Riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja

minn Owen Bonnici

Wara li fl-aħħar ta’ Novembru tas-sena 2013 ġie preżentat ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali immedjatament beda l-ħidma billi bdew jiġu implimentati għadd ta’ miżuri li ħarġu minn dan ir-rapport, miżuri li huma intiżi biex iċ-ċittadini jieħdu servizz aħjar u aktar f’waqtu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.  

Il-Gvern għażel li jfassal pjan ta’ tliet snin sabiex jimplimenta din ir-riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja li l-poplu jrid u qed jistenna.  Riforma li hija relevanti u bżonnjuża u għandha l-għan li ttejjeb is-sistema ġudizzjarja mill-aspett ta’ kwalità tas-sistema kollha kemm hi, kif ukoll mill-aspett ta’ inqas dewmien fl-għoti tas-sentenzi.

Fl-ewwel sena iffukajna fuq tibdil importanti ħafna, b’mod partikolari fil-qasam kriminali billi ġew emendati liġijiet eżistenti jew mgħoddija liġijiet ġodda. Għaddejna xejn inqas minn seba’ abbozzi ta’ liġijiet fil-kamp kriminali - u fihom indirizzajna sfidi importanti, fosthom; id-dritt ta’ revizjoni mid-deċizjoni tal-Avukat Ġenerali dwar il-kawżi tad-droga, inċentivi biex il-kriminal jikxef il-kollaboraturi tiegħu kif ukoll, id-dritt ta’ disclosure f’każ ta’ arrest,  li kienu ilhom snin twal jinġemgħu taħt it-tapit. B’din il-liġi ta’ disclosure, l-akkużat u l-avukat tiegħu issa għandhom id-dritt li jkunu mgħarrfa bl-informazzjoni li għandhom il-Pulizija fuq ir-reat u fuq is-suspettat. B’hekk sirna konformi mal-istandards Ewropej.

Aħna nemmnu li Gvern demokratiku, għaqli u serju m’għandux jibża’ jagħti drittijiet lill-persuni li jkunu arrestati mill-pulizija.  Tajna lista sħiħa ta’ drittijiet lill-arrestat u hekk se nkomplu nagħmlu.  

Miżura oħra importanti ħafna fil-Kriminal kienet l-introduzzjoni ta’ emenda fil-Kodici Kriminali. Persuna li titressaq il-Qorti u li l-piena teċċedi l-10 snin priġunerija, issa tista’ tammetti l-akkużi fi stadju bikri u b’hekk ma jkunx hemm aktar lok li tinstema’ l-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti Istruttorja.  L-atti, imbagħad jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali, u dan min-naħa tiegħu għandu xahar żmien sabiex jibgħat lill-akkużat quddiem il-Qorti Kriminali - bil-każ jiġi deċiż hemmhekk.  Permezz ta’ din il-miżura, apparti li każ jigi trattat u deċiż fl-iqsar żmien possibbli, ġew evitati ħafna spejjeż żejda kemm għall-akkużat kif ukoll għall-Qorti.

Flimkien ma’ dawn, il-Gvern implimenta numru ta’ miżuri tal-informatika li se jiffaċilitaw bil-bosta l-esperjenza ta’ dawk li joperaw fil-Qrati ta’ Malta u finalment allura se jwasslu għat-tnaqqis tal-burokrazija u ż-żieda fl-effiċjenza. Fuq kollox dawn is-servizzi se jgħinu liċ-ċittadini biex permezz tal-avukat tal-fiduċja tagħhom, ikunu jafu b’mod immedjat dak kollu li jkun qed jiġri fil-kawża tagħhom.  Bl-informatika, il-professjoni legali ser tkun tista’ tieħu azzjoni mmedjata u allura dan għandu jgħin biex jitħaffu l-proċeduri.

Fil-qasam tad-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Ċivili ġiet introdotta sistema li permezz tagħha l-partijiet f’kawża jiġu infurmati b’SMS kull meta l-kawża tagħhom tkun ġiet differita u għal liema data tkun ġiet differita il-kawża.  B’hekk il-partijiet ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jmorru l-Qorti għalxejn.  

Iddaħħal fis-seħħ servizz ta’ emails lill-Avukati u Prokuraturi Legali dwar ir-riżultat ta’ notifika. Sa ftit tax-xhur ilu, biex avukat jew prokuratur legali jkun jaf jekk att ġudizzjarju jkunx ġie notifikat, kien irid imur fir-Reġistru, jistaqsi lill-iskrivani għall-atti, ifittex l-att jew il-folder tan-notifika, u jara ir-riferta li jkun għamel il-marixxall.  Għalhekk ġie introdott servizz ġdid li bih l-avukati u l-prokuraturi legali jiġu infurmati permezz ta’ email jekk att ġudizzjarju ġiex notifikat jew le. L-għan ta’ dan is-servizz huwa li jwassal sabiex iċ-ċittadin jingħata ġustizzja aktar f’waqtha.

Fil-qasam tad-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Kriminali fl-aħħar xhur inbdiet ukoll sistema ġdida fil-Legal Case Management sabiex l-avukati jiġu moqdija mill-aktar fis possibbli fejn jidħlu xhieda li ngħataw tul proċeduri kriminali. Permezz ta’ din il-proċedura l-avukati jkunu jistgħu jibnu l-proċess mill-kumdità tal-uffiċċju tagħhom bil-mod il-mod.  

Fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet il-Gvern nhieda wkoll proġett pilota fejn f’awla waħda tal-Qorti tal-Maġistrati, is-seduta tal-kriminal qed issir b’sistema moderna tal-informatika li toffri iktar servizzi lil min jattendi u jipprattika l-Qorti.  Il-mira prinċipali hi li tinqata’ darba għal dejjem l-użanza kerha li kulħadd jissejjaħ fid-9 ta’ filgħodu. Dan il-proġett miexi tajjeb ħafna tant li fil-ġimgħat li ġejjin ser inkunu f’pożizzjoni li nħabbru estenzjoni tiegħu.  

Din is-sena mistennija jidħlu fis-seħħ diversi miżuri li għandhom iwasslu f’titjib sostanzjali u effettiv. Fost il-miżuri li ser inkunu qed inwettqu din is-sena hemm it-twaqqif tas-sistema tal-Ġurista, li ser ikun uffiċjal fuq bażi full-time assenjat ma’ Imħallef sabiex jassistih  fil-proċess ġudizzjarju. Il-funzjonijiet tagħhom jinkludu li jagħmlu riċerka kif mitluba mill-ġudikanti, iżommu s-seduti biex jisimgħu x-xhieda, jieħdu affidavits u dokumenti li joħoroġu mix-xhieda u dak kollu li jiġi fdat lilhom li jagħmlu mill-Imħallef. Dan kollu mistenni jgħin biex il-proċessi ġudizzjarji jimxu b’mod aktar mgħaġġel u effiċjenti.

Qed isir ix-xogħol ukoll sabiex tibda organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema tal-Għajnuna Legali fi ħdan Aġenzija. Dan sabiex ikun hemm struttura ta’ one-stop-shop li permezz tagħha kull min ikollu bżonn l-informazzjoni jew l-għajnuna jkun jista’ jirrikorri  għand din l-aġenzija.

Barra minn hekk fil-ġimgħat li ġejjin ser jitwaqqaf Asset Management Bureau li se jkun jaħdem b’mod awtonomu mill-Qrati tal-Ġustizzja. Dan sabiex b’mod effettiv jimplimenta ordnijiet ta’ ffriżar jew konfiska tal-assi.

Sabiex ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja tkun waħda li jkun mgħarraf biha kulħadd, kif ukoll li wieħed jifhem x’inhuma l-obbligi u d-drittijiet tiegħu, ser ikun qed isir proġett taħt wieħed mill-Fondi Strutturali, dwar Kampanja Informattiva lill-pubbliku dwar ir-Riforma fil-qasam tal-Ġustizzja.  

Il-Ministeru responsabbli mill-Ġustizzja hu impenjat bis-sħiħ sabiex jara li l-qasam tal-Ġustizzja ikun wieħed aktar effettiv, u wieħed li tassew ikun ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha.  Filfatt diġà beda proċess ta’ evalwazzjoni tal-istatistika pubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja sabiex jiġu identifikati dawk l-oqsma li jridu jitjiebu u l-mod kif dawn jistgħu jiġu indirizzati.  

Is-sena 2015 se tkun waħda eċitanti għall-qasam tal-ġustizzja biex il-qalb soċjali, anke fil-Qorti, ma tieqafx tħabbat.

Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

More in Il-punt