Festival ta' films Ewropej fl-Eden Cinemas

Qed jintwera wkoll, 'Son of Saul' li rebaħ l-Oscar għall-aqwa film barrani

Bħalissa qed jintwera Festival tà' films Ewropej, minn pajjiżi differenti, fil-kumpless Eden, San Ġiljan. Se nagħti xi tagħrif siewji u qasir fuq erba' minn dawn il-produzzjonijiet.

Xogħol ta' interess ħafna għalina l-Maltin hu d-dokumentarju, it-tielet wieħed tad-direttur Sean Bloomfield, 'Apparition Hill'. Fis-sajf tal-2015, seba' stranġieri Amerikani u Ingliżi jżuru l-belt żgħira ta' Medjugorje, fil-Bosnia  Ħerżegovina, fejn 31 sena qabel dehret xi drabi l-Madonna. Dawn jinkludu persuni bi problemi personali jew mard serju u anki wieħed ateu. Film b'atmosfera solenni u final ta' emozzjoni li tqanqal il-qlub.

Mill-Ġermanja, jasal id-dramm 'Victoria' dwar tfajla fabbli Spanjola f'Berlin li titħabbeb ma' erba' ġuvintur ta' moħħ ir-riħ u ssib ruħha involuta f'serqa li tant tmur żmerċ, bi tmiem traġiku.

Personalment, jiżboq bil-kbir lill-oħrajn hu x-xogħol Ungeriż 'Son Of Saul'.  Saul Auslander, priġunier Lhudi/Ungeriż fil-ħabs tal-konċentrament ta' Auschwitz, jitqabbad minn Nazi jaħraq l-iġsma ta' niesu stess, waqt li jipprova jagħti difna xierqa lil tifel li jsostni li hu ibnu. Film kommwoventi għall-aħħar, li rebaħ l-Oscar għall-Aqwa Film Barrani, kif ukoll 47 unuri oħra.

Kummiedja romantika leġġera mill-Kroazja hi 'All The Best', ambjentata qrib il-Milied dwar destin kiefer li jolqot erba' individwi li għall-final imur għall-aħjar.

Dan il-Festival beda fit-30 ta' Novembru u jibqa' sejjer sal-15 ta' Diċembru 2016.

More in Arti