Il-Patri Għawdxi li nħatar Isqof ta’ Tripli

Ma jibżax mis-sitwazzjoni tal-Libja: “Alla għażilli triqti u konvint li se jieħu ħsiebi” 

  • Twieled fl-1 ta’ Lulju 1962 fix-Xagħra, Għawdex
  • Kien ordnat saċerdot nhar il-5 ta’ Lulju 1986
  • Ħadem 5 snin fil-Vatikan qabel reġa’ spiċċa l-gwardjan t’Għajnsielem
  • Għadu kemm inħatar Isqof ta’ Tripli fil-Libja

 

 

Hu l-kbir fost ħames aħwa subien, ulied il-mejtin Emmanuel minn Ta’ Kerċem u Marija Attard mix-Xagħra. Qeda d-dmirijiet pastorali bħala gwardjan Ta’ Ġieżu r-Rabat, Għajnsielem, Sacro Cuor tas-Sliema u ħadem 5 snin Il-Vatikan qabel reġa’ spiċċa l-gwardjan t’Għajnsielem Għawdex. Il-Papa għadu kif ħatru bħala Isqof għal Tripli fil-Libja fejn għandu jibda l-missjoni tiegħu lejn nofs Ottubru li ġej.

 

 

Mort niltaqa ma’ Patri George kmieni filgħodu fil-kunvent tal-patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem fejn f’dawk il-ftit sekondi sa ma ċempilt il-qanpiena u qalli biex nidħol, stajt nitpaxxa bil-veduta spettakolari, minn quddiem il-kunvent tal-laguna l-kaħla ta’ Kemmuna u ċ-Ċirkewwa. Patri George laqgħani b’dik it-tbissima simpatika tiegħu u mhux talli offrieli kafè, iżda mar jagħmiluli hu wkoll.

Ħsibt li quddiemi se nsib persuna ubbidjenti għax aċċetta li jmur Isqof fi Tripli, iżda inkwetat fl-istess ħin minħabba s-sitwazzjoni politika u perikoluża f’dawk in-naħat. Iżda mort żmerċ għax b’għajnjeh jixgħelu qalli, “Hekk hi r-rieda t’Alla u tal-Papa Franġisku, u ninsab konvint li l-Madonna ta’ Pinu se tħarisni u m’għandix għalfejn ninkwieta f’din il-missjoni ġdida tiegħi.”

Fil-fatt, Patri George għall-bidu se jkun isqof koadjutur, (jiġifieri isqof li jkun qed jistenna li jieħu postu sakemm jispiċċa mill-kariga isqof ieħor) sa ma l-Isqof preżenti il-Patri Giovanni Innocenzo Martinelli OFM jispiċċa mill-kariga. L-isqof li hemm, hu Taljan imwieled il-Libja minn ġenituri Taljani u ilu isqof mill-1985.

Sadanittant, għal dawn l-aħħar 5 snin sa Marzu li għadda, Patri George kien Ruma u kien jaħdem fil-kongregazzjoni għall-evanġelizazzjoni tal-popli li hi responsabbli mill-missjonijiet universali. Anke jekk meta mar Ruma lanqas kien jaf fejn għandu jmur, u fl-ewwel ġurnata intilef meta qabad trasport żbaljat, u dan kulma kellu jmur kien Piazza di Spagna u minflok, spiċċa post ieħor, qalli patri George bid-daħka. Għalhekk staqsejtu jekk dan kienx bħal speċi ta’ tlestija tat-triq għal Isqof fejn mill-ewwel qalli li ma kienx hekk.

“L-għażla tiegħi għal Isqof saret mill-Papa Franġisku. Probabbli li fl-għażla, taw kas it-tagħrif fil-lingwa Maltija, Ingliża u Taljana u anke għax Malta għandha relazzjoni speċjali mal-Libja. Meta n-nunzju ħabbarli li l-Papa jixtieqni nkun l-isqof ta’ Tripli, jien staqsejtu għaliex jien? U hu qalli għax dik hi r-rieda t’Alla u tal-Papa Franġisku. U kif qalli hekk, baxxejt rasi u aċċettajt bħala sens ta’ responsabbiltà u ubbidjenza.

“Kienet diffiċli għalija għax ridt inżomm din il-ħatra sigrieta, ma stajt naqsamha ma’ ħadd u ridt inkompli x-xogħol tiegħi pastorali hawn f’Għajnsielem, għalkemm l-Għawdxin t’hawn indunaw li kien hemm bidla fija iżda ma stajt ngħid lil ħadd. Sa ma l-Isqof Mario Grech sejjaħ lill-kleru kollu Għawdxi f’Ta Pinu biex jieħu l-okkażżjoni li jlaqqagħhom man-Nunzju l-ġdid, ħabbar il-ħatra tiegħi.

 

Taħt il-protezzjoni tal-Madonna ta’ Pinu

 

“Min-naħa tiegħi, jien għażilt il-motto Sub Tuum Præsidium’  - ‘Taht il-Protezzjoni tieghek’  li tirreferi għall-Madonna ta’ Pinu.” Patri George għażel stemma li hija maqsuma fi tliet partijiet. Fil-parti ta’ fuq hemm l-arma tal-Ordni Franġiskan li huwa jagħmel parti minnu.  Fil-parti ċentrali x-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu mtellgħa s-sema akkumpanjata mill-anġli, li f’idejha qed jafda lilu nnifsu. Isfel hemm il-Fleur de Lys, il-warda tal-ġilju li tirrappreżenta lil Sant’Antnin ta’ Padova, li lejh għandu mħabba partikolari. Iż-żewġ kuluri wkoll fihom tifsira. L-AĦMAR juri l-ħajja divina - huwa l-kulur tad-demm, u fid-demm hemm il-ħajja li ġejja minn Alla. L-IKĦAL huwa l-kulur tal-umanità - Il-bniedem huwa ħlejqa li kapaċi terfa’ ħarsitha lejn is-sema u tidħol f’relazzjoni ma’ Alla.  

Bqajt skantat kif bħalissa kull Kristjan imwerwer minn din is-sitwazzjoni tal-ISIS fid-dinja Għarbija u hu għażel li jmur kważi f’ħalq ‘il-lupu’, mhux biss bħala Kristjan iżda bħala Isqof Kattoliku fil-Libja. “Biża’ qatt ma kelli. Ħuti malli saru jafu beżgħu u bdew jinkwetaw iżda issa aċċettaw il-missjoni tiegħi. Li nkun isqof mhux xi ħaġa li fittixtha jien iżda Alla għażilni u għalhekk konvint li jieħu ħsiebi.”

Qalli li minn dakinhar li tħabbret il-ħatra, kienu ħafna l-Maltin li hu ma jafhomx u li offrewlu kull tip ta’ għajnuna u anke t-talb tagħhom. Tkellimna kemm jaf fuq il-Libja u Patri George qalli li ftit jew xejn jaf, fil-fatt għadu ma ltaqax sew mal-Isqof Magro ta’ Benghażi. Qalli wkoll li kien mar il-Libja 29 sena ilu għal ftit jiem.

 

Naħdmu tajjeb mal-Musulmani

Staqsejtu jekk jaqbilx li Kattoliċi jmorru pajjiż Musulman u jippruvaw jikkonvertu lil dawn għal Kattoliċi u hawn, mill-ewwel qalli li l-missjoni tiegħu mhix dik. “Il-missjoni tagħna li ilha mill-1913 qiegħdha hemm biex tieħu ħsieb il-ħaddiema barranin li huma Kattoliċi fejn hemm diversi Filippini u Indjani fost l-oħrajn. Hemmhekk il-patrijiet tagħna qatt ma kellhom problemi u ħadmu tajjeb ma’ ħutna l-Musulmani. Għax aħna nirrispettaw il-kultura Musulmana u t-twemmin Musulman. Għandek raġun li bħala politika t’hemm għadni ma naf xejn, iżda bħalissa qed insegwi ħafna ħa nitgħallem. Irrid ukoll nitgħallem l-Għarbi għax hemm naf li se mmur għal żmien twil u mhux għal tliet snin u daqshekk.” Patri George qalli li fil-knisja li se jmexxi, hemm tliet patrijiet oħra.

Tkellimt miegħu wkoll dwar kif iddeċieda li jidħol patri,“Qatt ma kont naħseb li nsir patri. Ix-xewqa tiegħi kienet li nsir qassis, iżda fl-1975 kellna wirja tal-vokazzjonijiet u ħadt brochure tal-patrijiet u mlejt il-formola u kien weġibni Patri Robert Camilleri li llum hu isqof tal-Honduras u stedinni biex nibda mmur il-laqgħat kull l-ewwel sibt tax-xahar, u ddeċidejt li nsir Franġiskan. Qatt ma ddispjaċini għall-għażla li għamilt.”

 

Iċ-ċelibat huwa ta’ valur enormi

Iddeċidejt li nistaqsih xi mistoqsijiet kontroversjali bħala saċerdot bl-ewwel waħda tkun jekk wasalx iż-żmien li jintemm iċ-ċelebat fis-saċerdozju, “Ara bħala patri m’hemmx diskussjoni. Għax meta tagħżel li tidħol patri, iċ-ċelebat hu primarju għax aħna nagħmlu l-voti ta’ kastità, faqar u ubbidjenza. U nemmen li ċ-ċelebat hu ta’ valur enormi għax juri li bniedem qed jagħti lilu nnifsu għal Alla. Lanqas noħlom li jitneħħa ċ-ċelebat fil-ħajja li għażilt jien. Iżda l-qassisin hi storja oħra. Dik hi dixxiplina tal-knisja u tista’ titneħħa. Fil-fatt, diġà ġrat fejn qassisin Ingliżi qalbu minn Knisja oħra għal dik Kattolika u kienu miżżewġin, u baqgħu joffru s-servizz ta’ qassis u miżżewweġ.”

 

L-omosesswali u l-vanġelu

Qbadna l-argument tal-omosesswalità, “It-tagħlim hu dak li hu. Il-Knisja ma tistax taċċetta żwieġ bejn tnejn tal-istess sess. Iżda rridu nuruhom rispett u mħabba.”

Iżda xi tfisser rispett u mħabba? Xi tfisser li jibqgħu parti mill-merħla tal-Knisja u fl-istess ħin iċċaħħad lil dawn in-nies mis-sagramenti? Kif tista’ tistedinni għall-ikla tal-ħaruf u ma titmagħnix?  Mistoqsijiet kontroversjali, mistoqsijiet li jsiru ta’ kuljum min-nies li forsi mhux mexjin fit-triq li ppreparat għalihom il-Knisja Kattolika. Triq li forsi minħabba fiha, ħafna mill-ħrief qed jintilfu fiha. “Jekk tnejn jgħixu ma’ xulxin ma nistgħux nindaħlulhom. Għax dik mhux liġi tal-knisja, iżda t-tagħlim tal-vanġelu u l-Bibbja, ma nistgħux nibdluh. Il-liġi tal-Knisja u d-dixxiplina tal-knisja tista’ tinbidel maż-żminijiet, iżda t-tagħlim tal-vanġelu ma jinbidilx.”

Personalment, ma qbiltx mal-argument li jekk wieħed jgħix ma’ persuna tal-istess sess, inkella anke jekk raġel jgħix ma’ mara barra ż-żwieġ, u jgħixu ħajja mimlija mħabba u monogoma, il-knisja ma tistax tagħtihom is-sagramenti. Iżda jekk wieħed jiġri minn raġel għall-ieħor jew miżżewweġ, jiġri ma’ nisa differenti, jista’ jqerr u jingħata s-sagramenti. Hawnhekk Patri George ħares lejja u qalli dak hu t-tagħlim tal-Knisja, iżda fl-istess ħin qalli li f’kull sitwazzjoni jkun hemm raġunijiet differenti u għalhekk il-knisja temmen li kull nagħġa tagħha tibqa’ taħt il-ħarsien tagħha u importanti li dawn ikunu taħt gwida spiritwali li jgħinhom jimxu fit-triq it-tajba u l-Knisja timxi magħhom b’imħabba skont in-neċessitajiet tagħhom.

Tweġiba tajba, anke jekk xorta ma kkonvinċinix wisq. Iżda Patri George hu Isqof li jrid jimxi skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika u mhux bilfors dak li jemmen hu personalment.

Iżda jibqa’ fatt li Patri George li fi ftit ġimgħat oħra, nsejħulu l-Isqof George Bugeja hu persuna miftuħa, persuna li ma ħasibx fih innifsu iżda f’dak li tant jemmen li jwassal il-kelma ta’ dak li offra ħajtu għal Alla f’pajjiż li hemm aktar nies li qed jaħarbu minnu milli jmorru jagħtu s-servizz spiritwali tagħhom għal min għandu bżonn.

Patri George se jkun konsagrat Isqof nhar l-4 ta’ Settembru fil-Knisja Ta’ Pinu u l-isqfijiet konsagranti se jkunu l-isqof Mario Grech, in-Nunzju Apostoliku għal Malta u l-Libja Mario Roberto Cassari u kollega ieħor mix-Xagħra li wkoll inħatar isqof tal-Honduras, Patri Joe Bonello. Imbagħad jerħilha lejn Tripli għal nofs Ottubru.

Ħadna b’idejn xulxin, awgurajtlu suċċess u l-inqas problemi possibbli fil-missjoni l-ġdida tiegħu u wegħdni li l-ewwel darba li jirritorna għal xi vaganza mil-Libja nerġgħu niltaqgħu biex naqsmu mal-qarrejja l-esperjenzi tiegħu. Awguri Isqof George!

 

More in Intervisti