Gayyaġni
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqbad b’interess it-tieni volum tal-antoloġija ta’ Aphroconfuso, li jiftaħ tieqa fuq il-letteratura queer bil-Malti, u allura jġib fostna bis-saħħa r-realtajiet tal-persuni queer, kemm dawk mill-passat li ntesew u anki dawk tal-lum, li ssib min jipprova jnessihom
Ġunju: ix-xahar tal-qawsalel u l-posts ikkuluriti fuq Facebook mill-politiċi biex jirriklamaw l-appoġġ tagħhom lejn il-kostitwenti queer tagħhom. Però iżjed importanti minn hekk, huwa x-xahar fejn infakkru r-realtajiet ta’ persuni queer, passati u preżenti, sabiex ma nreġġgħux l-arloġġ lura fuq il-passi kbar li għamilna bħala soċjetà f’dal-qasam.
Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju/pubblikatur b’interess fil-kontrakultura, u jixħet lenti qawwija fuq ir-realtajiet marġinali u queer hawn Malta u tal-Maltin queer barra minn xtutna, permezz tad-dokumentazzjoni tal-istejjer tagħhom. Kull Novembru jippubblikaw antoloġija bix-xogħol kollu li deher fuq is-sit elettroniku tagħhom matul is-sena ta’ qabel. Ma jonqosx li fit-tieni antoloġija tagħhom, ippubblikata f’Novembru tal-2025, ippubblikaw diversi stejjer u esejs li jirriflettu dan.
Id-dokumentazzjoni tar-realtà queer hija prijorità għal wieħed mill-kontributuri f’din l-Antoloġija, Omar N’Shea. Fil-kitba tiegħu ‘L-Aħħar Ballu tas-Sinjorini’, li diffiċli tikklassifika jekk hix esej jew memoir, N’Shea jiddokumenta perjodu f’Malta li qatt ma kont qrajt dwaru – ix-xena queer fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet, partikolarment dik tas-sinjorini, u l-ferita kbira li ħalliet l-AIDS fuq xtutna. Id-dokumentazzjoni ta’ dan il-perjodu partikolari hija skarsa immens, u kif jgħid N’Shea, kuntrarju għal postijiet bħal New York u Londra, “Malta la għandna arkivju u lanqas nafu l-istejjer ta’ sħabna u l-maħbubin tagħna li mietu f’dawn iż-żminijiet”. Is-silenzju kien mod kif tissopravvivi dan il-virus kattiv, għaliex “f’kuntesti żgħar bħal tagħna, li tiftaħ ħalqek kien ifisser mewta oħra, mewta doppja. Kont tinqatel mod ieħor, għax iwarrbek kulħadd.”
L-effett ta’ dan il-moratorju għadna nħossuh illum, fejn minn dik il-ġenerazzjoni, N’Shea huwa prattikament l-unika persuna li qed jiddokumenta x’ġara dak iż-żmien. In-nies li għexu dan il-perjodu mudlam iridu jidfnu l-passat magħhom, għaliex kien żmien fejn il-politika tal-pajjiż, u l-omofobija sistematizzata, wasslet biex raw lil ħafna minn sħabhom imutu, jew jgħibu minn ħajjithom darba għal dejjem, u jmutu mewta iżolata, bogħod mill-għajnejn imberrqin tan-nies.
Minkejja l-ħajta ta’ diqa li jġegħluk tħoss dawn it-tletin paġna int u taqrahom, is-silta tiftaħ b’enerġija vibranti u manjetika ġo kamra tas-sodda ta’ sinjorina (kif fhimtha jien, raġel queer li ġieli tilbes ta’ mara) ġewwa l-Wardija, hi u tħit u tipprepara libsa ġdida għall-ballu li kien se jseħħ dak il-lejl ġewwa Natasha’s, ix-Xemxija. Din it-terminoloġija bil-Malti kienet ġdida għalija li jien iżjed familjari ma’ letteratura queer miktuba bl-Ingliż, u forsi l-awtur qed ikun ġeneruż wisq meta jassumi li l-qarrejja kollha huma familjari magħha. Iżda permezz tal-kitba luċida u deskrittiva ta’ N’Shea, mill-kuntest fhimt li dan il-ballu kien speċi ta’ party u drag show ikkumbinat. Infatti, ħadt gost naqra kliem bħal “jivvowgjaw” u “ikkampjar” fuq paġni ta’ ktieb bil-Malti – napprezza ħafna l-isforz ta’ Aphroconfuso sabiex isibu l-kliem bil-Malti fejn hemm vojt lessikali.
Insomma, mill-Wardija, nispiċċaw Natasha’s, ix-Xemxija. Niltaqgħu ma’ ħafna sinjorini, b’deskrizzjonijiet iddettaljati tal-ilbies estravaganti u glamoruż għall-okkażjoni, tar-repertorju mużikali li kienu jdoqqu bejn dawk l-erba’ ħitan u li saru parti mill-identità queer tagħhom, u tal-komunità qawwija bejniethom. Dan il-festin għalihom kien forma ta’ ċelebrazzjoni tal-ħajja fuq il-mewt. Fil-verżjoni online, N’Shea tella’ ritratti ta’ posters antiki li jippromovu dawn il-festini. Poster minnhom laqatni ħafna, bin-numru 13 fuqu – kemm mietu nies bl-AIDS f’Malta sa dak il-punt (1995). Iżda minn kitba estatika ta’ gost u żagħbil, din f’daqqa tittrasforma f’waħda ta’ tensjoni u dalma, hekk kif jidħlu l-pulizija u jisfrattaw dan l-ispazju sikur tagħhom – riflessjoni tas-sorveljanza u l-indħil tal-Istat fil-ħajjiet queer, fl-istorja mhux wisq imbiegħda Maltija.
N’Shea jagħmel biċċa xogħol kruċjali għad-dokumentazzjoni ta’ dawn ir-realtajiet li m’għandhomx jintesew. Pereżempju, jiddokumenta l-ġeografija queer hawn Malta, fejn l-awtur isemmi postijiet iffrekwentati mill-“pufti”, terminu li kif jispjega hu llum qed nirriapproprijawh, bħas-Seabed il-Belt u l-Pips ġewwa San Pawl il-Baħar – postijiet li issa ttieklu mill-ġentrifikazzjoni u diġà kważi ntesew. Jiddokumenta wkoll l-ismijiet tas-sinjorini bħal Maledetta Primavera, id-Dafni, it-Tammy, is-Sapuna u l-Vanoni. Pero l-iżjed li tolqtok hija l-lingwa li kienet tintuża biex tiddiskrimina kontra, jew tiddeskrivi l-persuni queer, u speċjalment dawk li kellhom l-AIDS: “il-pufti ġew medikalizzati … kull pufta qalgħuhielu “l-Aids”; kellhom id-dudu, il-pesta, il-mard, id-dell, il-ħmieġ, is-saħta divina.” Id-dokumentazzjoni ta’ kliem aħdar bħal dan huwa pass importanti sabiex il-feriti tal-passat ma jgħibux mill-memorja kollettiva tal-komunità queer Maltija, u sabiex jekk hemm bżonn isir parti mid-diskors politiku hawn Malta.
Apparti s-silta ta’ N’Shea, bix-xieraq ukoll insemmi ‘Djarju’ ta’ Warren Bartolo u ta’ fatima a.m., li wkoll jesploraw, b’intensità differenti, temi queer. F’din l-antoloġija ssib seba’ siltiet mid-djarji ta’ kontributuri tal-ġurnal, fejn fihom jirriflettu fuq ħajjithom u fuq il-proċess tal-kitba tagħhom u s-sorsi ta’ ispirazzjoni tagħhom.
Bartolo jiddeskrivi ħajtu ġewwa Pariġi, ir-relazzjonijiet ma’ sħabu, u r-relazzjonijiet sesswali u/jew romantiċi tiegħu mal-irġiel, kif ukoll il-politika tas-sess abbinata magħha. Il-kitba tiegħu diretta u deskrittiva, mingħajr wisq introspezzjoni jew opinjoni fuq dak li jseħħ f’ħajtu. Rari jgħid kif iħossu fuq ċerti affarijiet, ħlief meta darba, f’sottotitlu li jikxef iżjed milli f’kitbitu, jgħid: “Nirrealizza li ma nafx nixtieqx inkompli ngħix ħajti waħdi”. Bartolo, li studja l-Klassiċi, jidher li huwa ispirat minn Erodotu f’kitbitu, li kif jispjega Bartolo: “jagħti ħafna dettalji mingħajr wisq passjoni … dissoċjattiv, li jinħass iktar kontemporanju issa.” Bartolo għandu ħakma tajba tal-lingwa queer bil-Malti, u jwessa’ l-kapaċità tal-lingwa fejn jidħol l-użu tal-ġeneru newtrali.
B’kuntrast għandek lil fatima a.m., li tikteb b’intensità, introspezzjoni u emozzjoni qawwija. Tolqotni l-umiltà f’kitbietha, fejn ma tiddejjaqx tgħid li, hi u tikteb u taqra letteratura ġdida, ġieli tħossha “qed [t]egħreq f’intellettwaliżmu sfrenat u naqra falz li jitkellem fuq esperjenzi li għandhom ikunu erotiċi u spiritwali.” Toffri lenti queer differenti, fejn għadha qed tesplora l-kumdità tagħha bi lbies mistenni għal parties “irreklamati bħala ċelebrazzjonijiet tas-saħna u tal-aptit”, u fejn għadha qed tesplora l-post tagħha fihom.
Ħerqana li naqra iżjed stejjer minn din il-komunità, anke ta’ vuċijiet ta’ persuni trans, leżbiċi u non-binary, li ma tantx għandna minnhom fir-repertorju letterarju Malti.
Id-dokumentazzjoni tal-istejjer ta’ persuni queer fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet hawn Malta huwa proġett kontinwu u importanti għal N’Shea. Min għandu xi stejjer x’jaqsam, huwa mħeġġeġ jikkuntattja lil Aphroconfuso.
