Letteratura | Jutta Heim Is-snin tmenin fil-letteratura tagħna
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jiddiskuti x-xena letterarja Maltija fid-dawl tar-rumanz Jutta Heim t’Immanuel Mifsud u tal-kummenti li l-awtur kien esprima dwaru mal-ġurnal maltatoday. Minflok jikkummenta dwar ir-rumanz innifsu, fil-biċċa l-kbira Saliba jagħżel li jistaqsi bosta mistoqsijiet dwar kif il-kittieba tagħna spiss jinterpretaw il-ġrajjiet politiċi tas-snin tmenin.
Spiss tisma’ jew taqra, minn bosta qarrejja u kritiċi letteraji, rigward in-nuqqasijiet li għandna fix-xena letterarja Maltija. Uħud jilmentaw li minkejja li żdied l-għadd tal-awturi l-livell baqa’ xi ftit jew wisq fejn kien. Oħrajn jirrimarkaw l-awturi tagħna baqgħu jirriċiklaw l-istess temi filwaqt li ftit li xejn jiktbu dwar oħrajn. F’intervista riċenti li dehret f’dan il-ġurnal, pereżempju, traduttriċi partikulari ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt illi s-sesswalità – fis-sens wiesa’ tal-kelma – għadha nieqsa ħafna fil-ktieb Malti. Ċerti attivisti politiċi, mill-banda l-oħra, iħossu li ċerti kittieba għadhom joqogħdu lura milli jiktbu dwar kwistjonijiet storiċi u soċjali. Tisma’ wkoll b’ilmenti oħrajn.
Minn banda naqbel ma’ dawn il-kummentaturi, għad illi jidhirli li s-sitwazzjoni mhix daqstant kerha daqs kemm ġieli titpinġa, l-iżjed għax f’dawn l-aħħar snin f’dan ir-rigward saru diversi avvanzi sinifikanti. Mill-banda l-oħra ma nistgħux niċħdu l-fatt li f’dan l-aħħar ħmistax-il sena dehru rumanzi validi li – almenu sa ċertu punt – waslu jxejnu din il-kritika. Nistgħu nsemmu Kapitali ta’ Wayne Flask, L-Interdett taħt is-Sodda u Castillo ta’ Clare Azzopardi, X’Seta’ Ġralu Kevin Cacciattolo? ta' Mark Vella u fuq kollox Is-Sriep Reġgħu Saru Valenużi t’Alex Vella Gera li donnu sar ir-riga li biha jiġu vvalutati r-rumanzi Maltin li jaqgħu taħt dan il-ġeneru.
Jispikka fost dawn – anzi qabel dawn – Immanuel Mifsud, li sa mill-bidu nett tal-karriera prolifika tiegħu qatt ma qagħad lura milli jistħarreġ ċerti temi meqjusa pjuttost tabù. Bla dubju f’dan ir-rigward jirkaċċaw bil-kbir il-ġabriet ta’ stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut (2002) u Kimika (2005). Madankollu, fil-fehma tiegħi, Mifsud kompla jasserixxi ruħu bħala kittieb kontemporanju fl-2014 bl-ewwel rumanz tiegħu Jutta Heim. Kien rumanz li stennejt b’ċerta ħerqa. Daqs sentejn qabel, waqt lejla letterarja fil-Lussemburgu, Mifsud kien garrafeira li kien biħsiebu jippubblika rumanz. L-aħbar intrigatni, l-iżjed sforz il-kurżità dwar kif mill-kitba tal-istejjer qosra kien ser jgħaddi għal dik tar-rumanz. Dejjem emmint li dawn huma żewġ ġeneri letterarji differenti ħafna u li għaldaqstant, ikun min ikun l-awtur, is-suċċess f’wieħed mhux bilfors ikun garanzija ta’ suċċess fl-ieħor. Madankollu Mifsud ma ddiżappuntax, tant li saħansitra rebaħ il-Premju Letterarju fil-kategorija tal-proża.
Nemmen li hemm ħafna x’jingħad dwar dan ir-rumanz. Fih nidentifika bosta merti li ħaqqhom reċensjoni għalihom: l-istruttura minimalista tan-narrattiva, il-leħen spiss poetiku, il-mistoqsijiet mhux imwieġba li jħalli. Laqatni qatigħ il-karattru t’Eric Xerri – suġġett idoneu għal analiżi psikoanalitika li kapaċi tiftaħ diskussjoni serja fuq is-sesswalità maskili. Iżjed interessenti, għall-inqas fis-suġġettività tiegħi, hija l-ossessjoni tiegħu fuq mara li ma seħħlux iġibha fejn ried. Għall-ewwel kien proprju dan li xtaqt nikteb dwaru l-iżjed. Forsi għax f’Eric nilmaħ bosta rġiel illi ltqajt magħhom, għandu mnejn kultant xi ftit ukoll lili nnifsi. Forsi wkoll għax il-ġudizzju negattiv illi esprima Mifsud f’intervista ma’ Teodor Reljić dwar il-persunaġġ t’Eric insibu krudili żżejjed. Forsi wkoll kemxejn simplistiku. Ġieli nħoss li għandi naqbeż daqsxejn għalih.
Biss din l-intervista dwar Jutta Heim xeħtitli l-attenzjoni tiegħi band’oħra, qabelxejn sewwasew fuq kwistjoni li ilha tberren f’moħħi s-snin, voldieri l-avvenimenti politiċi tas-snin tmenin u kif dawn jiġu ttrattati mill-kittieba. Fl-intervista ma’ Reljić l-awtur kważi jilmenta li ma jistax jieqaf jikteb dwar dan il-perjodu. Minn banda jilqa’ sodisfazzjon il-fatt li għandna kittieba li ma jipprendu xejn jiktbu dwar is-snin tmenin mingħajr ebda biża’ jew ċensura; mill-banda l-oħra jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li forsi għad nibdew naħsbu li epoki politiċi oħra ma jistħoqqilhomx l-istess livell t’attenzjoni. Nistqarr li dawn ir-rimarki qanqlu fija bosta mumenti ta’ riflessjoni. M’iniex konvint li t-tħassib ta’ Mifsud huwa ġġustifikat sa barra, iżjed u iżjed meta nqis il-materjal letterarju li wasal għandna f’dawn l-aħħar snin. Abbli Mifsud stess illum jaħsibha mod ieħor. Niġu f’dan, kif għedt qabel, diġà dehru rumanzi li jittrattaw il-ġrajjiet politiċi ta’ żmienna u nsibha bi tqila nimmaġina li l-kittieba tal-ġejjieni ser jieqfu jiktbu dwar dak li għaddejna minnu dan l-aħħar. Ma nemminx li qatt nistgħu nisfgħu f’dan il-periklu.
Madankollu jista’ jkun li f’dan kollu hemm periklu ieħor: jidhirli li fost ħafna mill-kittieba tagħna donnu hemm bħal qbil illi hemm mod wieħed biss kif nifhmu u niktbu dwar l-avvenimenti mwiegħra tas-snin tmenin. Spiss nieħu l-impressjoni li f’dan ir-rigward l-perspettivi letterarji u akkademiċi tal-awturi tagħna huma pjuttost simili. Għaldaqstant kultant nitħasseb illi hawnhekk il-periklu m’huwiex li s-snin tmenin għadhom qegħdin jingħataw iżjed attenzjoni minn epoki oħra, iżda li n-narrattivi dwar dawk is-snin spiss jintisġu minn lenti waħda. Dan kapaċi joħloq żbilanċ xejn siewi fil-mod kif aħna – u iżjed u iżjed il-ġenerazzjonijiet tal-lum – ninterpretaw il-ġrajjiet tal-imgħoddi.
M’għandi ebda intenzjoni li niddefendi l-għemil ta’ xi partit jew ieħor. Minn daqshekk il-qarrejja jistgħu jserħu rashom: akkont, jidhirli li ċerti ħwejjeġ li saru taħt l-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien huma inaċettabbli u indifensibbli. Għalhekk m’għandi ebda oġġezzjoni għal fatt li dawn spiss jiġbu l-kundanna tal-kittieba tagħna. Madankollu, ġaladarba inzertajt twelidt sewwasew fi ħdan dik ix-xaqliba, jidhirli wkoll s’issa fil-ktieb Malti ftit li xejn qrajna u smajna l-qanpiena l-oħra. Kemm-il darba ser nilmentaw dwar in-nuqqasijiet li jista’ jkollha x-xena letterarja tagħna, tajjeb li nilmentaw ukoll dwar dan.
Il-kummenti ta’ Mifsud, b’mod speċjali l-ġustifikazzjonijiet li ressaq rigward l-għażla tiegħu li jinseġ in-narrattiva ta’ Jutta Heim f’dik l-era partikulari, donnhom serquli l-attenzjoni kemxejn iżjed mir-rumanz innifsu. Dan aktarx ġara minħabba raġunijiet personali. Fl-ambjent li trabbejt fih ftit li xejn kelli l-opportunità nisma’ l-verżjoni tan-naħa l-blu, għajr waqt xi argument jaħraq bejn xi qraba li dik il-ħabta kienu għażlu li jaqsmu l-kamra. Għaldaqstant meta dħalt il-kulleġġ, fejn kont parti minn minoranza, qajla stajt nifhem ir-riżentiment li kienu jesprimu – spiss b’tonaggressiv – bosta għalliema u studenti dwar it-tmeninijiet. Kien biss meta dħalt fil-ħamsa u għoxrin sena meta ltqajt ma’ ċertu kittieb pjuttost politiku – ħadd għajr Alex Vella Gera – li seħħli nifhem aħjar ir-rabja tax-xaqliba l-oħra. Għandi nifhem li Vella Gera kien fehem ukoll daqsxejn iżjed x’setgħu ġarrbu dawk ta’ faċċata.
Minn daqqiet nieħu gost naħseb jew nistħajjel illi dawk id-diskussjonijiet politiċi u spiss ukoll letterarji setgħu b’xi mod nebbħu xi siltiet mir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Valenużi. Hu x’inhu, kienu eżempju ta’ kif il-letteratura tista’ tqarreb narrattivi differenti b’tali mod żewġ kittieba ltaqgħu nofs triq. Ikun tassew ta’ fejda li l-letteratura tagħna tfittex li twettaq dan.
Mhux faċli, naf... aktarx dan huwa iżjed diffiċli milli tinstab Jutta Heim.