Tliet ġawhriet Ġappuniżi ta’ Malta esebiti għall-ewwel darba flimkien fil-kastell Himeji

Tliet armaturi tas-Samuraj mill-Kollezzjoni Nazzjonali ta’ Malta, li ġew irrestawrati dan l-aħħar, bħalissa jinsabu għall-wiri flimkien għall-ewwel darba fil-Ġappun, fil-kastell ikoniku ta’ Himeji, sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, fejn se jibqgħu esebiti sal-għada tal-Milied. 

L-armaturi jiffurmaw parti mill-wirja ‘The Samurai and the Knight of Malta’, legat tal-Expo 2025 Osaka Kansai. Miftuħa uffiċjalment fi tmiem Ottubru li għadda mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun, l-E.T. André Spiteri, mas-Sindku ta’ Himeji, Hideyasu Kiyomoto, il-wirja tgħaqqad flimkien armaturi Samuraj Ġappuniżi ma’ armatura Ewropea tal-Kavallieri ta’ San Ġwann mis-seklu 17. Hija tinkludi wkoll repliki ta’ artefatti nazzjonali Maltin ewlenin li jirriflettu s-saffi varji tal-istorja ta’ Malta, fosthom il-Figura Bilqiegħda u l-Mara r-Rieqda mill-Preistorja, iċ-Ċippus ta’ Żmien il-Feniċi u l-Ġebla ta’ Majmuna minn Żmien l-Għarab. 

Il-Kastell ta’ Himeji, meqjus bħala l-aktar kastell fewdali fi stat tajjeb fost dawk li għadhom jeżistu fil-Ġappun, joffri sfond b’tifsira partikolari. It-tliet armaturi nħadmu kollha mill-familja Myōchin, esperti magħrufa fis-sengħa tal-armaturi li kellhom ukoll fergħat f’Himeji, u b’hekk hemm rabta storika bejn l-artefatti u l-belt li laqgħethom. 

It-tliet settijiet ta’ armaturi, mogħtija lil Malta fl-1862 waqt il-Missjoni Bunkyu fl-Ewropa — l-ewwel żjara ta’ nies Ġappuniżi f’Malta li nafu biha — ġew restawrati u magħquda mill-ġdid flimkien bir-reqqa minn konservaturi esperti Ġappuniżi permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, u l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun. 

Ta’ min isemmi li waqt il-proċess tar-restawr l-esperti identifikaw partijiet mit-tielet armatura, li sa dakinhar kienet għadha mhix dokumentata, u għaldaqstant il-proġett issarraf ukoll fi skoperta. Waħda mill-armaturi ġiet esebita diġà fil-padiljun ta’ Malta waqt l-Expo f’Osaka aktar kmieni din is-sena, fejn tfakkar is-60 anniversarju ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ġappun.  

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, saħaq li: “Dak li żmien ilu kien rigal diplomatiku minsi ġie trasformat f’simbolu b’saħħtu ta’ wirt kulturali komuni. Dawn l-armaturi tas-Samuraj jirriflettu l-irwol storiku ta’ Malta bħala pont kulturali u juru kif il-kollaborazzjoni internazzjonali tista’ tagħti l-ħajja mill-ġdid lill-istorja, biex din tiġi esperjenzata, apprezzata u mgħożża minn udjenzi minn madwar id-dinja kollha. 

Wara l-wasla tagħhom lura Malta, l-armaturi tas-Samuraj se jingħaqdu mal-wirja permanenti tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, ħdejn repliki tal-armi u l-aċċessorji oriġinali tagħhom. B’dan il-mod se jkomplu jservu bħala rappreżentazzjoni fiżika tal-ħbiberija twila bejn Malta u l-Ġappun. 

More in Arti