Intervista | 'Nixtieq li meta wliedi jikbru jgħidu ‘missieri għamel xi ħaġa biex ingawdi pajjiżi aħjar’
Il-Partit Laburista se jżomm ir-raba’ siġġu? Bilfors trid tkun politikant biex tagħmel differenza? X’sar minnhom il-proġetti għal spazji miftuħa f’San Ġwann, Santa Venera u l-Furjana? Il-kandidat Laburista għall-MEP Steve Ellul iwieġeb
Minn l-aħħar surveys ħareġ li hemm numru ta’ Laburisti li qed jgħidu minn issa li mhux se jkunu qegħdin jivvotaw. Għaliex taħseb li qed ikun hemm din l-apatija fost il-votanti?
Irridu nisimgħu u nifhmu lin-nies ħalli mbagħad inkunu nistgħu nindirizzawhom. Ħu l-inflazzjoni bħala eżempju. Ftehemna madwar mejda, tkellimna u lħaqna ftehim man-negozjanti u sibna soluzzjoni biex innaqqsu l-prezzijiet fuq xejn anqas minn 400 prodott essenzjali, b’roħs ta’ 15%.
Dawn is-soluzzjonijiet qed jindirizzaw l-isfidi tal-għoli tal-ħajja u attwalment il-politika hija li nagħtu soluzzjonijiet lin-nies u jien nixtieq politika li timxi ma’ dak il-messaġġ.
Taħseb li l-Partit Laburista se jkun qed iżomm ir-raba’ siġġu?
Jiena naħseb li minn stħarriġ għal ieħor in-nies qed jirritornaw lura l-interess tagħhom lejn il-politika. X’ħa jiġri fl-elezzjoni rridu nistennew u naraw. Jiena ma nħobbx nispekula fuq dawn l-affarijiet.
M’għandix dubju li meta n-nies ikunu fil-kamra fejn jiktbu l-vot tagħhom, huma se jiddeċiedu dakinhar jekk iridux ikomplu għaddejjin b’din il-politika ta’ stabbiltà jew jirritornaw lura għall-politika ta’ instabbiltà li ħalliet piżijiet fuq in-nies u negozji li kien iħaddan Gvern Nazzjonalista.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li s-sussidju fl-enerġija jista’ jġib riperkussjonijiet fuq l-infiq tal-Gvern u saħqet li s-sussidju għandu jingħata lil dawk li vera għandhom bżonnu. Taqbel ma’ dan?
Fl-ekonomija, importanti li nagħtu stabbiltà. Huwa importanti li nagħtu serħan il-moħħ fosthom lill-investituri u lill-familji sabiex ma jsibux xi sorpriża wara l-kantuniera tistenniehom.
Infakkar li s-self-employed, l-SME’s, negozji żgħar u medji huma l-qalba tal-ekonomija li wkoll qed igawdu minn dan is-serħan tal-moħħ daqskemm qed jitgawdew minn kumpaniji kbar li jħaddmu ħafna nies f’pajjiżna.
Din qed tagħti ċ-ċans liż-żgħir u l-kbir biex jinvestu b’kunfidenza, kuntrarju ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, fejn għandek nies li qed jaffaċċjaw kontijiet li ma jistgħux iħallsu.
Fl-aħħar snin rajniek bħala analista finanzjarju, imma wkoll bħala l-Kap ta’ Project Green. Taħseb li ma kontx qed tagħmel differenza kif kont? Taħseb li trid tkun bilfors politikant biex tagħmel differenza?
Ma naħsibx, fil-fatt lanqas inħossni ta’ politikant. Xi ħaġa li tinstema’ ironika, għadni ma nistax nifhem eżattament xi tfisser li tkun politikant.
Jekk politikant tfisser li ġġib in-nies madwar mejda u nimxu ’l quddiem, mela iva, jien nixtieq inkun politikant. Dak it-tip ta’ politikant, mhux partiġġjan jew popolista.
Xi ħaġa li tinkwetani hija l-ammont ta’ politiċi madwar l-Ewropa li qed ikunu popolisti. Għaliex faċli li titkellem għall-fama fuq il-media soċjali, imma jien nixtieq inkun xi ħadd li jimbotta ’l quddiem deċiżjonijiet li hemm bżonn biex għada pitgħada ngawdu l-frott tiegħu. Għandi żewġt itfal u nixtieq li meta jikbru, iħarsu lura u jgħidu “missieri għamel xi ħaġa biex illum qed ingawdi pajjiż aħjar milli kien”.
Jien kburi bil-ħidma tiegħi fi ħdan Project Green. Naħseb li fil-qasam bankarju tal-karriera tiegħi għamilna ħafna ġid, għent ħafna kumpaniji flimkien ma’ sħabi biex jinvestu f’pajjiżna u llum qed naraw il-ġid tiegħu.
Xnigħat kienu jgħidu li l-PL kien ilu jiġri warajk sabiex taċċetta t-talba tagħhom. X’kienet dik il-ħaġa li kkonvinċietek?
M’għandix dubju li fi ħdan il-Partit Laburista hemm dak kollu li wieħed għandu bżonn biex naħdmu flimkien. Minn esperjenza personali kelli l-opportunità li nkun parti mill-100 idea, fejn minnu nkiteb il-manifest elettorali u llum qed nieħu pjaċir li dawk l-ideat li ġew minn kull faxxa tas-soċjetà, issarrfu fil-manifest u qed jitwettqu bħala parti mill-programm tal-Gvern.
Project Green, li inti kont l-ewwel CEO tiegħu, ra bosta rinnovar ta’ diversi ġonna u spazji miftuħa. Jimxi fuq il-manifest tal-PL, kellu wkoll numru ta’ proġetti ambizzjużi, bħal dak ta’ San Ġwann, Santa Venera, u l-Furjana. Konvint lis-suċċessur tiegħek se jwassal biex dawn il-proġetti ma jibqgħux fuq il-karta?
M’għandix dubju. Il-ħidma qed issir. Fil-fatt, il-proġett ta’ San Ġwann u ta’ Bormla ġew sottomessi għand l-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proġetti ta’ Santa Venera u San Ġwann, qed issir analiżi fuqhom biex tassigura li jsiru b’mod li jħalli l-inqas impatt possibbli waqt li jkunu qed isiru. Xi ħaġa li forsi f’dan il-pajjiż ma konniex daqstant attenti għaliha tul is-snin kienet li kien qed ikollna ħafna proġetti għaddejjin f’daqqa, fejn il-pajjiż kważi staġna.
Irridu naraw li l-proġetti kollha jsiru b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun possibbli l-inkonvenjenza fuq ir-residenti. Dawn il-proġetti qed isiru b’dan il-ħsieb għax huma proġetti li qed isiru fil-qalba tal-komunitajiet. Hemm min jikseb il-ħobża ta’ kuljum minn dawn il-postijiet.
X’taħseb li hi l-ikbar sfida li l-UE qiegħda taffaċċja fil-preżent?
L-ikbar sfida li qed tinkwetani hija l-popoliżmu, u hemmhekk huwa d-dmir tiegħi u ta’ sħabi li nitkellmu u nsibu s-soluzzjonijiet għall-inkwiet tan-nies. Huwa importanti li jkollna politiċi razzjonali, politiċi li jridu jimxu ’l quddiem, ġejjin minn kwalunkwe partit politiku.
Fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, u l-kunflitt bejn Iżrael u Palestina, u fil-kuntest li Malta qed tieħu sehem fuq livell Ewropew, għadha tagħmel sens in-newtralità llum?
Mingħajr paċi m’għandekx progress. Għandna nitkellmu inqas fuq l-ammont ta’ tankijiet u missili li se nibagħtu, u minflok niffukaw fuq is-soluzzjonijiet mar-Russja u l-Lvant Nofsani.
Nixtieq li l-Unjoni Ewropea tkun ambaxxatur tal-paċi u mhux bil-maqlub. Fil-fatt, pereżempju fil-gwerra tal-Kosovo, l-UE kienet bagħtet ambaxxatur għall-paċi li kien il-President tal-Finlandja u finalment instabu soluzzjonijiet.
M’iniex qed nara Ewropa li qed timbutta l-paċi, speċjalment meta tara l-ammonti ta’ persuni li ta’ kuljum qed imutu; mill-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, sal-kunflitt bejn il-Palestina u Iżrael.
Hemm suġġetti li għadna ma kellniex l-opportunità nisimgħu fuqhom mingħandek. Ħa nsemmilek xi wħud minnhom, u għidli x’taħseb fi ftit kliem.
L-abort
Jien personalment għandi riservi kbar, ma naqbilx mal-abort, però m’għandniex nagħmluh ballun politiku, nibżgħu niddiskutuh jew indawruh tabù. Ma niddejjaqx niddiskuti s-suġġett ma’ min ma jaqbilx miegħi u din hija l-attitudni li għandna nieħdu fil-pajjiż, li niddiskutu u mhux nitfgħu l-affarijiet taħt it-tapit. Jekk hemm il-possibbiltà li jkun hemm diskussjoni, trid tkun matura, ibbażata fuq ir-raġuni, però jien, personalment, m’iniex se nibdel l-opinjoni tiegħi. Żgur li ma naqbilx maċ-ċirkostanzi tal-abort.
Is-Saltna tad-dritt f’Malta
Fl-aħħar snin ittieħdu deċiżjonijiet li kultant inħoss ma ntuhomx biżżejjed importanza u nħoss li fuq livell Ewropew, mhux kull MEP irrikonoxxa l-progress li għamlet Malta f’dawn iċ-ċirkostanzi. Fil-fatt irnexxielna noħorġu mill-Grey Listing fl-inqas perjodu. L-ebda pajjiż ieħor ma ħareġ minnha daqshekk malajr. Jiddispjaċini meta jkun hemm Maltin bħali li flok jiġbdu l-ħabel lejn pajjiżhom, jippreferu jiddefendu pajjiżi oħrajn minħabba raġunijiet partiġġjani jew politiċi. Nemmen li n-nies ma jridux politikanti popolisti.
L-immigrazzjoni
Ma naħsibx li aħna pajjiż razzist. Kelli diskussjoni m’ilux fejn dħalt ġo fabbrika fejn għandek Maltin u barranin jaħdmu flimkien u joħolqu l-ġid ma’ xulxin. Però rridu nkunu konxji ta’ dak li jinkwieta lin-nies. Niltaqa’ ma’ nies mill-Marsa. Trabbejt hemm u hemm ħsibijiet mir-residenti meta jaraw nuqqas ta’ dixxiplina. Importanti li neliminaw l-abbuż speċjalment ta’ min qed jabbuża mill-immigranti. Nemmen li s-sigurtà hija importanti. In-nies huma inkwetati f’ċerti aspetti u l-Gvern għandu jindirizza dawn l-affarijiet.