Il-ħajja hija d-dritt ta’ kull annimal
L-ILLUM tiltaqa’ ma’ tliet żgħażagħ li għall-imħabba lejn l-annimali ma jieklux laħam, tiġieġ, ħut, bajd, ħalib…
“Li tkun tkun vegan ifisser li tmur kontra kull qtil ta’ annimali biex jittieklu, kif ukoll kontra l-konsum ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali,” tgħid Magdalena Tsapos, fundatriċi tal-grupp Vegan Malta, “għax il-ħajja hija d-dritt fundamentali ta’ kull annimal.”
L-ILLUM tiltaqa’ ma’ tliet membri tal-NGO Vegan Malta, Magdalena Tsapos, Chris Borg u Leila Scott li tkellmu ma’ din il-gazzetta dwar x’wassalhom jieqfu jieklu laħam, b’rispett għall-ħajja tal-annimali u bi protesta kontra l-mod krudili kif dawn jiġu mrobbija u maqtula sabiex isiru ikel.
Ħafna nies hawn Malta għandhom il-kultura u l-mentalità li l-annimali ġew maħluqin min Alla sabiex jittieklu mill-bniedem. Għal dan, Magdalena kella risposta pronta, hekk kif qalet li anke wieħed mill-kmandament jgħid ‘La toqtolx’ u mkien ma jispeċifika li qed jgħid għall-bnedmin biss.
Hija żiedet tgħid li kieku Alla ħoloq l-annimali biex jinqatlu u jittieklu mill-bniedem, għaliex ħoloqhom b’emozzjonijiet u l-kapaċità li jħossu, jħobbu u jbatu?
Hawn min saħansitra għadu jaħseb li jeżisti xi mod ‘uman’ kif jinqatlu l-annimali. It-tliet vegans li tkellmu mal-ILLUM qalu li mod ‘uman’ għall-qtil huwa paradoss li ma jeżistix. Chris Borg saħaq li “dak li huwa ħażin, dejjem ħażin u m’hemmx skuża għalih.” Ma’ dan, Leila Scott żiedet tgħid “Li dak li ma tridx li jsir lilek, mhu tajjeb li jsir lil ħadd, għaldaqstant m’hemm ebda skuża għal qtil tal-annimali.”
“Hawn Malta hawn ħafna nies li jħobbu l-annimali u jsostnu li huma favur id-drittijiet tagħhom,” qalet Leila, “imma jekk wieħed vera jħobb id-drittijiet tal-annimali, irid jieqaf jikolhom u juża prodotti derivati minnhom, għax il-ħajja hija l-ikbar dritt li rridu nirrispettawlhom.”
Chris qal b’dispjaċir li f’Malta għad hawn nuqqas kbir ta’ edukazzjoni fejn jidħol il-qtil tal-annimali biex jiġu kkunsmati għall-ikel u li hemm bżonn li l-poplu jkun konxju mill-proċess krudili li jgħaddu minnu l-annimali sabiex isiru ikel, jew jiġu prodotti ħalib u bajd minnhom.
Leila żiedet tgħid li parti oħra mill-iskop ta’ Vegan Malta, huwa li jeduka u jagħti informazzjoni dwar ingredjenti mhux derivati mill-annimali, li jistgħu jintużaw f’riċetti, mingħajr dawn ma jitilfu xejn mit-togħma u lanqas mill-valur nutrittiv tagħhom.
Għal min jaħseb li dawn il-prodotti mhux faċli li jinkisbu f’Malta, is-sit ta’ Vegan Malta u l-paġna ta’ Facebook tagħhom, turi mappa ta’ ħwienet madwar Malta li jbiegħu varjetà ta’ prodotti vegan.
“M’hemmx bżonn noqtlu annimali biex nieklu u ngħixu ħajja sana,” tgħid Magdalena.
‘Konsum ta’ laħam aħmar jista’ jikkaġuna l-kanċer’
Il-vegans isostnu li għas-saħħa tal-bniedem, il-konsum regolari ta’ laħam aħmar jikkontribwixxi għal numru ta’ każi ta’ kanċer li hawn illum il-ġurnata, u dan skont kliemhom huwa kkonfermat ukoll mill-Organizzazjoni Dinija tas-Saħħa (WHO).
B’dieta vegan, l-istess prodotti tal-ikel jistgħu jiġu mibdula b’mod li jużaw ingredjenti mhux derivati mill-annimali, bħal soy, tofu u sietan, kif ukoll fażola, legumi u varjetà ta’ ħaxix, li apparti li jirrispettaw il-ħajja tal-annimali, huma aktar sani u nutrittivi mil-laħam, skont it-tliet vegans li tkellmu mal-ILLUM.
Leila spjegat kif anke t-tisjir ta’ ħelu b’mod vegan ma jitlef xejn mit-togħma tajba, hekk kif minflok bajd u ċikkulata tal-ħalib, tintuża ċikkulata sewda u banana u meraq tat-tuffieħ flok bajd biex tgħaqqad it-taħlita.
Ħafna jgħidu li l-prodotti vegan huma wisq proċessati
Kritika li ta’ spiss jaqilgħu l-vegans dwar il-prodotti sostituti tal-laħam hija li dawn magħmulin minn soya proċessata u għaldaqstant ipoġġu fid-dubju kemm dawn fil-fatt huma tajbin għas-saħħa.
Kuntenti li ġew mistoqsijin dan, il-vegans spjegaw kif filwaqt li bħal kull tip ieħor ta’ ikel, wieħed għandu jagħzel prodotti tas-soya mmarkati bħala organiċi u mhux ġenetikament modifikati, tajjeb li jiġi nnutat li 98% tal-baqar u t-tiġieġ fid-dinja li jinqatlu għall-ikel, ikunu mitmugħa ġwież magħmul minn soya proċessata, u għaldaqstant, il-laħam ikun mimli bis-sustanzi derivati minnha, li dawk li jieklu l-laħam, finalment jispiċċaw biex jikkunsmaw.
L-industriji tal-laħam, ħalib u bajd iħammġu l-immaġini vegan
Fiż-żminijiet tal-lum, l-industriji tal-laħam, tal-ħalib u tal-bajd huma fost l-iktar li għandhom poter fuq l-ekonomija dinija u għaldaqstant għandom il-finanzi u l-influwenzi sabiex jagħmlu minn kollox biex iħammġu l-immaġini ta’ dieta u stil ta’ ħajja vegan.
Dan, skont il-vegans, huwa għaliex dawn l-industriji ma jridux lin-nies jiftħu għajnejhom u jkunu konxji tal-atroċitajiet li hemm wara l-qtil tal-annimali għall-ikel u għall-produzzjoni tal-ħalib u tal-bajd.
Infatti, Magdalena qabblet dawn l-industriji ma’ dawk taż-żejt, li minkejja li llum jeżistu sorsi ta’ enerġija nadifa u alternattiva bħal xemx, riħ u ilma fost l-oħrajn, il-poter tagħhom xorta jinfluwenza d-dinja sabiex dawn il-metodi alternattivi jinżammu lura milli jiproggressaw, purament għal raġunijiet finanzjarji.
Chris u Leila żiedu jgħidu li minbarra l-moħqrija u l-qtil dirett tal-annimali, dawn l-industriji ma jridux li n-nies ikunu jafu bl-ammont ta’ ħsara ambjentali li qed jagħmlu lill-pjaneta. Ħsarat bħall-eċċess ta’ art li tinqered biex fiha jinżamm l-ammont kbir u mhux naturali ta’ annimali, u l-ammont ikbar ta’ art li tintuża biex jitkabbar l-ikel għall-għalf, li ironikament ħafna minnhu huwa soya. L-ammont eċċessiv ta’ ilma li jikkunsmaw l-annimali u l-eskrementi tagħhom ukoll huma ta’ detriment għall-ambjent globali.
Għal aktar informazzjoni dwar Vegan Malta żur is-sit tal-grupp http://www.veganmalta.org
Fuq dan is-sit, wieħed jista’ jitgħallem aktar dwar il-grupp u t-twemmin tagħhom favur id-dritt tal-ħajja tal-annimali, kif ukoll isib numru ta’ riċetti vegan u mappa ta’ postijiet f’Malta fejn jistgħu jinxtraw ingredjenti tal-ikel li mhux derivati mill-annimali.
________________________________________________________________________________________________________________
FILMAT | Niekol il-laħam, basta ma narax l-annimal jinqatel…
Intant, L-ILLUM tinżel fil-pjazza tal-Mosta u tistaqsi …
Hawn min jaħseb li l-annimali maħluqin biex il-bniedem joqtolhom u jiekolom u hemm min, bħal dawk li huma vegans li huma serjament kontra li dawn jinqatlu.
Il-vegans huma favur id-dritt tal-ħajja ta’ kull annimal u li m’hemm ebda skuża biex dawn jinqatlu sabiex isiru ikel.
L-ILLUM saqsiet lil xi nies x’jaħsbu dwar il-qtil tal-annimali għall-ikel u jekk dan il-fatt jeffetwahomx jew le.
Kieku n-nies ikollhom jaraw il-mod krudili li bih jiġu mrobbija u maqtula l-annimali għal-laħam, jibqgħu jieklu laħam?
Qabel l-opinjonijiet tan-nies li ltqajna magħhom il-Mosta, nibdew b’opinjoni li qal il-kantant u mużiċist famuż tal-Beatles Paul McCartney, li bħala veġetarjan kien darba qal, “Li kieku l-ħitan tal-biċċeriji jkunu tal-ħġieġ, kieku ħadd ma jiekol aktar laħam.”
In-nies li tkellmu mal-ILLUM jaħsbuha hekk:
“Jien niekol laħam, kif ukoll ħut u anke affarijiet veġetarjani. Naħseb li kieku nara l-mod kif jiġu maqtula imma, ma nibqax niekol laħam…”
“Iva niekol laħam, imma l-fatt li l-annimali jiġu maqtula, jaffetwani u nfatti qed nipprova nbiddel bil-mod il-mod. Għadni fil-bidu u għandi bżonn aktar ċans, imma iva ddejjaqni l-ħaġa…”
“Iva niekol laħam, imma mhux ħafna. Il-fatt li l-annimali jinqatlu, iva jdejjaqni xi naqra. Jien qatt ma rajt kif jinqatlu l-annimali, imma naħseb li jekk narahom, ma nibqax nieklu l-laħam”
“Jien ma nħobbux il-laħam, u le ma nieklux. Jien vegetarian u ilni ħafna għax il-laħam ma jogħġobnix. Onestament ma nafx kif jinqatlu jien, imma jgħidu li qabel kien jiġri b’ħafna torturi, ma nafx issa, hawn xi mod ieħor?”
“Iva niekol laħam, mhux xi ħafna, imma mqar darba f’ġimgħa nieklu. Jekk l-annimali jinqatlu b’mod krudili jeffetwani xi naqra, skont kif ikun il-proċess tal-qtil. Naħseb li l-qtil tal-annimali jinfluwenza ħafna lill-konsumatur, għax jekk il-qtil ikun deċenti, aktar uman ikun aħjar. Huwa fin-natura tal-bniedem, parti mill-evoluzzjoni tad-dinja li joqtol biex jiekol u parti mid-dieta tiegħu hija l-laħam, issa l-mistoqsija hija kif. Hemm manjiera kif toqtlu annimal, b’mod uman u hemm manjieri oħra li rajna fuq ħafna mezzi. Mhumiex ideali. Hu x’inhu, annimal huwa parti mid-dinja u m’għandux jinħaqar, imma hi dik li hi… il-ħut jinqabad, l-annimal jinqatel… biex il-bniedem ikompli jevolvi.”