Letteratura | Dika ċ-ċerta xi ħaġa fl-etnografija ... Wara l-mewt ta’ Marlene Mifsud Chricop

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jfakkar il-ħidma etnografika tar-riċerkatriċi mibkija Marlene Mifsud Chircop. Qabelxejn imur lura fiż-żmien billi jiftakar fil-ħbiberiji li kellu snin ilu ma’ bosta għannejja tal-fatt u riċerkaturi tal-folklor Malti, b’mod partikulari f’ċerta xi ħaġa li kien kellmu dwarha ċertu studjuż tal-lessikografu de Soldanis. Mill-imgħoddi mbagħad jgħaddi għal diskussjoni li kellu ftit jiem ilu ma’ ħassieba Franċiża rigward l-etnografija u l-filosofu Franċiż Jean Baudrillard. Mix-xejn u minn imkien dlonk terġa’ tfeġġ dik iċ-ċerta xi ħaġa...

Ftit tal-jiem ili tħabbret il-mewt tar-riċerkatriċi tal-folklor Malti, għalliema u traduttriċi Marlene Mifsud Chircop. L-aħbar qanqlet sogħba liema bħala fost bosta letturi u akkademiċi li ħadmu magħha tul is-snin, fosthom Adrian Grima, Toni Sant, Rita Saliba, Yanika Schembri Fava, Raymond Miceli, Paul P. Borg u Mark Montebello. 

Il-ħidma tagħha kont skoprejtha, dak iż-żmien b’xorti ħażina biss ta’ fuq fuq, snin ilu permezz tax-xogħol ta’ żewġha Joe Mifsud Chircop – riċerkatur ewlieni ieħor fit-teorija u l-prattika tal-folklor Malti. Kien biss f’dawn l-aħħar xhur – bis-saħħa tal-proġett ta’ riċerka dwar It-Tradizzjoni Orali mmexxi mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta – li seħħli nsir kemxejn iżjed midħla tal-ħidma etnografika tagħha. 

L-interess tiegħi partikulari tiegħi f’dan ir-rigward, l-iżjed sforz il-ġrajjiet ta’ żogħriti, kien ir-riċerki tagħha dwar l-għannejja tal-fatt. Żgur mhux b’ċikka li l-ħidma tal-koppja Mifsud Chircop kienet waslet għandi, daqs ħamsa u għoxrin sena ilu, mingħand diversi għannejja tal-fatt u għalliema b’interess akkademiku fil-folklor illi kont nagħmilha magħhom kmieni f’żogħżiti. Niftakar li wħud minn dawn l-għannejja tal-fatt – li fil-biċċa l-kbira ma kellhomx wisq ħin għall-kotba – għalihom donnu kien biżżejjed illi jeżistu nies “tal-iskola” li jindenjaw ruħhom jieħdu interess fihom u fid-“delizzju”. L-għalliema sintendi kienu jitħaddtu xort’oħra: għad għandi amment sal-lum, b’ċerta nostalġija, ta’ bosta taħditiet u rakkonti li smajt rigward l-arti tal-għana tal-fatt u l-bosta ġrajjiet u leġġendi li kienu jagħmlu parti mir-ripertorju ta’ dawn l-għannejja. Fid-diskors ta’ dawn it-tnejn spiss kont inħoss ċertu biża’ min-nisi u xewqa qawwija għall-posterità fil-kuxjenza kollettiva tagħna. 

Iżjed minn hekk, kont ninnota wkoll it-tħassib, l-iżjed fost ċerti għannejja, li anke huma stess bħala messaġġiera jew studjużi tal-folkor Malti, għada pitgħada għad jisfgħu biss oġġett folkloristiku – kurżità storika li appik ser tmut fuq ommha. F’oħrajn imbagħad, sewwasew f’minoranza minnhom, minn daqqiet kont nosserva ċerta indifferenza, forsi wkoll bruda. Għalliem minnhom, studjuż tal-lessikografu de Soldanis xejn inqas, kien qalli dawn il-kelmiet preċiżi: “Ħaġa minn ewl id-dinja illi dawn in-nies jixtiequ jibqgħu mfakkra. Hekk għandu jkun. Biss, għandu mnejn jitilfu dik iċ-ċerta xi ħaġa mbagħad jekk noqogħdu nperrċuhom iżżejjed. Iż-żmien biss għad jagħtina parir. Saħħiet”. Kellhom jgħaddu s-snin biex forsi fhimt x’tista’ tkun dina “ċ-ċerta xi ħaġa”.

Għandi nifhem li r-riċerkatur etnografiku Steve Borg – li ktibt reċensjoni dwar il-ħidma etnografika tiegħu proprju ħmistax ilu – żgur iltaqa’ bosta drabi ma’ sentimenti bħal dawn waqt li kien qiegħed jintervista għadd t’anzjani Maltin illi twieldu fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Xi jumejn qabel il-mewt ta’ Marlene Mifsud Chircop inzerta kelli diskussjoni ferm interessanti ma’ ħassieba post-moderna Franċiża b’interess fl-istudji Maltin rigward ir-reċensjoni reċenti tiegħi dwar iż-żewġ volumi entografiċi ta’ Borg Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom. Id-diskors kien waqa’ wkoll fuq il-koppja Mifsud Chircop: għandu mnejn bħal donnu qalbi ħebritni li Marlene kella tisfa’ nieqsa proprju ftit tal-jiem wara.

Mal-ħin id-diskussjoni marret fejn ftit li xejn kont qed nobsor, jew aħjar, biex id-diskors isir sewwa, fejn dejjem bżajt li tmur, voldieri, possibbilment, fuq dik iċ-ċerta xi ħaġa. Fil-kredu daħal il-filosofu Franċiż Jean Baudrillard – sewwasew, minn tant, ix-xogħol ferm provokanti tiegħu Simulacres et simulation. Diġà qiegħed nisma’ lil dawk midħla ta’ dan it-test – kif għall-ewwel ġara proprju lili wara kollox – jistaqsi x’qatt jista’ jkollu x’jaqsam dan ix-xogħol ta’ Baudrillard mal-istudji etnografiċi dwar il-folklor tagħna. Iżda t-taħbil ir-ras tiegħi ċċara qatigħ malli din il-ħassieba fakkritni f’din il-mistoqsija li jagħmlilna Baudrillard f’dan it-test: “Sabiex l-etnografija tkun tista’ tgħix, jenħtieġ illi l-oġġett tagħha jmut; billi jmut l-oġġett iwettaq vendetta fuq l-‘iskoperta’ tiegħu u b’mewtu jirreżisti lix-xjenza li trid tifhmu. Ma taħsbux illi kull xjenza tgħix fuq dina n-niżla paradossali li għaliha hija kkundannata permezz tal-għajbien tal-oġġett li tittanta tifhem u tat-taqliba bla ħniena li l-oġġett mejjet jinfliġġi fuqha?” 

L-argument ewlieni li jressaq Baudrillard hawnhekk - speċifikament b’referenza għall-etnografija li tistħarreġ il-kulturi primittivi – huwa li mhemm ebda mod kif nistgħu nistudjaw u nagħrfu oġġett mingħajr ma neqirduh. Fi kliem ieħor ix-xjenza għandha t-tendenza xxejjen dak kollu li tittanta tifhem. Għaldaqstant, dejjem skont l-interpretazzjoni tiegħi tiegħi ta’ Baudrillard, l-istudjużi etnografiċi fl-aħħar mill-aħħar dejjem ser jisfgħu nieqsa mill-oġġett li jistħarrġu għax ġaladarba s-suġġett tagħhom jiġi mimsus mill-barranin ma jibqax iżjed fenomenu primittiv. Primavista dan l-argument minn dejjem sibtu interessanti ħafna, l-iżjed għax jidhirli li jista’ jkun utli ħafna fil-kritika ta’ ċerti filosofji tal-etnografika, b’mod partikulari dawk tal-filosofu Franċiż Georges Bataille. Iżda mill-banda l-oħra nidentifika fih għadd ta’ difetti. Ibda biex diffiċli immens targumenta li din “il-mewt paradossali” li tisfa’ fiha l-etnografija bilfors tgħodd daqsinsew għall-bqija tax-xjenzi l-oħrajn kollha. Nistgħu naqtgħu din il-ħaqq ukoll fuq xjenzi ftit li xejn invażivi bħall-astronomija jew il-psikonewroimmunoloġija? Aktarx le. Mhix ċara lanqas jekk dak illi jgħodd għall-istudji tal-kulturi primittivi jgħoddx ukoll għal kulturi li għad illi ormaj ħarġu mill-moda xorta waħda qajla jistgħu jingħaddu bi primittivi. Jista’ jingħad ukoll illi x-xogħol partikulari tal-koppja Chircop huwa ħieles min-nases qarrieqa tas-simulazzjonijiet u tas-simularki. Nistgħu naqtgħu ż-żarda mill-ewwel billi ngħidu illi jekk ser noqogħdu sejrin hekk nispiċċaw ma nistudjaw kważi xejn.

Id-diskussjoni mal-ħassieba Franċiża dakinhar waqfet hemm, forsi għax ma kellhiex tweġibiet għal dawn l-oġġezzjonijiet, forsi għax deherilha li jien ma fhimtx biżżejjed. Iddejjaqt, qomt u tlaqt. Hu x’inhu xorta waħda kien għad baqa’ – jew aħjar reġgħet ġiet lura f’moħħi – dika l-mistoqsija: jista’ jkun li dik iċ-ċerta xi ħaġa li kien qalli biha l-istudjuż ta’ de Soldanis snin ilu hija, filfatt, “il-mewt paradossali” li jargumenta dwarha Baudrillard f’Simulacres et simulation? Lura għall-akkademiċi etnografiċi tagħna: kif ser nevalwaw l-istudji tal-koppja Mifsud Chricop – jekk niġu f’dan tal-kontributri kollha fil-proġett tat-Tradizzjoni Orali – kemm-il darba minkejja kull oġġezzjoni xorta jibqa’ mqar farka relevanza, jekk mhux ukoll verità, f’dik l-istqarrija ta’ Baudrillard? 

Minkejja kollox jibqa’ l-fatt illi l-istudji ta’ Marlene Mifsud Chircop jistħarrġu wkoll persuni, fosthom pirkażu qattiela, li għexu ferm u ferm qabel dan l-istudjuż ta’ de Soldanis u sħabu l-għannejja. Minn banda żgur ta’ min nesprimu ħajr lil Mifsud Chircop – issa iktar minn qatt qabel – talli bis-saħħa tagħha ċerti fatti ma baqgħux iżjed mistura. Nimmaġina madankollu li abbli ssib xi wħud – ma tridx wisq biex ikunu skulari ta’ Baudrillard bħal dik il-ħassieba Franċiża – illi jgħidulek illi l-iħirsa tal-imgħoddi mbiegħed tassew jieħdu l-ħajja biss dment illi jibqgħu mkeffna fil-misteru, dment li ma tintilifx dika ċ-ċerta xi ħaġa

More in Arti