![[L-ewwel parti] Assedji kbar fiċ-ċinema](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/assedji_trojja.png)
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tniedi wirja: ‘Portraying St John’s Co-Cathedral Through Time’
'Nistgħu ngħidu li dan il-monument li huwa post sagru, mhux biss huwa xhieda ta’ fidi, kultura u storja, iżda wkoll għajn ta’ ispirazzjoni għall-artisti li ħadmu u għadhom jaħdmu f’Malta' – Prof. Mons. Emmanuel Agius

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għandha l-pjaċir tħabbar it-tnedija tal-aħħar wirja tagħha, ‘Portraying St John’s Co-Cathedral Through Time’ — kollezzjoni li tiġbor fiha madwar ħamsin pittura li jaqbdu b’mod artistiku l-kobor ta’ dan il-monument ikoniku matul is-sekli.
Il-wirja tippreżenta vjaġġ fiż-żmien, fejn turi xogħlijiet li jirriflettu l-intern u l-estern tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, kif interpretati kemm minn artisti antiki, kif ukoll artisti kontemporanji. Mill-aħħar tas-seklu sittax sas-seklu wieħed u għoxrin, dawn il-pitturi juru l-ispirazzjoni dejjiema li l-Konkatidral ipprovda lill-ġenerazzjonijiet ta’ artisti.
Din il-wirja unika tesplora s-sbuħija, l-ispiritwalità, u l-importanza kulturali tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Inġabru flimkien pitturi, kemm minn kollezzjonijiet pubbliċi, kif ukoll privati f’Malta, kull wieħed joffri lenti artistika distinta li permezz tagħha l-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw l-essenza ta’ dan it-teżor arkitettoniku u reliġjuż.
“Nistghu ngħidu li dan il-monument li huwa post sagru, mhux biss huwa xhieda ta’ fidi, kultura u storja, iżda wkoll għajn ta’ ispirazzjoni għall-artisti li ħadmu u għadhom jaħdmu f’Malta” ikkummenta Prof. Mons. Emmanuel Agius, il-President tal-fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Gwann. Hu kompla jgħid li “il-kombinazzjoni ta’ arti, arkittetura u storja tagħti lill-artist opportunità unika li jħoss konnessjoni mal-passat u mal-kultura kontemporanja".
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa simbolu ta’ fidi, arti u storja.
“Din l-esebizzjoni ġdida tfakkarna fil-ġmiel u l-importanza ta’ dan it-tempju uniku. Bħala Gvern, nibqgħu impenjati li nħarsu, nippreservaw u nagħtu ħajja ġdida lill-wirt tagħna. Nirringrazzja lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral tax-xogħol importanti tagħha. Nistedinkom iżżuru din l-esperjenza li żżid il-kburija li aħna Maltin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Aktar minn sempliċi bini storiku, il-Konkatidral ta’ San Ġwann jibqa’ ċentru ta’ tagħlim, kultura u ispirazzjoni. Din il-wirja hija parti mill-ħidma kontinwa tal-Fondazzjoni biex tiċċelebra u taqsam il-wirt tal-Katidral mal-komunità u viżitaturi minn madwar id-dinja.
Żur din il-wirja:
- Post: Wing Carapecchia, Triq Santa Luċija, St John’s Co-Cathedral.
- Data: 2 ta’ Mejju 2025 — 30 ta’ Ġunju 2025
- Tul: Xahrejn