Il-Golden Bee Awards u l-film ‘Once Upon a Time in Malta’ se jixxandru fuq TVM
ESKLUSSIVA: Idħol hawn biex tara biċċa mill-film qasir, 'Once Upon a Time in Malta', li se jkun qed jixxandar nhar il-Ġimgħa flimkien mal-Golden Bee Awards
Ix-short film “Once Upon a Time in Malta” flimkien mal-Golden Bee Awards se jkunu qed jixxandru fuq TVM nhar il-Ġimgħa li ġej.
Il-produzzjoni, li ħaddmet 290 ħaddiem Malti, kellha l-għan li tirreklama lil pajjiżna fil-kuntest tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, inizjattiva li l-Kummissjoni qalet li “qed tippromovi din l-istorja ma’ studios tal-films barranin.”
Ftit ġimgħat ilu dan il-film, kif ukoll in-nefqa tal-attivitajiet relatati mal-Mediterrane Film Festival, qanqal diskussjoni, kemm għal valur tan-nefqa kif ukoll għad-dehra ta’ ftit sekondi tal-Kummissarju tal-Films innifsu.
In-nefqa ta’ dan il-festival kienet ikkritikata mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Tistaqsi dwar dan kollu, il-Kummissjoni tal-Films wieġbet lill-ILLUM billi qalet li film festivals jsiru mad-dinja kollha u l-attivitajiet li saru f’Ġunju li għadda kienu tal-istess natura. Il-Kummissjoni saħqet li fuq kollox, il-Festival huwa għodda biex tippromovi lil Malta bħala destinazzjoni għall-films.
Il-ġimgħa tal-Festival laħqet il-qofol tagħha bil-Golden Bee Awards fejn f’din is-serata ntwera x-short film “Once Upon a Time in Malta”, b’tul ta’ għaxar minuti. F’dan il-film ħadmu 41 attur u extras Maltin, 250 crew inkluż ħaddiema Maltin.
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM x’kien il-ħsieb wara dan il-film u l-għan tiegħu, il-Kummissarju Johann Grech wieġeb li hemm diversi modi kif tippromovi lil Malta u dan il-film kien mod differenti u innovattiv kif twassal x’joffri pajjiżna għal film-makers barranin li kienu preżenti waqt is-serata.
Permezz ta’ dan ix-short film, il-film-makers setgħu japprezzaw aħjar is-sbuħija ta’ pajjiżna u l-wirt kulturali u storiku tiegħu.
“Konvint li l-istorja ta’ Malta, tul il-perjodu tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, tinteressa lill-produtturi kbar tal-films barranin biex jaħdmu din l-istorja f’Malta stess.”
Mistoqsi jekk din l-istrateġija hux qed tħalli frott, il-Kummissarju Grech qal, “iva, rajna interess b’saħħtu li beda mid-diskussjonijiet li kellna f’Mediterrane u bħalissa qed niddiskutu ma’ studios kbar barranin fuq l-istorja tal-Kavallieri.”
Dwar jekk jixtieqx iwieġeb għall-kritika tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-film u fuq in-nefqa tal-Festival, Grech qal, “ma tridx tara dawn l-inizjattivi f’iżolament. Din hija parti minn strateġija wiesgħa biex tattira film-makers barranin lejn Malta biex ikomplu jinvestu f’pajjżna”.
“Il-fatt li għandna numru ta’ proġetti in the pipeline u oħrajn li diga bdew isehhu grazzi ghal Mediterrane Film Festival qed iħallu l-frott mixtieq. Fuq quddiem nett, dan ifisser aktar jobs ġodda u flus fil-bwiet tal-Maltin.
Ir-riżultat x’inhu? Li jiġu l-proġetti f’Malta tfisser aktar investiment f’pajjiżna, aktar jobs u li s-settur tal-films jkompli jkun pilastru fl-ekonomija Maltija. Meta jiġi film iħalli miljuni fil-kaxxa ta’ Malta, minn lukandi u trasport għal ristoranti u l-impjieg ta’ mijiet ta’ persuni f’kull produzzjoni. Huwa d-dmir tagħna li nkomplu naħdmu biex inġibu aktar investiment lejn pajjiżna.”