Din il-ġimgħa fiċ-Ċinema

Aqra dwar il-films maħruġa din il-ġimgħa, minn Carmel Bonnici

Doctor Strange

Atturi Ewlenin:  Benedict Cumberbatch; Rachel McAdams; Chwitel Ejiofor; Tilda Swinton; Mads Mikkelsen; Benjamin Bratt; Bendict Wong

Direttur: Scott Dickerson

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 115 min

Cert: 12A

Mid-dinja tal-Marvel Comics, supereroj ieħor qed jagħmel id-debutt tiegħu fuq il-liżar ċinematografiku. Dan l-erbatax-il film ta' Marvel Studios jiffoka fuq Dr. Stephen Strange li deher għall-ewwel darba fil- komiks f'Lulju tal-1963 mill-pinna ta' Steve Ditko u Stan Lee. L-univers ta' Marvel Studios jinkorpora narrativa kemm tal-livell tat-triqat, kif ukoll oħrajn kożmiċi li jeħduna fl-ispazju mbiegħed u fuq pjaneti fantastiċi. "Doctor Strange" però, jittratta għall-ewwel darba n-naħa mistika u sopranaturali ta' dawn il-volumi grafiċi. Dr. Stephen Strange [Cumberbatch], tabib ambizzjuż, mimli bih nniffsu, li jopera b'abbiltà fuq is-sistema tan-nervi, wara inċident ikrah bil-karozza, jara lil ħajtu mibdula meta ma jkunx jista' juża aktar idejh. L-isforzi biex ifieq u jerġa' jiġi għan-normal ifallu u b'hekk ifittex rimedju f'Katmandu, in-Nepal, f'post magħluq imsejjaħ Kamar-Taj. Taħt il-gwida spiritwali tal-Antika [Swinton], bil-paċenzja jakkwista superpoteri. Strange jinduna li dan il-post mhuwiex biss ċentru ta' fejqan, iżda wkoll il-linja ewlenija ta' battalja kontra forzi oskuri trasparenti li jridu jeqirdu r-realtà li teżisti. Il-perċimes ta' dawn hu Kaecilius [Mikkelsen], surmast tal-arti mistiċi u l-għadu prim tal-Antika.  ‘Doctor Strange’ tassew jesibixxi l-atmosfera fantastika tal-kotba komiks, b'effetti viżwali speċjali tal-għaġeb, b'sets imponenti u bi proċess eċċellenti tad-3D. Il-qofol ta' din il-produzzjoni ffilmjata f'Nepal, Ħong Kong, l-Ingliterra u New York hu x-shape shifting meraviljuż tal-bini, anki skyscrapers, kuriduri li jitwalu u jiqsaru skont il-burdata tal-malinni li jħaddnu dan it-talent [bħal "Inception" [2010] u "Dark City" [1997]] u azzjoni furjuża mimlija fantasija. Jidher li fuq dan ix-xogħol intefaq baġit enormi u li ‘Doctor Strange’ żgur li se jerġa' jidher aktar ’il quddiem.

 

The Clan

Atturi Ewlenin: Guillermo Francella; Peter Lanzani; Lili Popovich; Gaston Cocchiarale; Franco Masini

Direttur: Pablo Trapero

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Ħin: 108 min

Cert: 15

Pablo Trapero hu wieħed mill-iżjed diretturi versatili fl-Arġentina. Wara l-waqgħa tad-dittatatorjat f'dan il-pajjiż, diversi persuni bdew jisparixxu mingħajr spjegazzjoni. ‘The Clan’, b'mod riġidu, jirrakkonta storja meħuda diretta minn fuq l-aħbarijiet u l-midja ta' bejn is-snin 1982 u 1985. Involuti sa snienhom f'dawn ir-reati hemm il-familja Puccio, li jgħixu fis-subborg ta' San Isidoro ta' Buenos Aires. Il-missier, Arquimedes [Francella], li kien jaħdem fis-servizz sigriet fi żmien id-dittatatorjat, flimkien ma' ibnu Alejandro, magħruf bħala Alex [Lanzani], plejer popolari tar-rugby, bdew jinnotaw xi individwi għaddejjin bil-karozza tagħhom, jaħtfuhom u jitolbu rahan, iżommuhom fil-kantina tad-dar u wara joqtluhom. Magħhom jingħaqad Maguila [Cocchiarale], it-tifel l-ieħor, sakemm il-pulizija fl-aħħar arrestawhom. ‘The Clan’ jiżvolġi mill-veduta tal-kriminali stess u anki jesibixxi l-influwenza qawwija u tirannika li l-missier kellu fuq il-membri tal-familja kollha. B'mod solenni, b'kuluri skuri u b'narrattiva kultant kumplikata, ‘The Clan’ ifakkar fl-arroganza gwappa ta' dawk li kienu jaħkmu f'dawn iż-żminijiet koroh, li għalihom kull reat iqisuh bħala xi ħaġa legalizzata.

 

War on Everyone

Atturi Ewlenin: Michael Pena; Alexander Skarsgaard; Tessa Thompson; Caleb Landry-Jones; David Wilmot; Theo James

Direttur: John Michael McDonagh

Mahrug minn KRS Releasing

Tul: 98 mins

Cert: 15

Id-direttur Irlandiż, John Michael McDonagh tassew ġibed l-ammirazzjoni ta' ħafna dilettanti b'żewġ produzzjonijiet ambjentati f'pajjiżu, ‘The Guard’ u ‘Calvary’ li distintikament iħalltu sensibbiltà, umoriżmu sfaċċat u moralità sottomessa għal tmiem traġiku. Għat-tielet xogħol tiegħu, dan id-direttur qasam l-Atlantiku biex jiffilmja ġrajja dwar żewġ ħbieb intimi, pulizljotti vjolenti f'Albuquerque, New Mexico. ‘War On Everyone’, speċi ta' kummiedja oskura mimlija azzjoni jiffoka fuq Bob Babano [Pena] u Terry Monroe [Skarsgaard], żewġ pulizija korrotti li xogħolhom hu li jirrikattaw jew jingannaw lil kull kriminal li jinzerta jiġi quddiemhom. Wara li jkunu mwissija li jistgħu jiġu sospiżi għal kollox mill-korp, huma jsibu ruħhom f'ħafna nkwiet meta jippruvaw jintimidaw lil wieħed li hu aktar perikoluż minnhom. Ir-rikatti kollha li jaffettwaw, il-ħerba li jħallu warajhom waqt is-suppost qadi ta' dmirhom, fit-tkissir tal-karozzi, ma tantx jagħtu kredibbiltà lil dan il-film, li jidher li hu omaġġ għall-produzzjonijiet tas-snin sebgħin tal-pulizija kontra l-kriminali. Fuq kollox, bniedem ivvizzjat fil-korruzzjoni mhix ħaġa loġika li fl-aħħar ibiddel ta' malajr il-karattru tiegħu. 

 

Ouija: Origin of Evil

Atturi Ewlenin: Elizabeth Reaser; Lulu Wilson; Annalise Basso; Henry Thomas; Doug Jones

Direttur: Mike Flanagan

Maħruġ minn KRS Releasing 

Tul: 98 mins

Cert: 15

Dawk li jemmnu jew iħobbu s-sopranaturali, wara l-mewt ta' xi ħadd għażiż, jistgħu jiltaqgħu flimkien madwar mejda biex jikkommunikaw mal-ispirtu tiegħu. Oħrajn, aktar bħala sfida jixtru ouija board, logħba fejn fost affarijiet strambi oħra jippruvaw jagħmlu kuntatt mal-mejtin.  ‘Ouija: Origin Of Evil’, is-sequel tal-film ‘Ouija’ li fl-2014 għamel suċċess, ilaqqagħna ma' Alice Zander [Reaser], omm armla li f'Los Angeles fl-1967, biex tkabbar in-negozju tagħha tal-okkult, mingħajr ħsieb, iddaħħal forzi malinni f'darha. Dan l-ispirtu kattiv jieħu pussess tat-tifla ż-żgħira tagħha, Doris [Wilson]. Midjuna, b'ħafna kontijiet xi tħallas, Alice tixtri logħba ouija biex taffaxxina aktar lill-klijenti tagħha. Minn dakinhar, jibdew iseħħu affarijiet strambi u inspjegabbli f'darha, bħal ħsejjes li ma tkunx taf minn fejn ġejjin, ħolm ikrah ta' spiss, kif ukoll Doris tibda tikkommunika mal-mejtin, inkluż missierha. Minkejja li n-negozju jitjieb, it-tifla tagħha tinsab fi stat terribbli. Fl-aħħar, ikollha tirrikorri għall-għajnuna ta' Father Tom [Thomas], il-prinċipal tal-iskola. Dawn il-logħbiet ilhom jiġu mmanifatturati sa mis-seklu 19 u għadhom popolari sal-lum. Il-produtturi sabu lat ieħor kif jibbażaw il-films tal-biża' u t-twerwir.  Il-kelma O-U-I-J-A skond il-fundaturi tfisser G-O-O-D-L-U-Ċ-K!

More in Arti