L-awtur u direttur Malcolm Galea jġib lura d-dramm rebbieħ Plastic & Chicken Bones

Dramm rebbieħ miktub minn drammaturgu Malti Malcolm Galea, jimmaġina l-bnedmin f’futur distopiku

Il-ġimgħa d-dieħla, l-attur u d-drammaturgu Malcolm Galea se jtella’ d-dramm tiegħu f’Malta bl-isem ta’ ‘Plastic & Chicken Bones’ u se jiġi ppreżentat fil-Blue Box Theatre l-Imsida mis-16 sat-18 ta’ Frar. 

Ir-reċta hija one-man-show li tindirizza kwistjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali, it-tisħin globali, u l-kunflitt ġeopolitiku. Fl-2022, ‘Plastic & Chicken Bones’ ġie onorat bil-premju tal-Aħjar Newcomer fi Brighton Fringe. Id-dramm jittratta l-futur distopiku li aħna bħala bnedmin qed nikkundannaw lilna nfusna għalih jekk nibqgħu f’din it-triq. 

Fir-realtà, iktar ma nagħmlu l-pjaneta inabitabbli, iktar neqirdu lilna nfusna. B’differenza mill-bnedmin, waqt li d-dinja tista’ tirkupra minn avvenimenti ta’ estinzjoni, bħalma diġà għamlet ħafna drabi fil-passat, l-ispeċi umana ma tistax. Id-dinja se tkompli ddur kemm jekk aħna nkunu fiha u anki jekk le. Galea jemmen li kull traċċi ta’ abitazzjoni umana se jiġu eliminati fi ftit miljuni ta’ snin, ħlief għal saff irqiq ta’ konkrit, plastik, u għadam tat-tiġieġ fil-qoxra tad-dinja. 

Id-dramm jimmaġina lill-umani madwar żewġ millennji fil-futur, fil-bżonn li jaġġustaw għall-bidliet li seħħew. Il-bnedmin tal-futur huma ħafna aktar liberi, iżda mhux neċessarjament fil-modi li aħna niddefinixxu bħala tali. Bl-istess mod, il-bnedmin tal-lum mhumiex liberi f’għajnejhom, għax jaħdmu ħajjithom kollha u sakemm imutu. 

Deskritt minn reviżur bħala taħlita ta’ ‘Brave New World’ u ‘Black Mirror’, dan il-kummentarju soċjali distopiku sar bl-għan li jiġġenera diskussjoni fost l-udjenzi, u jġegħelhom jikkonfrontaw ir-realtà li qed naffaċċjaw. Il-produzzjoni li se sseħħ fi Blue Box Theatre qed titmexxa minn Denise Mulholland u se tinkludi soundscape ġdida maħluqa minn Aleandro Spiteri Monsigneur. 

Skont Galea, l-ispettaklu se jerġa’ jittella’ fi Brighton Fringe, u se jintuża bħala introduzzjoni għad-dramm ġdid tagħhom ‘The Trials of Magnus Coffinkey’. Wara, se jimmiraw li jwettqu d-dramm f’xi festivals tal-arti u x-xjenza. 

‘Plastic & Chicken Bones’ se jittella’ fil-Blue Box Theatre, l-Imsida, kull lejl fit-8 pm, mis-16 sat-18 ta’ Frar. Biex tixtri l-biljetti jew issib aktar informazzjoni, żur is-sit bluebox.com.mt

More in Arti