'Ma nimmaġinanix ma nerfax fil-Ġimgħa l-Kbira... din hi l-passjoni tagħna'
Min iħobb il-festa, min iħobb il-karozzi, min iħobb iġemma, min iħobb il-kaċċa u min iħobb jgħix għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Ġimgħa Mqaddsa...L-ILLUM tiltaqa' ma żewġ Beltin li jgħixu għall-Ġimgħa l-Kbira
Illum il-Maltin qed jingħaqdu mal-kumplament tad-dinja Kristjana sabiex jiċċelebraw, kemm b’mod liturġiku kif ukoll permezz ta’ festeġġjamenti, l-Għid il-Kbir. Il-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu mill-mewt. Propju jumejn qabel din il-ġurnata mimlija ferħ, ewforija u pranzar, diversi bliet u rħula madwar Malta jikkommemoraw b’mod uniku l-Passjoni ta’ Kristu dan permezz ta’ purċissjoni li jieħdu sehem fiha l-eluf.
B’kollox, din il-purċissjoni tiġi mtella’ f’17-il lokalità differenti u nistgħu ngħidu li kull purċissjoni differenti għandha karatteristiċi uniċi. Fid-dawl ta’ din id-data importanti fil-kalendarju kulturali Malti, din il-gazzetta żaret il-Knisja tal-Franġiskani Minuri jew kif hija magħrufa aħjar mal-Maltin il-Knisja ta’ Ġieżu li hi ddedikata lill-Kurċifiss Imqaddes u li ta’ kull sena tiġbed eluf ta’ devoti. Skont rakkonti storiċi, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ġieżu, ilha ssir minn qabel l-1673 u f’dak il-perjodu kienet issir f’Ħamis ix-Xirka u kienet diġà tinkludi vari u mużika. F’din il-purċissjoni jieħdu sehem aktar minn 350 ruħ li jinkludu fratelli, personaġġi, reffiegħa u bandisti tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette.
Fl-oratorju ta’ din il-Knisja mill-isbaħ, l-ILLUM iltaqgħet ma’ Ryan Catania u Keith Scicluna żewġ Beltin li trabbew fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ġieżu u li llum il-ġurnata apparti li huma żewġ reffiegħa fl-istess purċissjoni huma wkoll parti integrali mit-tmexxija organizzattiva tal-purċissjoni. Organizzazzjoni li kif stqarrew iż-żewġ reffiegħa, “bdiet ftit jiem wara li għaddew il-festi tal-Milied.”
“Ix-xogħol beda ftit ġranet wara l-festi tal-Milied.”
“Minkejja li l-maġġorparti tax-xogħol isir waqt ir-Randan, peress li din is-sena l-Għid ħabat kmieni bdejna l-ewwel preparamenti ftit jiem wara l-festi tal-Milied,” saħaq Catania. Hu kompla jispjega kif, “imbagħad meta jersaq ir-Randan jibdew ġejjin ħafna nies sabiex jinkitbu għall-parteċipazzjoni fil-purċissjoni.
Il-purċissjoni ta’ Ġieżu hi marbuta ma’ ċertu tradizzjonijiet anke fix-xogħol tal-armar,” stqarr Scicluna. Pereżempju aħna għandna tradizzjoni li fir-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa ntellgħu vara skont l-istazzjonijiet.”
Din il-gazzetta staqsiet fuq l-impenn li jirrikjedi sabiex ikun jista’ jittella' avveniment bħal dan. Iż-żewġ Beltin kienu pronti sabiex jisħqu, “għandna tim veru tajjeb hawnhekk, kemm fl-amministrattiv, dawk li jieħdu ħsieb il-kostumi kif ukoll id-diversi voluntiera li jiġu jagħtu daqqa t’id.” Skont Catania, “il-maġġorparti tal-voluntiera huma mil-lokal jiġifieri mill-Belt Valletta u għandek in-nies li ġejjin mill-erba’ festi , jiġifieri m’għandekx diviżjoni għax dak minn dik in-naħa u l-ieħor minn hemm, nies minn kull parti tal-Belt jiġu jagħtu daqqa t’id.”
Sciculna kompla jgħid kif “tapprezza l-fatt li d-diversi voluntiera li jiġu hawn u jagħmlu x-xogħol f’din il-Knisja kollha jieħdu ġranet mil-‘leave’ tagħhom. Naħdmu bħala katina, ħolqa ma’ ħolqa, nagħtu daqqa t’id lil kulħadd u kulħadd jagħti daqqa t’id lilna.”
X’jagħmel il-purċissjoni ta’ Ġieżu differenti mill-oħrajn?
Din il-gazzetta staqsiet lill-Catania x’tagħmel din il-purċissjoni differenti mill-oħrajn. “Il-purċissjoni ta’ Ġieżu hi differenti għaliex, l-ewwel nett hi waħda mill-eqdem purċissjonijiet f’Malta wara dik tar-Rabat. Apparti minn hekk, din il-purċissjoni baqgħet unika, fis-sens li ta’ serjetà tagħha. Il-purċissjonijiet kollha tal-Belt anke dawk tal-festa baqgħu uniċi għaliex tinżamm din is-serjetà,” sostna Catania.
Sciculna żid jgħid li “baqgħet unika wkoll għaliex hi magħrufa għar-ritmu tagħha. Din hi purċissjoni mexxejja ħafna, il-vari jieqfu f’kull kantuniera, xi ħaġa li ma ssibha mkien iżjed, li hi possibbli minħabba l-istruttura tal-Belt Valletta, li bit-toroq dritti tagħha joħolqu ambjent verament uniku.”
Apparti mill-eluf ta’ Maltin li jiġu biex jaraw il-vari, skont Catania, “din il-purċissjoni tattira wkoll dilettanti tal-ġimgħa l-kbira li jħobbu jaraw ċertu refgħa u ċertu pass li huma magħrufin tant għalih.”
L-istorja wara l-vari…
“Is-sett tal-vari tal-Belt Valletta huwa magħmul mit-tmien vari tradizzjonali, kollu xogħol pjuttost antik,” spjega Sciculna. Huwa kompla jgħid kif, ħafna mill-istatwi huma xogħol l-istatwarju Saverio Laferla, għajr il-marbut li hu xogħol l-iskultur Pietru Pawl Azzopardi.”
Catania kompla jispjega kif “hawnhekk bqajna bis-settt uniku, aħna m’għandniex statwi miżjudin. Alavolja mhumiex kollha tal-istess artist għandna l-istess sett.”
Iż-żewġ Beltin spjegaw l-istorja wara s-sett ta’ vari li jinsabu ġol-Knisja ta’ Ġieżu, fosthom l-iktar statwa antika ta’ Ġesù marbut, xogħol Pietru Pawl Azzopardi li tmur lura għal nofs is-seklu dsatax.
Interessanti hi l-istorja wara l-ecce homo li għal diversi snin kien xogħol attribwit lill-istess skultur wara l-marbut, però wara studju li sar fl-2008, ħareġ xebh kbir bejn din l-istatwa u l-kurċifiss mirakoluż li jinsab fl-istess knisja ta' Ġiezu.
Ir-refgħa xi tfisser għalihom?
Kif semmejt hawn fuq, iż-żewġ Beltin ta’ kull sena jerfgħu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, però din ir-refgħa xi tfisser għalihom? B’ton mill-aktar skjett, Catania stqarr “lanqas biss nimmaġinani ma nerfax fil-Ġimgħa l-Kbira. Din hija l-passjoni tagħna, mhux passjoni ta’ tbatija però passjoni ta’ ferħ. Il-Ġimgħa l-Kbira hi parti kbira minna.”
Scicluna kompla billi afferma kliem Catania billi żied jgħid li “din il-ġimgħa, hi l-aktar ġimgħa favorita tagħna. Waqt li nkunu qegħdin narmaw tal-Milied nibdew nisimgħu l-marċi funebri, tant kemm hi parti minn ħajjitna.
Apparti minn hekk, irrimarka Scicluna, il-Milied sar wisq festa kummerċjali, il-Festa tal-Għid għadha partikolari speċjalment f’pajjiżna, u l-40 jum ta’ preparazzjoni tar-Randan li jirnexxilu jdaħħlek f’ċertu spirtu.
Nota Editorjali-Din il-gazzetta tixtieq tiddedika din l-intervista lill-dawk l-eluf kollha li ta’ kull sena jipparteċipaw u jaħdmu biex ikunu organizzati l-attivatijiet kollha relatati mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid. M’hemm l-ebda dubju li mingħajr l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies u l-familji tagħhom tradizzjoni hekk rikka u hekk unika tmut u tisfaxxa fix-xejn.