Għar Dalam taħt qamar kwinta

Għar Dalam
Għar Dalam

Għar Dalam żgur li qatt ma kellu l-okkażjoni jagħmel dan waqt lejl ta’ qamar kwinta. Heritage Malta, se torganizza attivita’ li permezz tagħħa dawk li jattendu se jkollhom l-opportunita’ li jżuru Għar Dalam bil-lejl.

L-attivita’ li ser issir fil-31 ta’ Lulju u tibda fis-7pm se tkun tikkonsisiti fi preżentazzjonijiet mill-Kuratur Anzjan John J. Borg u mis-Site Executive Paul Portelli segwiti minn dawra mal-Għar u l-ambjent ta’ madwaru taħt id-dawl ta’ qamar kwinta kif ukoll minn ikla ħafifa.

Ir-relevanza ta’ Għar Dalam bħala sit preistoriku ġie skopert fit-tieni nofs tas-seklu dsatax permezz ta’ serje ta’ skavi li kixfu għadam t’annimali kif ukoll fdalijiet umani u bosta oġġetti. Is-sit huwa ta’ mportanza kbira minħabba il-valur tiegħu fl-oqsma tal-palaeontoloġija, arkeoloġija u ekoloġija.

L-istorja tal-għar kif ukoll tal-gżejjer maltin tinsab fl-istatigrafija ta’ Għar Dalam innifsu. L-iktar saffi fil-fond, fil-fatt, għandhom iktar minn nofs miljun sena u fihom insibu fossili ta’ għadam ta’ iljunfanti zagħar, ipopotami, mammali żagħar u għasafar fost oħrajn. Fuq dan is-saff insibu saff taċ-ċagħaq li fuqu mbaghad insibu is-saff hekk imsejjaħ taċ-ċriev minn madwar 18,000 sena ilu. Is-saff ta’ fuq magħruf ukoll bħala “is-saff kulturali” għandu inqas minn 10,000 sena u jiġbor fih evidenza tal-ewwel bnedmin li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin. Kien propju hawn li ġiet skoperta l-ewwel presenza umana f’Malta li tirriżulta għal madwar 7,400 sena ilu.

Is-sit innifsu jikkonsisti f’għar, wirja permanenti fl-istil Vittorjan kif ukoll ġnien b’diversi pjanti u siġar indiġeni.

Il-biljetti li l-prezz tagħhom huwa ta’ €12 għall-adulti, €10 għall-anzjani, studenti, tfal u membri ta’ Heritage Malta, jistgħu jinkisbu mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage malta kif ukoll online minn http://shop.heritagemalta.org . Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21657419 jew iżur il-paġna uffiċjali ta’ Heritage Malta fuq Facebook. 

More in Zekzik