‘Iktar ma Robert Abela jkompli jiddefendi din l-imġiba u jiskuża dan l-aġir, iżjed ikompli jrawwem din il-kulturà ta’ impunità’

Mark Anthony Sammut jargumenta li minkejja li kien hemm kemm kien hemm nuqqasijiet minn Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat, 'qatt ma kien hawn il-livell ta’ korruzzjoni u tħanżir istituzzjonalizzat li għexna f’dawn is-snin. Qatt'

Ir-riżenja ta’ Clayton Bartolo, l-informazzjoni ġdida dwar Amanda Muscat, u d-difiża tal-Prim Ministru Robert Abela fejn jidħol Clint Camilleri, żamm l-iskandlu ta’ dawn iż-żewġ MPs fuq fomm in-nies għal ġimgħa oħra. Il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-MP Nazzjonalista Mark Anthony Sammut jiem wara l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

Il-membri tal-PN fi ħdan il-Kumitat tal-Istandards talbu għas-sospensjoni ta’ 30 jum kontra Clayton Bartolo. Għaliex ħadtu dan l-approċċ, u mhux talba għal tkeċċija immedjata? X’inhu l-pass li jmiss issa li dik it-talba ġiet irrifjutata? 

Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandu l-ebda setgħa jkeċċi Deputat elett, u lanqas m’għandu s-setgħa jneħħi Ministru mill-Kabinett. Skont artikolu 28(d)(v) tal-Att Dwar Standards fil-Ħajja Pubblika (Kap. 570), jista’ però “jirrakkomanda li l-Kamra tad-Deputati tieħu kull miżura oħra li jidhrilha xierqa”, liema miżura trid tkun taqa’ fil-parametri tal-Istanding Orders tal-Kamra. 

F’każ bħal dan dehrilna li kellna nimxu fuq preċedent ta’ każ simili fir-Renju Unit li jmur lura għall-2008, fejn il-Membru Parlamentari Derek Conway kien instab ħati li impjega lit-tifel tiegħu, u ħallsu £9,330 iżjed minn kemm kellu jitħallas abbażi tal-esperjenza tiegħu. 

Peress li l-Parlament tagħna jimxi fuq il-mudell tal-Parlament Ingliż, u l-istruttura tal-Kummissarju għall-Istandards u l-Kumitat Permanenti hija simili, dehrilna li dan kien l-eqreb mudell li stajna nsegwu. 

F’dak il-każ, il-Kumitat Ingliż kien irrakkomanda sospensjoni ta’ għaxart ijiem, liema sospensjoni kienet ġiet approvata b’maġġoranza fil-House of Commons. Peress li l-każ quddiemna kien aktar gravi, kemm għax l-ammont ta’ flus fil-każ tagħna kien ikbar, kemm għax il-Ministri fil-każ tagħna ftiehmu biex jippruvaw jagħmlu cover-up ta’ din il-konsulenza, kemm għax ix-xogħol ma sarx, u kemm għax baqgħu sal-aħħar jippruvaw jiġġustifikaw dak li sar, dehrilna li kellna nirrakkomandaw sospensjoni ta’ 30 ġurnata. 

Ryan Callus (xellug) u Mark Anthony Sammut (lemin) waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi
Ryan Callus (xellug) u Mark Anthony Sammut (lemin) waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi

Proponejna wkoll li l-Kumitat jirrakkomanda lill-Prim Ministru biex ikeċċi lil Ministru Clint Camilleri, għax huwa l-Prim Ministru biss li jista’ jneħħi Ministru. 

Aħna nemmnu li l-Istandards f’pajjiżna m’għandhomx ikunu inqas minn dawk f’pajjiżi oħra. Sfortunatament però ż-żewġ proposti ġew ivvutati kontra mill-Gvern u l-Ispeaker. 

Jekk Robert Abela jibqa’ jinjora s-sejħiet għall-azzjoni, kif qed jippjana l-PN li jżommu personalment responsabbli għat-trawwim ta’ kultura ta’ impunità fi ħdan il-Kabinett tiegħu? 

Robert Abela jagħti l-barka tiegħu għal din il-kultura bid-difiża kontinwa tiegħu ta’ min iġib ruħu ħażin. Għadu jiddefendi lil Clint Camilleri, li nstab ħati li abbuża mill-poter fil-konsulenza fittizja li ta lill-mara tal-eks Ministru Clayton Bartolo, u reġa’ daħħal lura fil-Grupp Parlamentari lil Rosianne Cutajar, li ftaħret li qed titħanżer bħalma qed jitħanżer kulħadd. 

L-istess kif skuża minn kull responsabbiltà politika lill-Ministru Byron Camilleri, li d-dekasteru tiegħu hu mifni rackets u każi ta’ frodi, lill-Ministru Roderick Galdes, responsabbli tal-frodi elettorali fis-Siġġiewi, u lill-Ministru Michael Falzon, li l-Bordijiet maħtura minnu huma responsabbli tal-frodi organizzat fil-benefiċċji soċjali. 

Iktar ma jkompli jiddefendi din l-imġiba u jiskuża dan l-aġir, iżjed ikompli jrawwem din il-kultura. U finalment mhux il-PN imma l-poplu se jispiċċa jżommu responsabbli ta’ dan it-tnawwir li hu qed jibqa’ jbierek. 

Minħabba n-nuqqasijiet evidenti fl-istandards ta’ etika, il-PN għandu pjan biex jerġa’ jibni l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u fil-politiċi? 

Il-Partit Nazzjonalista ilu li rrealizza li dan il-Gvern kien ħa jwassal għall-kollass tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-politiċi sa mill-2015, meta f’Diċembru tal-istess sena konna ppubblikajna d-dokument “Nibnu fiduċja ġdida fil-politika”, li kien jinkludi l-pjan tagħna propju biex nerġgħu nibdew nibnu din il-fiduċja. 

F’Diċembru 2019, fl-eqqel tal-kriżi li waqqgħet il-Gvern ta’ Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista kompla jsawwar dan il-pjan bid-dokument “Governanza Tajba għal Demokrazija b’Saħħitha”. Dan il-pjan jinkludi, fost affarijiet oħra: 

  • li l-partiti politiċi jiġu ffinanzjati mill-Istat, u li idealment jitwaqqfu għal kollox id-donazzjonijiet lill-Partiti; 
  • li Membri Parlamentari jkunu pprojbiti milli jservu fuq Bordijiet u Awtoritajiet tal-Gvern; 
  • li jkollna Membri Parlamentari full-time u li jkollhom l-assistenza u r-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu; 
  • li jiġi aġġornat il-kodiċi ta’ etika u  l-istess kodiċi jiġi wkoll infurzat fuq il-membri tas-segretarjati tal-Ministri u Segretarji Parlamentari; 
  • li jerġa’ jkun hemm limitu fuq in-numru ta’ positions-of-trust, u li kull waħda minnhom tkun ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern bir-remunerazzjoni effettiva ta’ kull wieħed; 
  • li nbiddlu s-sistema biex l-Avukat Ġenerali, u ċ-Chairpersons ta’ Awtoritajiet Kostituzzjonali, bħall-Awtorità tax-Xandir u l-Kummissjoni Elettorali, ikunu maħtura b’żewġ terzi tal-Parlament; 
  • li ndaħħlu struttura biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju għall-Istandards jiġu kkunsidrati u implimentati mill-Gvern fi żmien determinat, u jekk ma jiġux milqugħa tingħata ġustifikazzjoni bil-miktub lill-Parlament; 
  • li fil-Parlament, indaħħlu sessjoni ta’ kull ġimgħa għall-Ħin tal-Mistoqsijiet lill-Prim Ministru; 
  • li nirriformaw ix-xandir pubbliku biex ikun tassew awtonomu u bbilanċjat; 
  • li nsaħħu l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni billi tingħata l-poter li tinvestiga kull każ u li tmexxi fuqu fil-Qrati. 

Il-Gvern Laburista ġie akkużat kemm-il darba li qed iħares lill-ministri minn skrutinju politiku. Il-PN kif se jassigura trasparenza sħiħa f’każijiet ta’ mġiba ministerjali ħażina taħt amministrazzjoni tiegħu? 

Dan nistgħu nagħmluh billi nwettqu dawn ir-riformi politiċi u istituzzjonali li semmejtlek, u flimkien magħhom nibdew diskussjoni fuq rimunerazzjoni ġusta u xierqa għall-politiċi sabiex nesiġu l-ogħla standards ta’ mġiba mir-rappreżentanti tal-poplu u l-qaddejja tal-Istat. U l-iktar ħaġa fundamentali hi li naraw li l-pulizija jkunu fil-libertà li jaġixxu u jinvestigaw kull fejn ikollhom suspett u jressqu kull fejn isibu l-ħażin. Ikun min ikun. 

Il-pubbliku jidher għeja bl-iskandli politiċi. Il-PN kif se jassigura li s-sejħiet għall-azzjoni mill-partit ma jitqisux bħala kisba ta’ punteġġ politiku iżda bħala inizjattivi ġenwini ta’ riforma? Fl-istess waqt, ġaladarba ma jaqax il-Gvern, baqa’ tliet snin għall-Elezzjoni Ġenerali. Kif qed tippjanaw li żżommu l-momentum? 

L-ewwel nett irridu nfakkru li għandna l-kredenzjali kollha li nitkellmu b’dan il-mod. Kien hemm kemm kien hemm nuqqasijiet minn Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat, qatt ma kien hawn il-livell ta’ korruzzjoni u tħanżir istituzzjonalizzat li għexna f’dawn is-snin. Qatt. 

U l-iżjed ħaġa fundamentali hi li anke meta kien hemm imġiba ħażina, dejjem ittieħdet azzjoni u l-Kummissarju tal-Pulizija tħalla jaħdem u jinvestiga b’mod liberu; b’differenza kbira minn dak li rajna f’dawn l-aħħar 11-il sena. 

Però mhux se nieqfu hemm. Irridu nkunu wkoll aħjar minn dak li kien il-Partit Nazzjonalista fil-passat. U llum il-Partit Nazzjonalista għandu ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi, li minkejja li aħna ġodda għall-Parlament għandna issa livell ta’ esperjenza, kemm fil-politika lokali u anke f’dik nazzjonali. U ma’ dik l-esperjenza għandna l-ħeġġa u l-enerġija li nbiddlu l-mentalità u l-kultura biex il-Malta li nħallu lil ta’ warajna tkun aħjar minn dik li għexna fiha aħna. 

U dan lesti nagħmluh, tiġi meta tiġi l-elezzjoni. Id-data ma tiddependix minna, li jiddependi minna hu li nkunu preparati biex immexxu dan il-pajjiż fi triq differenti. U hekk qed nagħmlu. 

Int ikkritikat in-nuqqas ta’ infurzar mill-awtoritajiet tat-trasport. X’jagħmel differenti Gvern Nazzjonalista biex jassigura li dawn l-entitajiet ma jkunux biss għassiesa iżda uffiċjali ta’ infurzar effettiv? 

Naraw li l-awtoritajiet regolatorji, u mhux dawk tat-trasport biss, ikunu tassew imħaddma min-nies kompetenti u tal-affari tagħhom, li l-ewwel lealtà tagħhom ma tkunx lejn il-Gvern jew lejn xi partit, imma lejn ir-rwol li jkunu qed jokkupaw. Sfortunatament illum il-kriterji biex tieħu promozzjoni u timxi ’l quddiem mhuwiex kemm int tajjeb f’xogħlok, kemm għandek esperjenza, jew il-kwalifiċi, imma kemm int qrib tal-Ministru. Qal il-Kap tas-Segretarjat tal-Eks Ministru Bartolo stess, li iżjed iħarsu lejn “l-ideoloġija” milli lejn il-kwalifiċi. Dan wassal biex in-nies li vera jridu jagħmlu xogħolhom sew jitwarrbu, jew jitilqu għax ma jkunux jifilħu jaraw l-affarijiet isiru b’mod mgħawweġ. Din it-tip ta’ kultura rridu nibdluha b’mod radikali. 

F’diskors fil-Parlament inti għedt li s-settur tal-Y plates, minkejja li mimli problemi, jista’ jkun il-futur tal-pajjiż. Tista’ tispjega aħjar x’taħseb li wassal biex dan is-settur ikun daqsekk ikkritikat? U x’għandu jsir biex jopera aħjar? 

Meta saret ir-riforma tal-Public Service Garage, lura fl-2020, filwaqt li kellha affarijiet tajbin, neħħiet ukoll ħafna mir-rekwiżiti li wieħed kien ikollu bżonn meta japplika għal permess ta’ operatur ġdid. Pereżempju fejn jidħol il-garaxx jew spazju fejn dan kien ħa jipparkja l-vetturi, l-Awtorità bdiet toqgħod biss fuq id-dikjarazzjoni tal-applikant, mingħajr ebda forma ta’ verifika. Dan wassal biex f’erba’ snin, dan is-settur infaqa’, u minn 2,421 LY-plate fl-aħħar tal-2019 tlajna llum għal aktar minn 5,100. Iżjed mid-doppju! Dan ta lok għal ħafna abbuż u daħlu ħafna operaturi li mhux dejjem kellhom l-aħjar intenzjonijiet. 

L-ewwel ħaġa li għandha ssir huwa li titneħħa l-inċertezza minn fuq l-operaturi ż-żgħar li qed isibu l-kriterji u l-policies jinbidlu kull ftit xhur, u ġew f’pożizzjoni fejn lanqas jafu kif għandhom jirregolaw ruħhom. 

It-tieni, irridu ndaħħlu miżuri, standards u regoli li jwasslu biex dan is-suq jopera b’mod nadif u sostenibbli. 

Fost l-oħrajn, il-pjattaformi li jipprovdu dan is-servizz għandhom ikunu obbligati jxerrdu d-data real-time tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji – mal-Pulizija, ma’ Transport Malta, mal-LESA ... – kif jiġri f’ħafna pajjiżi oħra. 

Din twassal biex jinqatgħu ħafna mill-abbużi. Daqshekk ikollok xufiera li jaħdmulek sigħat esaġerati, li tfisser ukoll aktar serħan il-moħħ u sigurtà għall-passiġġier. Jinqata’ ċertu sfruttament ta’ ħaddiema. U ovvjament ikun ħafna iżjed faċli li jiġu mrażżna abbużi ta’ evażjoni ta’ taxxa, prekarjat, u anke ħasil ta’ flus. 

Mark Anthony Sammut flimkien mal-MP Joe Giglio  u kunsilliera tal-Imsida waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett tal-Wied tal-Imsida
Mark Anthony Sammut flimkien mal-MP Joe Giglio u kunsilliera tal-Imsida waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett tal-Wied tal-Imsida

Il-flyover tal-Imsida spiċċat f’kontroversja iktar minn darba, bil-Kunsill Lokali tal-Imsida u r-residenti stess jgħidu li ma jriduhiex. Partit Nazzjonalista fil-Gvern, x’jagħmel bil-proġett? Jekk elett fi ftit snin, meta x-xogħol ikun diġà beda, x’jagħmel? 

Jiddependi mill-istadju li jkun wasal fih il-proġett. Li hu żgur li l-Partit Nazzjonalista jrid li joħroġ it-traffiku miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula, u jsaħħaħ sistemi alternattivi ta’ transport biex nevitaw il-bżonn ta’ dawn it-tip ta’ proġetti. Dan mhux qed ngħiduh aħna biss, dan tgħidu l-istess Strateġija Nazzjonali tal-Gvern li tħares sas-sena 2050 u li tgħid li “aktar toroq, flyovers … minflok ma jiġu investiti l-flus fi trasport pubbliku jew infrastruttura għal mezzi ta’ transport mhux motorizzat … iwasslu biex minflok ma tissolva l-problema, dan it-tip ta’ żvilupp ta’ infrastruttura ffukata fuq il-karozzi jiggravaha … iżid il-konġestjoni, inaqqas l-affidabilità u l-puntwalità tas-servizz tal-linja.” Minkejja li l-istrateġija tiegħu tgħid hekk, il-Gvern għadu jagħmel bil-kontra. 

Il-problema tat-traffiku fit-toroq hija l-ammont ta’ karozzi fuqhom. Għalkemm il-Gvern din jibża’ jammettiha, il-kultura tal-karozzi daħlet wisq fir-residenti. Imma Gvern Nazzjonalista, x’jagħmel biex inaqqas il-karozzi? X’se jagħmel biex ibiddel il-kultura għal dik aktar sostenibbli, u jrawwem soċjetà li tuża trasport alternattiv? Kif Gvern Nazzjonalista jipprijoritizza trasport alternattiv, bħal tal-linja, roti, u forsi anke trasport fuq il-baħar? 

L-ewwel nett irridu nipprovdu alternattiva għall-karozzi. Inutli nħeġġu lin-nies ma jużawhomx jekk ħafna m’għandhomx alternattiva reali u effiċjenti oħra. Allura hemm bżonn urġenti li nibdew nimplimentaw sistema ta’ trasport tal-massa, li tkun kumplimentata minn servizz ta’ trasport pubbliku mtejjeb. 

L-alternattivi l-oħra għall-karozza jrid ikollhom infrastruttura f’postha u li tagħmilha sigura li tużahom. Ħafna nies ma jużawx ir-rota jew mutur, għax it-toroq tagħna mhux siguri għalihom. L-istess għat-trasport tal-baħar, semmejna ideat anke qabel l-elezzjoni tal-2022 li għadhom fil-pjan tagħna. 

Mal-infrastruttura, irid jiżdied l-infurzar biex jinqata’ s-sewqan bl-addoċċ u traskurat. 

U ma’ dawn irrid insemmi wkoll il-kampanji ta’ edukazzjoni fuq kif wieħed juża t-triq, li sfortunatament spiċċaw għalkollox. 

Ġaladarba jkollok l-alternattivi, wieħed jista’ jdaħħal imbagħad numru ta’ inċentivi biex wieħed ma jużax il-karozza. Ħlas ta’ liċenzja mraħħas għal min juża l-karozzi inqas mili, għotja lil min ineħħi l-vettura u jintrabat li ma jdaħħalx oħra għal numru ta’ snin, grants għal min jaqleb minn vettura għal mutur, inċentivi għar-remote working, huma kollha inċentivi li jistgħu jinkuraġġixxu lin-nies jitilqu l-karozza u jużaw modi oħra ta’ vvjaġġar. 

More in Intervisti