‘Mil-Lenti għar-Ritratt’: niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Fotografija
Din is-sena, is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija, pilastru u promotur tal-fotografija artistika f’Malta, għal darb’oħra se tkun qed tiċċelebra dan il-jum b’esebizzjoni speċjali bl-isem ta’ ‘Mil-Lenti għar-Ritratt’.

Ta’ kull sena, fid-19 ta’ Awwissu, fotografi u artisti viżwali minn madwar id-dinja jingħaqdu sabiex jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Fotografija. Jum li fih niftakru fil-potenzjal li l-fotografija għandha, sew bħala għodda, kif ukoll bħala arti. Filwaqt li l-fotografija ġiet ivvintata bl-għan ewlieni biex mumenti jiġu rrekordjati, illum dan l-għan twessa’ ferm aktar minn sempliċi għodda biex jinżamm rikordju.
Ritratt artistiku jinvolvi proċess ta’ osservazzjoni, interpretazzjoni u kreazzjoni. Bħal kull artist ieħor, fotografu joħloq kwadru biex jesprimi kunċett, emozzjoni, jew perspettiva. Dan il-proċess kreattiv jinvolvi serje ta’ għażliet intenzjonati li jsiru mill-fotografu. Mill-għażla tas-suġġett, l-angolu biex jinġibed ir-ritratt, l-interazzjoni bejn id-dawl u d-dell, l-iffokar, l-inkwadrar, u ma jistax jonqos li r-ritratt jaqbad il-mument kruċjali.
Din is-sena, is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija, pilastru u promotur tal-fotografija artistika f’Malta, għal darb’oħra se tkun qed tiċċelebra dan il-jum b’esebizzjoni speċjali bl-isem ta’ ‘Mil-Lenti għar-Ritratt’.
Imwaqqfa fl-1961, is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija kienet u għadha punt ta’ referenza għall-komunità fotografika lokali għal dawn l-aħħar sittin sena. Is-Soċjetà kienet maħluqa sabiex toffri sostenn lill-fotografi dilettanti u professjonali, kif ukoll sabiex tippromovi l-fotografija bħala mezz artistiku, dinamiku, u espressiv. Lil hinn mill-organizzazzjoni ta’ wirjiet, is-Soċjetà għandha rwol importanti fl-edukazzjoni u l-iżvilupp artistiku tal-membri tagħha. Dan isir permezz ta’ taħditiet ta’ kull gimgħa, korsijiet, workshops, photo-walks u programmi ta’ mentoring, kollha intenzjonati sabiex titrawwem komunità fotografika vibranti u kreattiva.
Sabiex tikkommemora l-Jum Dinji tal-Fotografija, is-Soċjetà se tkun qed ittella’ esebizzjoni li turi x-xogħlijiet tal-membri tagħha. Il-wirja hija kkaratterizzata minn varjetà wiesgħa ta’ stili ta’ ritratti kemm bil-kulur, kif ukoll iswed u abjad, kompożizzjonijiet minimalistiċi, still-life, fotografija tat-triq, ritratti espressivi u wkoll astratti. Kull ritratt esebit jirrifletti l-viżjoni unika u l-interpretazzjoni li jkun ta l-fotografu ta’ kif iħares lejn element fid-dinja ta’ madwarna.
L-esebizzjoni se tkun qed tittella’ ġewwa l-mużew storiku ta’ Wignacourt ġewwa r-Rabat. Binja Barokka, li fil-passat kienet isservi bħala r-residenza tal-Kappillani tal-Ordni ta’ San Ġwann u li tinsab biswit il-Bażilika ta’ San Pawl. Il-binja nfisha se tkun qed tikkumplimenta l-istess esebizzjoni mil-lat storiku u tirreplika l-vjaġġ ta’ kull ritratt mill-ewwel xrara ta’ ispirazzjoni minn wara l-lenti tal-kamera sar-ritratt finali mdendel mal-ħajt. F’dinja li llum miżgħuda bir-ritratti, il-fotografija esebita tiddistingwi minn dik ġenerali minħabba l-viżjoni artistika ta’ kull ritratt li jittieħed u li jintwera.
Is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija tistieden lill-pubbliku biex imur jara din iċ-ċelebrazzjoni tal-arti fotografika. L-esebizzjoni se tkun miftuħa sal-aħħar ta’ Awwissu, mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9:30 a.m sal-5:00 p.m. L-aħħar dħul sal-4:00 p.m. Id-dħul huwa bla ħlas.