RETOLD: inizjattiva li qed tagħti l-ħajja lokalment proġetti Maltin li għamlu suċċess internazzjonali

‘Revisiting Maleth’ hi l-verżjoni mtennija tal-proġett li rrappreżenta lil Malta fl-2019 fit-58 edizzjoni tal-Biennale tal-Arti ġewwa Venezja

Ritratt: Kunsill Malti għall-Arti
Ritratt: Kunsill Malti għall-Arti

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar il-Kunsill Malti għall-Arti nieda RETOLD — inizjattiva li permezz tagħha numru ta’ progetti minn artisti u kreattivi Maltin li għamlu suċċess barra minn xtutna fl-aħħar snin qed jintwerew hawn Malta biex jitgawdu mill-Maltin — tnieda l-proġett ‘Revisiting Maleth’ fil-Mużew tal-Istorja Naturali, ġewwa l-Imdina.  

‘Revisiting Maleth’ hi l-verżjoni mtennija tal-proġett li rrappreżenta lil Malta fl-2019 fit-58 edizzjoni tal-Biennale tal-Arti ġewwa Venezja. Dan il-proġett jevoka l-oriġini primordjali tal-eżistenza tal-gżira, l-oriġini storiċi tagħha, u l-preżenza spazjali tagħha fir-realtà kontemporanja fil-Baħar Mediterran.  

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, spjega kif il-viżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti hija waħda mibnija fuq diversi saffi. Il-bażi tibqa’ dejjem dik li niċċelebraw u nagħtu spinta lit-talent Malti f’kull forma u għamla. Dr Dalli qal li l-Kunsill għażel li l-arti tkun ta’ kulħadd u mhux tal-ftit li jistgħu jaffordjawha jew jaċċedu għaliha. RETOLD twieldet proprju għal dan il-għan.  

Annabelle Stivala, Kap tad-Direttorat tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet illi fl-aħħar għaxar snin, il-Kunsill Malti għall-Arti poġġa l-qasam tal-arti bħala prijorità nazzjonali. Hi spjegat kif illum wasalna f’punt li l-arti u l-kultura qegħdin jikontribwixxu b’mod qawwi lill-ekonomija ta’ pajjiżna, kemm b’mod dirett — allura fil-ħolqien ta’ impjiegi f’dawn l-oqsma — iżda wkoll b’mod indirett fis-servizzi anċillari li dawn l-oqsma jirrikjedu. 

RETOLD qed jiġi mmexxi mid-Direttorat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali (ICRD) fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, b’Annabelle Stivala bħala l-Kap Eżekuttiv u Dr Romina Delia bħala l-Kap għar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali. Ringrazzjamenti speċjali jmorru għat-tim li jaħdem qatigħ li għamel RETOLD realtà: lit-tim tal-ICRD, lill-ġestituri tal-proġett, lill-kordinaturi, lill-uffiċjali tas-siti, lill-periti, lill-inġiniera, u lill-istudenti mill-MCAST u l-Università ta’ Malta. 

More in Arti