TABLING EMOTION — Installazzjoni Artistika Attivista Pop-Up li tenfasizza każijiet ta’ Ġustizzja Mdewma f’Malta

TABLING EMOTION tpoġġi l-attenzjoni fuq seba’ każijiet ta’ mewt mhux naturali f’Malta fejn il-ġustizzja għadha ma saritx jew ittardjat b’mod serju.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, f’kollaborazzjoni mal-Gallerija R, tħabbar il-ftuħ ta’ TABLING EMOTION, installazzjoni artistika attivista pop-up ikkurata minn Andrew Borg Wirth. L-installazzjoni tinkludi wkoll xogħlijiet tal-artisti Adrian Abela, Bettina Hutschek, Sebastian Tanti Burlo, Gulja Holland, Marlon Tabone, u Sonia Lenzi. 

TABLING EMOTION tpoġġi l-attenzjoni fuq seba’ każijiet ta’ mewt mhux naturali f’Malta fejn il-ġustizzja għadha ma saritx jew ittardjat b’mod serju. Dawn jinkludu l-każijiet ta’ Matthew Bartolo, Johanna Boni, Daphne Caruana Galizia, Lino Cauchi, Brian Rosso, Jean Paul Sofia, u Eleanor Walker. Dawn huma biss daqqa t’għajn tal-uġigħ ikkawżat minn sistema ġudizzjarja li ħafna drabi tkun ostili, u hemm ħafna aktar każijiet oħra li sabu ruħhom quddiem l-istess nuqqas ta’ empatija. 

Permezz ta’ wirja emozzjonanti ta’ oġġetti personali mqiegħda fuq mejda, il-proġett jistieden lill-viżitaturi jħossu empatija u jfakkru lill-vittmi. Xogħlijiet artistiċi minn artisti b’impenn soċjali jsaħħu s-sejħa biex wieħed jixhed, jirrifletti u jħeġġeġ għall-ġustizzja u għar-responsabbiltà. 

L-installazzjoni bdiet nhar il-Ħamis 24 ta’ Lulju f’R Gallery, 26, Triq Tigné, Tas-Sliema, u se tibqa’ miftuħa sad-29 ta’ Awwissu 2025. 

More in Arti