Intervista | ‘Lanqas jien stess ma naf kemm għandi vjolini’

Il-Pusè. Kontu tafu li ma jdoqqx il-vjolin biss? Tiftakruh fil-Malta Song for Europe? Fejn idoqq l-aktar għal qalbu? L-ILLUM tistaqsih

Jekk f’Malta hawn vjolinist magħruf u maħbub bla dubju ta’ xejn huwa George Curmi, magħruf bħala l-Pusè li jkun fejn ikun għid li se jqajjem kulm’hemm bl-allegrija u bit-talent tiegħu. Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Pusè biex issir tafu aħjar u skopriet affarijiet dwaru li ftit jafu n-nies.

Bdejna nitkellmu dwar it-tfulija tiegħu u kif ġietu l-ħajra li jitgħallem il-vjolin. Ftit huma dawk li jafu li l-ewwel strument li qabad b’idu l-Pusè ma kienx il-vjolin, iżda d-drums.

“Minn meta kont għadni żgħir ħafna kienu jistaqsuni xi rrid insir u kont ngħidilhom li rrid insir band leader,” qalilna l-Pusè.      

Spjega kif qabad idoqq id-drums b’kumbinazzjoni. Missieru, li mingħandu ħa l-laqam tal-Pusè, kien qed jgħallem id-drums lil ħuh Martin u li hu 10 snin akbar minnu.

Kompla jispjega kif darba minnhom ħuh Martin kien qiegħed ix-xogħol u hu ħa l-okkażjoni biex ipoġġi mad-drums u jaqbad idoqq.

“Missieri ħaseb li ħija ma kienx mar ix-xogħol iżda ommi qaltlu li kont jiena. Tela’ fuq u sabni ndoqq u baqa’ skantat,” saħaq Curmi waqt li insista li dak iż-żmien kellu biss erba’ snin. “Kont noqgħod wara l-bieb, nara x’qed jagħmlu u wara mmur nipprattika dak li jkunu għamlu huma.”

Minn hemm ma ħarisx lura. Spjega kif kull meta kienu jkunu xi tieġ, speċjalment dawk tal-familja, kienu jtellgħuh fuq il-palk biex idoqq bid-drums.

“Meta kienu jarawni tifel, tal-band kienu jiskantaw. Kont għadni żgħir imma diġà kelli ċertu stil,” kompla jirrakkonta u minn hemm beda jistudja dan l-istrument bis-serjetà, inkluż bit-teorija tal-mużika.

Anke jekk illum huwa l-aktar magħruf għall-vjolin, jibqa’ jirrakkomanda t-tagħlim tad-drums.

“Ir-ritmu li tani d-drums kien importanti ħafna. Biex tkun mużiċist komplut irid ikollok widna tajba, jiġifieri intonazzjoni, ritmu tajjeb u anke s-sentiment. Dawn it-tlieta flimkien jagħmlu mużiċist,” kompla jgħidilna.

Curmi meta kien għadu qed jistudja l-vjolin
Curmi meta kien għadu qed jistudja l-vjolin

Ma kienx irid idoqq il-vjolin imma s-saxophone

Mela allura minn meta beda jistudja l-vjolin? Kien missier George li ġennu biex jibda jistudja l-vjolin, anke jekk il-Pusè kien jippreferi li jitgħallem l-istrument ta’ missieru, is-saxophone.

“Bdejt nistudja l-vjolin ta’ 11-il sena. Ħadtha bis-serjetà ħafna. Fis-sajf konna nieqfu, iżda l-għalliem tiegħi, Joe Galea, kien jeħodni d-dar tiegħu biex inkompli bil-lezzjonijiet għax ma kienx iridni naqta’. Kont nistudja sigħat sħaħ.”

Sentejn wara, ta’ 13-il sena, il-Pusè daħal part-time mal-orkestra tat-Teatru Manoel. “Kienu jġibuli permess speċjali biex ma mmurx skola minħabba l-provi,” kompla jirrakkonta.

Meta għalaq 15-il sena, ġietu l-opportunità li jmur jistudja l-mużika Firenze u meta rritorna lura reġgħet ġietu opportunità li jidħol full-time mal-orkestra tal-Manoel. Iżda ma kienx għad għandu 18-il sena kif kien jitlob l-istatut.

“Kieku ma għażlunix kont lest li nsiefer barra minn Malta. Iżda applikajt u ntgħażilt. Kellhom problema biss għax kelli 17-il sena. Spiċċaw bidlu l-istatut biex inkun nista’ nidħol u dħalt,” qalilna Curmi.

Il-fama tal-Pusè tibda tikber...

Fil-fatt, għamel 21 sena mal-orkestra tat-Teatru Manoel iżda fl-istess ħin kellu ħafna xogħol ieħor.

“Kelli ħafna xogħol ġo nightclubs, bdejt fil-linja tal-jazz, sifirt barra minn Malta u anke offrewli l-irwol ta’ maniġer tal-ispettaklu fil-Hilton li għadni nokkupa sal-lum. Ġietni wkoll opportunità li nidħol fi sħab f’ristorant. Tkun għadek żgħir tipprova kollox,” qalilna l-Pusè u kien għalhekk li rriżenja mill-orkestra.

F’dan iż-żmien, il-Pusè kien diġà magħruf ħafna għat-tiġijiet u x-xogħol żdiedlu ħafna meta ħabta u sabta miet Charlie Lucas.

“Fis-snin tmenin, il-vjolini kienu reġgħu saru popolari fit-tiġijiet. L-aktar vjolinista magħruf kien Charlie Lucas. Ta’ 68 sena miet b’attakk tal-qalb. It-tiġijiet il-kbar waqgħu fuqi. Kelli biss 17-il sena. Dak iż-żmien kelli l-kuraġġ li nidħol għal dik ir-responsabbilità,” qalilna l-Pusè.

Meta tkun għadek żgħir, l-entużjażmu u l-enerġija jkunu għadhom b’saħħithom. Irrakkontalna kif il-wejters kienu jieħdu qatgħa bih. Fakkar li f’dak iż-żmien mhux bħal-lum, ma kienx hemm ħinijiet.

“Lanqas brejk ma kont nieħu, forsi anke biex nintgħoġob. Lil tal-band kont inbażwarhom,” kompla jgħidilna.

Imma dan il-laqam tal-Pusè minn fejn ġej?

Il-Pusè. Iżda dan il-famuż laqam minn fejn ġej? Jaħseb li għenu? “Jien ma għandix stage name. L-istage name huwa ta’ missieri. Missieri kien mużiċist bravu. Kelli żewġ zijiet oħra bil-vjolin. Kienu jdoqqu Strada Stretta, iżda wieħed kien idoqq ukoll il-Manoel u l-ieħor it-Teatru Rjal. Minn disa’ aħwa, seba’ kienu jdoqqu. Kelli t-triq imwittija. Illum din qed tirrifletti wkoll fit-tfal tiegħi. L-isem huwa tapit għalina,” spjegalna George.

Kien għalhekk, li l-Pusè insista li jammira ħafna lil dawk il-mużiċisti li ġejjin minn familja fejn ħadd ma jdoqq. “Naf mużiċisti ta’ suċċess li l-familja tagħhom ma riduhomx ikunu mużiċisti għax kważi kważi diżunur. Lil dawn nammirahom,” kompla jisħaq.

Tkellem ukoll fuq ix-xewqa tiegħu li jkun band leader u fi kliemu dan ukoll huwa frott l-inkoraġġiment ta’ missieru. “Missieri kellu l-band tiegħu meta kiber u ċertu kellu età. Ma riedx li l-iżbalji tiegħu nagħmilhom jiena. Għalhekk minn meta kont żgħir kien iħeġġiġni biex ikolli l-band tiegħi.”

L-istess fejn jidħlu s-shows li l-Pusè tant kien u għadu magħruf għalihom. “Jiena kreattiv. Kont noħloq il-kostumi mix-xejn u dan bis-saħħa tal-fatt li l-familja tiegħi, il-familja Curmi, hija involuta fil-karnival,” kompla jgħidilna.

L-innovazzjoni u l-versatilità, l-aqwa kwalitajiet tal-Pusè

Staqsejnieh x’jaħseb li hija l-aktar kwalità li għandu u li għenitu fis-suċċess tiegħu. “Jiena dejjem kont innovattiv. Il-forte tiegħi hija l-versatilità tal-istili. Illum kapaċi ndoqq l-orkestra, l-għada l-jazz fi Strada Stretta, indoqq ma’ grupp rock, ġo knisja,” wieġeb il-Pusè. “Kont l-ewwel wieħed li f’Malta li introduċejt l-effetti tal-kitarra tar-rock addattati għall-vjolin. L-ewwel wieħed li bħala vjolinista kont intella’ l-cabaret.”

Huwa għalhekk li meta jagħġen dawn l-elementi kollha flimkien, il-Pusè jippreferi jsejjaħ lilu nnifsu bħala artist, milli sempliċiment vjolinista jew mużiċist.

Din l-oriġinalità tiegħu tant kienet popolari u kienet tintgħoġob li kien ikun mistieden anke fl-aqwa lukandi.

“Dak iż-żmien biex tkun popolari ridt tkun kantant. Iżda jien kelli isem daqs kantant... daqs kantanti bħal Mary Spiteri. Konna ndoqqu s-Suncrest. Kien ikun ippakkjat. L-Erbgħa jiena u l-Ġimgħa Mary Spiteri,” irrakkonta Curmi.

Il-Pus
Il-Pus

Il-Pusè kien ħa sehem għall-Eurovision imma...

U tiftakruh il-Pusè jieħu s-sehem fil-Malta Song for Europe? Ħa sehem darbtejn. Fl-1994 kien kiteb “It’s his Violin,” dwett bejn vjolinista u kantanta. Ma kienx rebaħ. Kien hemm min qatagħlu qalbu għax kanzunetta b’vjolinist u kantanta ma tantx kienu popolari.

Is-sena ta’ wara, il-Eurovision kienu rebħuh n-Norveġja, bid-diska popolari ‘Nocturne – Secret Garden,” li l-vjolin għandu parti ċentrali fiha.

“Minn dejjem kelli viżjoni. Minn dejjem inħares ’il quddiem. Min ma joħlomx nofsu mejjet,” kompla jisħaq.

U kemm il-vjolin għandu?

Kurżità u mistoqsija li minn dejjem xtaqt nistaqsi lill-Pusè kienet kemm għandu vjolini. Bqajt bil-kurżità għax lanqas hu stess ma jaf.

“Għandi ħafna. Għadni kemm investejt fi tlieta oħra. Emmini lanqas naf kemm għandi u kollha kemm huma għandhom il-ħoss partikolari tagħhom,” weġibni.

Il-Pusè mhuwiex vjolinista, iżda mużiċista

Iżda kontu tafu li apparti l-vjolin, il-Pusè jdoqq strumenti oħra? Diġà semmielna li xtaq jistudja s-saxophone u missieru ma xtaqux. Kif iżżewweġ, xtara wieħed u kien missieru stess li għallimulu.

L-aħħar strument li qabad huwa l-klarinett li llum idoqqu ta’ spiss ukoll. Idoqq ukoll il-pjanu u l-mandolina apparti d-drums li tkellimna dwarhom qabel.

Anke jekk il-vjolin jibqa’ l-istrument ewlieni tiegħu, idoqq l-istrumenti kollha b’għajnejh magħluqa tant li mhux l-ewwel darba li mar kunċerti, jew idoqq xi mkien u ma jmissx b’idejh il-vjolin.

“Jiena għal tieġ nieħu miegħi erba’ jew ħames strumenti,” kompla jisħaq.

‘Trid tibqa’ tipprattika anke jekk iddoqq kuljum’

Għal aktar minn darba matul l-intervista, il-Pusè rrefera għalih innifsu bħala “annimal tal-istudju.” Anke jekk kuljum ikollu jdoqq xi mkien, għalih dak mhux biżżejjed bħala prattika. Kuljum isib il-ħin biex jipprattika l-istrumenti kollha li jħobb.

“Id-daqq mhuwiex studju. Nistudja ħafna mat-tifel. Irrid insib ċans ieħor għall-istrumenti l-oħra wkoll. Darbtejn fil-ġimgħa norqod għand ommi. Dejjem immur bi strument. Flok nara t-televiżjoni, nipprattika,” kompla jispjega. “Ma tridx tkun supperv. Anke jekk il-mużika titwieled biha, trid tistudja.”

Kien hawn li insista li hija ħasra li llum kulħadd moħħu fiċ-ċertifikati. Saħaq li huma importanti iżda staqsa x’jiswa li wieħed ikollu ċertifikat ta’ għaxar snin ilu u qatt aktar ma poġġa bilqiegħda jistudja u jipprattika. “Jiena nisma’ rrid mhux nara ċ-ċertifikati.”

Il-Pusè u l-għeruq fi Strada Stretta

Il-Pusè xtaq ikun band leader. Illum għal band għandu tnejn. Waħda minn dawn il-bands jisimha: ‘Hot Club of Valletta.’

Din il-band ma jeħodhiex miegħu f’tieġ. Hija vintage band, anke mill-mod ta’ kif jilbsu l-mużiċisti. Iddoqq l-aktar fi Strada Stretta, it-triq li hija marbuta mal-laqam u l-familja tal-Pusè.

“Din kienet ħolma tiegħi. L-istil li ndoqqu jgħidulu gypsy jazz, stil li kien popolari ħafna fi Strada Stretta, speċjalment fi żmien missieri. Hemm min jgħidli li jiena r-rinkarnazzjoni ta’ mużiċisti fi Strada Stretta,” qalilna b’daħka.

Għal min ma tantx jaf lill-Pusè u l-familja tiegħu, ir-rabta tagħhom mal-Belt Valletta hija kbira. Fi kliem Curmi stess, kull ġebla li hemm il-belt taffaxinah, kull ħaġa li hija tal-Belt iħobbha iżda  Strada Stretta għandha post mill-aktar speċjali, anke għax l-għeruq tiegħu ġejjin minn hemm, bi qraba tiegħu kellhom ħwienet u anke kienu fost l-aktar mużiċisti mfittxija f’din it-triq.

“Kull meta ndoqq Strada Stretta nħoss li għext hemmhekk. L-għeruq tiegħi hemm qegħdin,” qalilna b’ċertu nostalġija. Anke r-riħa tal-ġebla fi Strada Stretta taf tieħdu fi vjaġġ lura fiż-żmien. “Artist ikollu kważi kważi sensi u sentimenti differenti. Jiena jekk inxomm riħa taf teħodni 40 sena lura u ngħidlek il-post eżatt fejn xammejtha jew saħansitra d-data.”

Tant kemm hi għal qalbu din it-triq, li l-Pusè għandu xewqa. Mir-rakkonti u d-deskrizzjonijiet dettaljati ta’ missieru jixtieq li xi darba jniżżilhom fi ktieb.

Meta George Curmi ngħata Ġieħ il-Belt Valletta
Meta George Curmi ngħata Ġieħ il-Belt Valletta

Iżda l-Pusè huwa wkoll kompożitur

Lill-Pusè mdorrijin narawh u nieħdu gost nisimgħu l-mużika ferriħija tiegħu. Iżda forsi ftit jafu wkoll li l-kompożizzjoni hi ħafna għal qalb George Curmi u jikteb stili varji. Fil-fatt, anke jekk huwa magħruf għall-mużika ferriħija, il-Pusè kiteb ukoll innijiet.

Fost il-kompożizzjonjiet li huma l-aktar għal qalb il-Pusè, huma l-innijiet li kiteb għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu u anke l-innu li kiteb għall-Belt Valletta.

Il-Pusè kiteb ukoll innu għall-festa tal-Madonna ta’ Liesse, għall-festa ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta u anke għall-festa tal-Madonna ta’ Fatima fi Gwardmangia.

Minn dawn kollha, il-mimmi ta’ għajnejh jibqa’ l-innu ‘Sliem Belt Valletta,’ li l-kliem tiegħu kitbu Belti ieħor, Hector Bruno. Dan kitbu fis-sena tal-Valletta 2018. Kitbu għax xtaq li jagħti xi ħaġa lura lill-Belt li fiha trabba meta ngħata “Ġieħ il-Belt Valletta.”

L-istorja tkompli... Il-mużika hija parti mir-rutina fid-dar tal-Pusè

L-istorja donnha qed tirrepeti ruħha. George Curmi wiret l-imħabba lejn il-mużika u l-laqam mill-familja tiegħu. Jidher li hu qed jirnexxilu jgħaddihom lill-familja tiegħu.

L-ewwel nett, kien il-vjolin li laqqa’ lil George ma’ martu Hilda. Kienet tinżel minn Ħaż-Żebbuġ biex tisma’ lill-Pusè jdoqq fil-quddies fil-Knisja tal-Karmnu. Hilda tkanta u t-tliet uliedhom idoqqu.

“Il-mużika hija parti mir-rutina tad-dar tagħna,” kompla l-Pusè.

Il-Pusè flimkien mal-familja tiegħu
Il-Pusè flimkien mal-familja tiegħu

‘Malta hawn l-opportunitajiet. Ma narmux lilna nfusna’

Temm din l-intervista b’parir lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jistudjaw strument.

L-ewwel u qabel kollox saħaq li kontra dak li jingħad, f’Malta hawn opportunitajiet. “Ejja ma narmux lilna nfusna. Qatt ma ddejjaqt għax Malti meta ndoqq barra minn Malta. Jekk immur tajjeb mat-turisti f’Malta, kapaċi ndoqq u nagħti pjaċir anke barra,” saħaq.

L-akbar parir tal-Pusè għall-istudenti tal-mużika huwa biex jieħdu l-istudju bis-serjetà.

“Kif qed jiġu mużiċisti barranin u bravi hawn Malta, kapaċi mmorru aħna wkoll,” temm jappella liż-żgħażagħ. 

More in Arti