Ara mill-viċin ix-xogħol ta' konservazzjoni fuq il-kwadru titulari ta' Santa Liena

Dan il-kwadru huwa meqjus bħala wieħed mill-ifjen xogħlijiet ta' Francesco Zahra

Nhar is-Sibt li ġej il-Karkariżi u l-pubbliku qed ikunu mistiedna biex iżuru x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li għaddej bħalissa fuq il-kwadru titulari ta’ Santa Elena, xogħol l-artist Malti Francesco Zahra.

Fl-2013, il-Kapitlu Elenjan qabbad lill-kumpanija Atelier del Restauro biex tieħu ħsieb ir-restawr fuq dan il-kwadru li jmur lura għall-1763.

Dan il-kwadru tniżżel minn postu f’Ottubru tal-2018 u mill-ewwel beda x-xogħol fuqu li kien jinkludi wkoll dokumentazzjoni fotografika u grafika tal-kwadru u anke tneħħija ta’ verniċ, żebgħa żejda li ġiet miżjuda maż-żmien u anke ħmieġ li nġema’ fuq it-tila tul is-snin.

Sa issa, tnaddaf nofs dan il-kwadru. Malli jintemm dan il-proċess isir il-konsolidament tat-tila u l-polikromu.

Anke jekk ix-xogħol għadu fl-ewwel stadji tiegħu, it-tindif beda joħroġ il-ġmiel tal-pittura u l-kuluri qawwija li uża l-artist.

Il-proġett se jinkludi wkoll xogħol ta’ konservazzjoni, skont prattiċi moderni tal-konservazzjoni, fuq il-frame orġinali tal-kwadru bil-għan li dan iżomm aħjar il-pittura u ma ssirx ħsara.

Il-pubbliku huwa mistieden iżur dan il-kwadru u jara b’għajnejh ix-xogħol, nhar is-Sibt li ġej. Il-kwadru se jkun espost fil-Bażilika ta’ Santa Liena bejn id-9:00am u nofsinhar u bejn it-3:30pm u l-5pm.

Ix-xogħol fuq dan il-kwadru se jkun lest f’Lulju tal-2019 bil-għan li jitgawda fil-festa ta’ Santa Liena f’Awwissu.

Tagħrif dwar il-kwadru

Il-kwadru titulari tpitter minn Francesco Zahra fl-1763 u juri lill-Imperatriċi Elena, omm l-Imperatur Kostantinu, fil-mument li sabet is-Salib ta’ Kristu.

Għal dan il-kwadru, Zahra kien ispirat mill-istatwa maestuża tal-irħam, maħduma minn Andrea Bolgi u li tinsab taħt il-koppla tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Jidher li meta Salvu Psaila ġie biex inaqqax fl-injam l-istatwa maestuża ta’ Santa Elena, l-artist kien ispirat ukoll minn dan il-kwadru.

More in Arti