Il-Lingwa Maltija – m’għandniex insumu mil-lingwa tagħna
Artiklu mill-opinjonista u studenta Maria Camilleri dwar id-diskussjoni li qamet qabel u wara l-Malta Eurovision Song Contest u l-lingwa
Ftit tal-ġimgħat ilu nħass is-sens ta’ patrijottiżmu fostna l-Maltin speċjalment fost dawk li segwew b’entużjażmu l-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena. Bla dubju li l-kanzunetta Kewkba interpretata miż-żagħżugħa Janice Mangion kienet fost il-kanzunetti li spikkat fis-serata finali li ttellgħet nhar is-Sibt 18 ta’ Frar 2017.
Minkejja li Kewkba ma kinitx il-kanzunetta rebbieħa tas-serata finali ta’ din is-sena, xorta waħda ħa tibqa’ tissemma’ mhux biss għaliex hija kanzunetta mill-isbaħ iżda wkoll għaliex wara numru ta’ snin, irnexxielna nisimgħu l-Malti jidwi mas-sala kollha fil-festival tant mistenni sena wara sena b’ħerqa kbira minna l-Maltin.
Is-sehem ta’ din il-kanzunetta fil-festival qanqal diskussjonijiet varji fil-pajjiż. Sfortunatament, ħafna Maltin ma japprezzawx biżżejjed ilsienna u ma jirrealizzawx kemm aħna xxurtjati li pajjiż żgħir bħal Malta għandu lingwa hekk kbira u sinjura. Dawn l-individwi jemmnu li l-Malti huwa nferjuri ħdejn ilsna oħra ta’ pajjiżi akbar u saħansitra jistħu jitkellmu bil-Malti. Ċertament li din l-idea hija waħda żbaljata. Il-lingwa hija parti mill-identità tagħna bħala ġens. Pajjiżna matul is-snin kien immexxi minn ħakkiema differenti u li b’riħithom, ġensna rnexxielu jixrob minn għejun lingwistiċi differenti biex illum sar il-Malti kif nafuh aħna llum.
Dan ma jfissirx li għandna nagħlqu l-bibien tagħna lejn lingwi oħrajn. Bil-limitazzjonijiet li għandna bħala pajjiż ġeografikament żgħir, bilfors jeħtieġ li jkollna għarfien tajjeb ta’ ilsna barranin li kontinwament ikollna kuntatt magħhom. Però rridu nżommu f’moħħna l-għeruq tagħna minn fejn ġejjin, kemm personaġġi fl-istorja ta’ pajjiżna stinkaw u ħadmu qatigħ sabiex flimkien sawru dak li aħna bħala Maltin għandna llum. L-għażla li ninkludu mill-ġdid kanzunetta bil-Malti hija qabża kbira li seħħet, sabiex aħna bħala poplu negħlbu fehmiet bħal dawn li jisħqu li lsienna huwa inferjuri ħdejn ilsna oħra.
M’għandna qatt nistħu nitkellmu bil-lingwa tagħna anzi għall-kuntrarju jeħtieġ li nkomplu nitgħallmu din il-lingwa, nindukrawha ħalli ma nħallux lingwi oħra jkunu ta’ detriment għaliha. Jeħtieġ li nkomplu nistudjawha fil-fond u fuq kollox ngħadduha bis-sħiħ lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna sabiex dak li ħadmu għalih missirijietna jkompli jikber u jissaħħaħ. Jalla jkollna iktar opportunitajiet sabiex il-Malti nkomplu nelevawh fuq livell internazzjonali u nxandru din il-lingwa hekk rikka u mill-isbaħ li għandna mal-erbat irjieħ.