‘It-tfal ma jarawx kuluri’

Omm Destiny titkellem mal-ILLUM dwar l-esperjenza mill-isbaħ li għaddew minnha bir-rebħa ta’ Destiny fil-Junior Eurovision

Il-Eurovision huwa parti mill-kalendarju tal-Maltin. Eluf jieqfu jew jorganizzaw parties żgħar fid-djar tagħhom biex għal lejla jew tnejn, jeħlu mal-iskrin u jaraw dan il-kuntest marbut mal-mużika. Anke jekk nikkritikawh u ħafna drabi niddibattu r-riżultat li tkun ġabet Malta u naħilfu li “daqshekk rajtu,” is-sena ta’ wara, oħroġ il-għaġeb, kulħadd jerġa’ jsorġi fuq is-sufan u jintefa’ jiekol, jidħaq, ikanta u jikkumenta.

Din is-sena l-avveniment reġa’ qajjem interess liema bħalu hekk kif Malta reġgħet ittrijonfat fil-Junior Eurovision, li għalkemm inqas segwit minn dak li jsir f’Mejju għall-adulti, jidher li s’issa qed jagħti lil Malta riżultati bil-wisq aħjar. Sentejn wara li Gaia Cauchi rebħet il-Junior Eurovision, Destiny kellha tagħmel l-istess unur kbir lil pajjiżna, bid-diska ‘Not my Soul’, li ngħiduha kif inhi, kienet tajba tant li qajmet eluf ta’ nies minn posthom f’ċapċip u kant u ndaqqet fi clubs f’Paceville, matul il-lejl tas-Sibt stess.

L-ILLUM tkellmet ma’ Alexia, omm Destiny, li fuq it-telefon kienet ferħana se ttir daqs li kieku kienet għadha kif rat it-tħabbira tar-rebħ ta’ Destiny. Tkellmet dwar is-suċċessi ta’ Destiny daqs li kieku għamlithom hi, hekk kif kull omm tħoss l-istess passjoni għall-kisbiet ta’ bintha. Tkellmet ukoll dwar l-emozzjonijiet li ħasset hi flimkien ma’ binha Isaiah u żewġha Ndubisi hekk kif tħabbar li bintha Destiny kienet waslet sal-quċċata bid-diska ‘Not my soul’.

Meta mistoqsija minn ILLUM dwar dak li ħasset nhar is-Sibt li għadda, Alexia qalet li l-familja kollha tinsab kburija ħafna li “fl-aħħar, il-ħolma ta’ Destiny saret realtà. Konna ferħanin bħalma kull ġenitur ikun meta jara lit-tfal tiegħu jagħmlu suċċess.”

Alexia tiddeskrivi l-atmosfera fil-Green Room fl-Arena Armeec f’Sofia, hekk kif kienet qed tkanta Destiny, bħala waħda mill-isbaħ. “Il-kontestanti l-oħrajn kienu qed ikantaw u jċapċpu mad-diska, li kienet xi ħaġa ta’ vera.”

Alexia tiddeskrivi kif l-emozzjonijiet li ħasset, ħarġu f’bikja malli Destiny saret ir-rebbieħa tal-Festival. “Ħdimna ħafna għal dak il-mument u għalkemm dejjem żammejna saqajna mal-art konna nemmnu li Destiny tista tagħmilha.”

Dwar il-kliem tad-diska Alexia tgħid mal-ILLUM li l-messaġġ huwa ċar: kulħadd huwa uniku u xejn ma jista’ jisraq dak li hemm ġo fik. “Kif tgħid id-diska ta’ Destiny stess, tista’ teħodli r-ritmu, tista’ teħodli d-deheb imma ma tistax teħodli ruħi, le, le, le mhux ruħi.” Mistoqsija kif tħoss li bintha hija unika, Alexia pront tweġibna, “għandha l-vuċi u l-personalità ferriħija li tagħmilha verament unika.”

Kienet diffiċli din l-esperjenza għal Destiny? “Ifhem ħaditilha ħafna ħin, imma dejjem laħħqet tagħmel kollox. Fl-aħħar ġimgħa kien irnexxielha tiltaqa’ ma’ sħabha, tagħmel l-affarijiet tal-iskola u tmur ir-rehearsals. Xi kultant kienet tkun għajjiena imma kienet tibqa’ għaddejja.”

Sfortunatament, ir-realtà f’pajjiżna hija li numru ta’ nies, anke jekk mhux hekk għandu jkun, jiġġudikaw lil persuna oħra mhux fuq l-abbiltajiet tagħha iżda fuq il-kulur tal-ġilda. Destiny, illum fl-attenzjoni tal-midja, iffaċċjat din it-tip ta’ attitudni?  Alexia tgħid li dan ma kienx il-każ, “fil-fatt il-maġġoranza tan-nies dejjem urew imħabba lejn Destiny, nies li jħarsu lejha mhux minn lenti ta’ kulur tal-ġilda, iżda minn lenti tal-kapaċitajiet tagħha.”

Alexia tammetti iżda, li sfortunatament mhux kulħadd huwa bħal Destiny u hemm min ibati minn preġudizzju, qabel biss ikun wera x’inhuma l-kapaċitajiet tiegħu. “Ħarsu lejn it-tfal, bħalma huma t-tfal kollha li laqgħu lil Destiny, it-tfal ma jarawx kulur, anzi jgħixu flimkien kuntenti u f’armonija perfetta.” Alexia tappella biex il-ġenituri jkunu dejjem meqjusin fi kliemhom, biex ħadd ma jkun iġġudikat u kulħadd ikollu ċ-ċans ta’ Destiny li juri l-abbiltajiet tiegħu jew tagħha.

Finalment nistqasu lil Alexia x’inhuma l-pjanijiet għall-futur u tgħid li għalkemm hemm ħafna pjanijiet għalissa, għadu naqra kmieni biex tgħid x’inhuma.

Finalment, nittamaw li bil-kliem verament sabiħ tad-diska ta’ Destiny, issir id-differenza vera fost dawk li forsi ma jemmnux biżżejjed fl-abbiltajiet tagħhom, “Kollox ma jfisser xejn jekk ma tħobbx dak li għandek f’qalbek, tħossu f’ruħek, qatt ma titilqu. Irrid lid-dinja ssir taf.”

 

More in Intervisti