Il-Profeta li ma riedx jagħmel mirakli: l-umanità kontemporanja ta’ Mario Azzopardi
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea ħarset lejn il-kitbiet minn studjużi differenti dwar l-aħħar jiem tal-poeta Mario Azzopardi u l-aħħar ktieb li kien ħareġ. Dawn kollha jinġabru fl-aħħar rivista ta’ Il-Malti, iddedikata kollha kemm hi għal Azzopardi.
Il-Ħarġa Speċjali 2024 ta’ Il-Malti, ġurnal tal-Akkademja tal-Malti, tikkostitwixxi studji dwar l-ispiritwalità tal-poeżija ta’ Mario Azzopardi, speċifikament l-aħħar ġabra tiegħu Epistoli mid-Deżert: Poeżija u Poesaġġi. Din il-ġabra hi interessanti mhux biss għal min tinteressah il-poeżija Maltija, iżda għax tlaqqagħna wkoll mal-kwistjonijiet ewlenin tas-soċjetà Maltija u li Azzopardi qatt ma beża’ jisfidana bihom. Il-ġabra tħaddem lingwaġġ akkademiku Malti li jittratta kunċetti kumplessi u osservazzjonijiet astratti. Bħala Maltin kultant inxejnu l-Malti biss bħala lingwa vernakulari u ma nħaddmuhx biżżejjed fir-reġistri potenzjali kollha tiegħu.
Fid-daħla, George Farrugia jgħid kif Ġużè Chetcuti sejjaħ lil Azzopardi “poeta ribell, provokanti u radikalista” kemm fil-forma kif ukoll fil-kontenut, imlaqqam saħansitra “l’enfant terrible” tax-xena poetika lokali. Fl-istudju Mario Azzopardi: Jien il-Poeta Misħut, Charles Briffa jsejjaħlu “l-aktar poeta ribelluż Malti tat-tieni nofs tas-seklu 20”. Briffa jsemmi l-“umanità kontemporanja” tiegħu u kif kien ‘jidentifika ruħu ma’ kull min ibati fis-soċjetà kontemporanja”, u jeħodha kontra kull dogma tradizzjonali, “suġġetti li tradizzjonalment f’Malta kienu jitqiesu pprojbiti jew offensivi bħas-sesswalità mberrħa, id-deformazzjoni grotteska, it-tweżwiż u l-faċċjoliżmu tar-reliġjużi, u l-arja żejda fl-imħabba għall-pajjiż”.
Briffa janalizza l-ħila tal-poeta li jibni awtoritratt letterarju: “Il-kitba Azzopardjana tipproduċi suġġett u tpoġġih f’vettrina biex jarah kulħadd. Tittrasforma lil Azzopardi f’suġġett konkret [...] biex jikxef il-qawwiet esterni bħala mniġġsin u mħassrin”. Is-“sens ta’ telfa” ġej mill-identifikazzjoni tal-poeta ma’ vittmi u “l-pazjent-targit li jkun daħal fil-frejm mentali tiegħu jġagħlu jħoss u jbati miegħu”.
Tikkuntrasta mal-approċċ rivoluzzjonarju ta’ Azzopardi (jew inkella tikkumplementah), insibu l-ispiritwalità tiegħu – fejn isawwar lilu nnifsu f’pellegrin, “poeta-raħeb” - kif jispjega Charlo Camilleri fl-istudju tiegħu Quddiem “bieb samm” ta’ “sala migrufa” - li “jgħammar fid-deżert, jolfoq u jibki għalih innifsu u għad-dinja ta’ madwaru”, saħansitra mlaqqam “Il-Mulej” fil-ħajja reali. Dan jikkuntrasta mal-“ipokriti mitlufin f’Kattoliċiżmu ferventi iżda nieqes mill-Kristjaneżmu”, kif isemmi Keith Borg.
Camilleri josserva t-tranżizzjoni ta’ Azzopardi mill-“Jien jien” – l-esperjenza individwali, għall-“Jien INT”: “Jien INT hija stqarrija tal-mistika adwajta mibnija fuq il-verità tal-Wieħed li teħodha kontra l-illużjoni tal-multipliċità [...] it-twaħħid li naslu għalih f’mixja mill-illużjoni tal-ħafna li twassal [...] għall-Verità waħdanija tal-Wieħed li jinsab fil-qalba ta’ kollox u li minnu kollox joħroġ”. Camilleri jirreferi wkoll għar-relazzjoni tal-poeta man-
nisa f’ħajtu, fejn “Fl-għarfien tiegħu tan-nisa – ukoll fuq livell erotiku u senswali – il-Poeta jfittex dan it-twaħħid, sħuħija divina” – “erotiżmu mistiku”.
Fl-istudju Dal-leħen jirbombja mid-deżert, Keith Borg jittratta “l-appell soċjali” tal-poeta, fejn jgħidilna li “kull kitba ta’ Azzopardi hi att politiku” “kontra l-folla u kontra s-sistema li tgħakkisha”. Azzopardi “dejjem saħaq li jikxef u jġib fil-wiċċ dak li s-soċjetà tistħi minnu, tipprova twarrbu u taħbih [...] jipprova jkisser ir-regoli arbitrarji, dak li ħafna drabi jitqies bħala l-miġnun”. Borg jikkwota lil Oliver Friggieri, li jidentifika żewġ aspetti li jlaqqgħu u jġelldu l-poeżija ta’ Azzopardi: “(i) ix-xewqa [...] li jirriforma liċ-ċittadini ta’ pajjiżu u (ii) l-aljenazzjoni, jew nuqqas ta’ xewqa, taċ-ċittadini li jirriformaw ruħhom”. Borg isemmi l-attiviżmu ta’ Azzopardi wkoll dwar l-immigrazzjoni, il-kawża Palestinjana, il-qerda ambjentali u l-kummerċjalizzazzjoni tal-arti. Fl-istudju Bl-inġenji grotteski tax-xjaten, Adrian Grima jiffoka fuq il-kundanna tal-poeta - rari fil-letteratura nazzjonalista Maltija - tal-“prepotenza kolonjali u neokolonjali” u kif l-emigranti li telqu lil Malta tilfu l-identità tagħhom f’kontinent kbir iżda dan wassalhom biex ironikament isibu “l-qawmien tagħhom bħala bnedmin [...] minsija, imma almenu ħielsa”.
Borg isemmi wkoll li, minkejja li Azzopardi kien jeħodha kontra l-Knisja tradizzjonali, “dan ma jfissirx li [...] ma jinteressahx mit-tiftixa ta’ Alla”, anzi kellu ossessjoni dwaru: “Azzopardi qiegħed jipprova jifhem minn fejn ġie, iħares lejn niesu mill-bogħod filwaqt li dawn jinsabu aljenati bil-festi.” Din l-ossessjoni jisħaq dwarha wkoll Immanuel Mifsud, fl-istudju tiegħu Kellu fuqu riħa ta’ mirra w sandlu, tant li jgħidilna li “Il-poeżija ta’ Mario Azzopardi mhux talli mhijiex espressjoni atea, talli hija dokument ta’ ossessjoni b’Alla”. Mifsud ikompli biex jagħmel id-distinzjoni: “L-esperjenza li jirrakkonta l-poeta mhijiex sempliċiment esperjenza spiritwali: hija esperjenza reliġjuża [...] li tqim xi divinità, li l-individwu jissottometti ruħu għal entità ferm akbar minnu”. Din l-espedizzjoni tiżvela wkoll li, minkejja l-korla tal-poeta lejn il-konvenzjoni, għandu “faxxinu bit-tradizzjoni”, fejn l-esperjenza reliġjuża tiegħu fil-fatt “hija esperjenza tradizzjonali għaliex il-poeta ma jħarisx lejn ir-reliġjon minn perspettiva kontemporanja”. Ir-“reliġjożità tradizzjonali” tiegħu tinvolvi “l-identifikazzjoni tal-innifsi mal-profeta, mal-pellegrin, mal-mistiku jew l-axxeta [...] kunċett magħruf [...] Kristjanizzat: ta’ kredenti konvint li jterraq fi vjaġġ sagru”. L-“għan reparatorju” ta’ salvazzjoni mżewweġ mas-“sens kbira ta’ ħtija” u “l-istqarrija pubblika tad-dnub” f’xogħlu jikkonfermaw ukoll perspettiva reliġjuża tradizzjonali. Id-dnub jissemma’ wkoll minn Grima, li jsemmi kif kien sors ta’ rimors u aljenazzjoni tal-poeta minnu nnifsu. Fl-aħħar, Mifsud josserva li dal-proġett hu ddestinat li jfalli, l-ewwel għax Azzopardi hu “bniedem tar-raġuni” li ma riedx biss jemmen imma jifhem b’“xewqa mhux biss għas-salvazzjoni imma tal-għarfien u tal-għerf”. It-tieni, minħabba “l-inabilità li l-poeta jiċħad il-ġisem”, evidenti fir-referenza tal-poeta għall-ħafna nisa f’ħajtu u “l-fantasija tal-prostituzzjoni sagra”, tendenza li dwarha Mifsud jikkwota l-istudjużi femministi li nnutaw li “l-ekonomija maskilista dejjem tispiċċa tħares lejn il-mara jew bħala ġisem desesswalizzat [...] jew inkella ipersesswalizzat”. Mifsud ukoll iqabbel lil
Azzopardi ma’ Dun Karm fejn xogħol wieħed jirrifletti lil tal-ieħor u jixhed id-djalogu tal-poeta ribelluż mat-tradizzjoni.
L-istudju F’rasi l-barnuża tat-tewba riesaq lejn il-qofol divin ta’ Patricia Gatt, li kienet qrib il-poeta personalment, hu wieħed prezzjuż li jmiss il-qalb. Gatt tikkwota xi wħud mill-aħħar poeżiji mhux ippubblikati tal-poeta, u xxedd dawl li jindika li t-tiftixa ta’ Azzopardi għal Alla ma kinitx falliment sal-aħħar, kif semma Mifsud, iżda li l-kitba tiegħu saret “sempliċi għall-aħħar. Il-ħsieb kważi klixejat. [...] Imma hawn għandna stqarrija ta’ fidi”; “il-vuċi poetika hi rrikonċiljata magħha nnifisha”. Tikteb li “F’kuntrast mal-poeżiji f’Epistoli, it-ton jinħass ċert fih innifsu, nieqes mid-dubji u l-ansjetà [...] l-atti ta’ ġjullar warrabhom u jidher li wasal għall-essenza”, għall-universaliżmu tat-twaħħid u l-“Jien INT” li jsemmi Camilleri. Gatt tikteb: “Forsi mliġġem kif kien fis-siġġu tar-roti, [...] Mario fehem li ma ngħatalniex li nħarrku l-ispirtu, imma biss li nilqgħuh”, intimazzjoni li skontha diġà kienet bdiet tinħass f’Epistoli. L-għeluq tal-istudju ta’ Gatt iqajjimlek ġismek xewk xewk, fejn tirriproduċi waħda mill-aħħar poeżiji “li tispiċċa velata fis-silenzju” għax il-kalligrafija tiegħu fl-aħħar tal-poeżija tinħall u ma tinftehimx: “Fit-traċċi indeċifrabbli fuq il-karta hemm il-komunikazzjoni tal-poetà mad-divinità, komunikazzjoni unika u intima għall-aħħar u li l-vibrazzjoni tagħha taħarbilna.”
