Vjolin rari esebit fil-Palazz tal-Granmastru

Il-vjolin Antonio Stradivari 1715 ‘ex-Bazzini – de Vito’, li għandu 300 sena u jiswa’ madwar 10 miljun ewro, qed jiġi esebit ġewwa l-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.

Il-vjolin ‘ex-Bazzini – de Vito’, li kien ġie kreat minn Antonio Stradivari fl-1715, ġie varat waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Palazz tal-

Granmastru fil-Belt Valletta. Il-Maestro Matteo Fedeli, li daqq il-vjolin, Marc Cabourdin, li jagħmel parti mit-TAC Theatre u li pproduċa l-kunċert

u Jo Caruana, li rrapreżentat l-organizzaturi tal-kunċert ‘Elekta’ u ‘Technoline Ltd’, indizzaw lill-istampa.

“Il-kunċert ‘A Stradivarius Among Us’ se jkun kunċert uniku għal Malta, u qed jinġieb lilkom minn ‘Elekta’ u ‘Technoline Ltd’ taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca,” spjega Marc Cabourdin.

“Fuq il-vjolin se jkun hemm il-Maestro Fedeli, li huwa magħruf mad-dinja kollha bħala l-uniku persuna li daqqet 25 mis-60 Stradivari li għadhom f’kundizzjoni tajba biżejjed biex jindaqqu,” kompla jgħid is-Sur Cabourdin.

Fedeli se jkun akkumpanjat mill-‘Orchestra d’Archi e Coro da Camera dell’Accademia Concertante d’Archi di Milano’, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Mauro Ivano Benaglia. Il-flus miġbura mill-bejgħ tal-biljetti u d-donazzjonijiet se jitqasmu bejn organizzazzjonijiet varji tal-kanċer.

“Ta’ min ukoll niftakru li dan il-kunċert qed iseħħ bħala ċelebrazzjoni tal-installar u l-ikkummissjunar tal-‘Elekta Linear Accelerators’ ġewwa l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li ġie mibni apposta,” qaltilna Jo Caruana.

“Grazzi għal dawn l-‘accelerators’, il-pazjenti li qed isofru minn tipi differenti ta’ kanċer, issa se jkollhom iċ-ċans li jirċievu radjoterapija esterna li tista’ tintuża biex tikkumbatti kull tip ta’ tumur f’kull parti tal-ġisem – ġewwa pajjiżna stess!”

Dan il-kunċert huwa wkoll wieħed minn tal-bidunett għall-Maestro Matteo Fedeli u l-‘ex-Bazzini – de Vito’, hekk kif flimkien mistennija jduru l-Ewropa u l-Amerika. Fil-karriera tiegħu, il-Maestro Fedeli, li huwa magħruf bħala ‘ir-Raġel tal-Istradivari’, daqq għal udjenza kollettivà ta’ 400,000 ruħ, li tinkludi wkoll il-Papa Emeritus Benedettu XVI.

“Malta hija t-tieni waqfa tiegħi u tal-‘ex-Bazzini’, bl-ewwel waħda kienet Dubai,” jgħidilna Matteo Fedeli. “Jien ninsab verament kuntent li qiegħed hawn, u ġenwinament naħseb li ‘Elekta’ u ‘Technoline Ltd’ ħaqqhom jiċċelebraw wara x-xogħol kollu li għamlu fuq il-‘Linear Accelerators’. Il-fatt li għaqdu xi ħaġa kulturali ma’ kawża daqstant nobbli bħal din hija wkoll ta’ min ifaħħarha!”

More in Arti