tal-ħut li tkun għadek kif kilt. 

Il-ħaruf ta’ Abruzzo hu bla dubju l-itjeb u l-aqwa fl-Italja anke jekk lili xorta ma rnexxielhomx iħajruni nduqu għax il-ħaruf hu l-uniku ikel li qatt ma niekol. Wieħed isib is-salami imsejjaħ ventricina li jaħraq, imma huwa tajjeb immens.

Abruzzo jaqsam l-Italja orizzontalment minn Ruma għal Pescara

U xi ngħidu għall-inbid fejn fost l-aqwa għandek il-Montepulciano d’Abruzzo, Sangiovese u Trebbiano d’Abruzzo

Bħala deżerta, it-Torrone hu fost il-favoriti iżda bla dubju li l-confetti (perlini mimlijin b’kull tip ta’ lewż) ta’ Sulmona huma mhux biss bnini iżda tant jagħmluhom sbieħ u f’kull forma, li kważi lanqas ikollok aptit tikolhom. Insomma fir-reġjun ta’ Abruzzo l-ikel tant hu vast u bnin li rrid żewġ paġni biex insemmi kollox. Morru u duqu kulma joffrulkom għax kollox tajjeb.

Kif tasal

Abruzzo  jaqsam l-Italja orizzontalment minn Ruma sa Pescara u għalhekk biex iżżuru trid ittir sa Ruma, bl-Air Malta inkella Ryan Air u l-aħjar mod biex tgawdi l-Abruzzo hu billi tikri karrozza u tibda tieqaf ma’ kull raħal li ssib. Għax bit-tren diffiċli biex tieqaf iżżur dawn l-irħula pittoreski. Mhux diffiċli li ssuq għax Abruzzo hu nieqes ferm mit-turisti u t-toroq mhux wisq iffullati bit-traffiku.

More in Divertiment