Jum il-Mara

Għandna nibqgħu nikkomemorawh

It-8 ta' Marzu huwa Jum il-Mara. Huwa jum sinifikanti, iżda llum il-ġurnata ssib lil min jistaqsi jekk għadux iż-żmien li nkomplu nfakkru jum bħal dan. Jien nemmen li iva għandna nibqgħu nikkomemorawh għaliex minkejja kull progress li sar fis-soċjetà, u minkejja t-tibdil mgħaġġel li qed iseħħ, għadhom jeżistu diversi forom ta' inugwaljanzi bejn is-sessi. Irridu niftakru wkoll li dawn id-differenzi jvarjaw ħafna bejn pajjiż u ieħor u għad hawn pajjiżi anki llum fejn il-mara għadha, tista' tgħid, mingħajr drittijiet.

Imma anki fis-soċjetajiet żviluppati bħal tagħna rridu nżommu f'moħħna li n-nisa tal-ġenerazzjoni tiegħi u dawk iżgħar minni, sibna t-triq imwittija sew. Dawk ta' qabilna ħadmu qatiegħ u affrontaw sfidi kbar sabiex aħna nsibu soċjetà fejn in-nisa jgawdu minn bosta drittijiet u għandhom quddiemhom possibilitajiet li kienu biss ħolma għalihom. Il-ġlieda għall-vot, il-ġlieda għal-libertà soċjali u ekonomika, id-dritt ta' edukazzjoni formali; id-dritt għal xogħol bi ħlas daqs l-irġiel, huma ftit mill-bosta kisbiet li dawk li ġew qabilna kellhom jissieltu bis-sħiħ għalihom.

Dawn in-nisa, kemm f'Malta kif ukoll barra, sabu ħitan taż-żonqor quddiemhom. Ġew mgħajra u mżebilħa. Ġew attakkati u arrestati. Kienu kkunsidrati bħala trouble makers u li riedu jindaħlu fejn ma jesagħhomx; li kienu qegħdin imorru kontra rwol naturali tal-mara bħala omm u mara tad-dar li tiddedika l-enerġiji tagħha għal familja. Ma kinitx faċli iżda b'ħafna tbatija rnexxilhom iwasslu l-messaġġ li mara, bħal raġel, tista' tipparteċipa fil-ħajja ta' barra d-dar mingħajr ma tabbanduna l-ħtiġijiet tal-familja.

Meta nħares madwari nara kemm imxejna ’l quddiem bħala soċjetà. Fl-istess ħin però, nara li għad fadlilna ħafna aktar kisbiet x'naħdmu għalihom. Drittijiet oħra li bħala nisa għad irridu nakkwistaw.

L-isfidi fid-dar huma kbar u ġeneralment għadhom in-nisa li għadhom meqjusa bħala responsabbli għalihom. Minkejja li bosta nisa jaħdmu, il-mentalità xorta għadha li rwol tar-raġel huwa dak li jġib il-flus għall-għajxien tal-familja. Sfortunatament dawk l-irġiel li jaqsmu r-responsabbilitajiet tal-familja, speċjalment fir-rigward tal-ulied, man-nisa tagħhom, għadhom f'minoranza. Nistaqsi kemm hawn irġiel li lesti jbiddlu l-ħarqa lit-tarbija tagħhom? Għaliex għal parents' day u attivitajiet oħra fl-iskejjel tal-ulied ħafna drabi jkunu n-nisa li jattendu? Tħares fejn tħares tara li l-mentalità tradizzjonali għadha preżenti u li għad jeżistu bosta ostakli li għad iridu jiġu megħluba sabiex tassew inkunu nistgħu ngħidu li qed ngħixu f'soċjetà fejn l-opportunitajiet huma tassew ugwali għal kulħadd.

Nagħti eżempju. Bosta nisa li jiddeċiedu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, speċjalment jekk ikunu għamlu xi żmien wieqfa sabiex irabbu t-tfal, jispiċċaw jiġu penalizzati għax m’għandhomx ‘esperjenza’ jew għax ikunu kibru fl-età. Fl-istess waqt bosta jispiċċaw jiġu kkritikati wkoll minn dawk ta' madwarhom għax ikunu meqjusa li ħallew lit-tfal warajhom. Dan huwa ħażin. Hemm bżonn li nkunu aktar assertivi u bħala soċjetà nsemmgħu leħinna biex f'dan il-pajjiż tassew ikollna l-istrutturi neċessarji sabiex in-nisa jkunu jistgħu, bl-akbar trankwillità, jilħqu l-aspirazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u professjonistiċi tagħhom mingħajr ma jonqsu - flimkien mal-partners tagħhom - mir-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-familja.

Hemm imbagħad nisa li jfittxu karriera. Dawn ukoll is-soċjetà bosta drabi bħal donnha trid tippenalizzahom u jispiċċaw ‘jaqilgħuha’, jew għax jitqiesu bħala ta’ sfida għall-irġiel fuq il-post tax-xogħol, inkella għax mhux qed ikunu d-dar il-ħin kollu.

Nemmen għalhekk fi tliet affarijiet: l-ewwel li l-ftit nisa li għandna f'pożizzjonijiet ta’ tmexxija ma jinsewx lil nisa oħra li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tagħhom; it-tieni, li l-irġiel daqstant ieħor għandhom ikunu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nisa; u t-tielet, jeħtieġ li nbiddlu l-mentalità ta' dan il-pajjiż u nagħrfu li n-nisa huma essenzjali sabiex is-soċjetà tagħna timxi ’l quddiem.

Hemm imbagħad aspett ieħor li fuq livell ta' tmexxija, irridu nindirizzaw mingħajr aktar titubar. Il-fenomenu tan-nanniet li qed jieħdu ħsieb it-trobbija tal-ulied ta' dawk il-koppji jew single-parents li jaħdmu mhux sostenibbli. Qed ngħid dan għaliex din is-sistema hija mibnija fuq il-premessa li n-nanniet ikunu d-dar u għalhekk disponibbli sabiex jidħlu għal dan l-inkarigu. Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien, anqas nanniet se jkunu d-dar għaliex huma stess se jkunu qed jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol, u għalhekk il-ġenerazzjonijiet ta' għada se jaħbtu ma’ problema kbira li trid tiġi indirizzata sa mil-lum.

L-esperjenza fil-pajjiżi tat-Tramuntana bħal Fillandja, l-iSvezja u n-Norveġja fost oħrajn li mxew ’il quddiem fl-adozzjoni ta' sistemi li jwieżnu lill-ġenituri ta' tfal ta' età żgħira, għandha sservina sabiex aħna wkoll naddottaw prattiċi li jagħtuna alternattivi vijabbli fejn jidħlu t-trobbija tal-ulied. F'dan ukoll nara opportunità kbira għal ħidma id f'id bejn il-gvern ċentrali, il-kunsilli lokali, l-għaqdiet mhux governattivi inkluż il-Knisja u anki s-settur privat sabiex jitwaqqfu ċentri u jiġu mnedija inizjattivi ta' kura u tagħlim - kemm formali kif ukoll informali - fejn it-tfal tagħna jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom ta' wara l-iskola sakemm il-ġenituri tagħhom jirritornaw lura mix-xogħol.

F'dan ir-rigward ilni snin insostni li jista’ jsir użu ferm aħjar mill-faċilitajiet tal-iskejjel tagħna li bosta drabi jispiċċaw ċentri mejta wara l-ħin tal-iskola formali. Nemmen li bi ftit kuraġġ u bi ftit ta' ħsieb alternattiv, is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu attwati fi żmien qasir u mingħajr ħafna diffikultajiet.
‪‬
Malta Ottimista

Ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali irreveda 'l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta. L-esperti tal-IMF faħħru s-servizz taċ-childcare b’xejn u miżuri oħra li ttieħdu fl-oqsma soċjali u tax-xogħol. Dan kollu jirrifletti li l-inizjattivi li ġew imnedija mill-Gvern Laburista bdew iħallu r-riżultati.

 
Mhux ta’ b’xejn li fl-awguri tiegħu għal din is-sena l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ugwaljanza se tkun tema ewlenija għall-ħidma tal-gvern għall-2015.

Dan kollu juri kemm verament il-Gvern Laburista jemmen f'soċjetà aktar ġusta u ekwa.‪ Fi kliem il-Prim Ministru stess, il-ħidma tal-Gvern għal din is-sena għandha tiffoka fost affarijiet oħra fuq il-kisba tal-ugwaljanza bejn nisa u rġiel u dan b'mod li n-nisa jsiru dejjem aktar involuti fil-proċess tad-deċiżjonijiet f’pajjiżna. Ma nistgħux ninsew il-ħatra importanti li kellna s-sena li għaddiet, meta l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca nħatret bħala President tar-Repubblika. Din il-ħatra bla dubju għandha sservi ta’ ispirazzjoni għal eluf ta’ nisa u tfajliet Maltin u Għawdxin. Madankollu, irridu niftakru li dan is-sinjal ma jistax jintemm ma’ din il-ħatra u rridu nħarsu lejn aktar sorsi ta' ispirazzjoni ta’ kif in-nisa, ommijietna, uliedna, ħutna, li huma nofs il-popolazzjoni tagħna, ikollhom sehem aktar dirett fid-deċiżjonijiet li tieħu s-soċjetà tagħna.‪‬‬

Għalhekk, pereżempju, huwa ta' sodisfazzjon li ninnota li mingħajr ħafna daqq tat-trombi u proklami, nofs il-ħatriet fuq il-ġudikatura li seħħew matul din il-leġislatura huma nisa.

 

Elezzjonijiet Kunsilli Lokali‪‬

Personalment ilni nsostni dwar il-ħtieġa li naraw aktar nisa jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja pubblika. Għandna test elettorali quddiemna. Dak tal-11 t’April, meta 34 lokalità madwar Malta u Għawdex se jmorru għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Meta tqabbel in-numru ta’ kandidati rġiel ma’ dak tan-nisa f’dawn l-elezzjonijiet lokali, ssib li n-numru ta’ nisa kandidati jibqa’ wieħed żgħir. Nemmen li wasal iż-żmien li mhux biss issir riflessjoni dwar dan, iżda li ssir analiżi profonda dwar x’qed ixekkel biex aktar nisa jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

Nifhem li ma tistax tbiddel kollox f'ħakka t'għajn, iżda minn x'imkien irridu nibdew.

Se nieħu din l-opportunità sabiex nagħmel proposta. Ejja naħdmu sabiex nilħqu kunsens politiku li l-ħinijiet tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali - imma anki dawk tal-Parlament, għaliex le? - m'għandhomx ikunu tard fil-għaxijiet b'mod li bosta nisa - imma anki rġiel - ma jħossuhomx komdi li jersqu ’l quddiem minħabba l-impenji tal-familja.

Din hija proposta faċli li tiġi implimentata u li ma tiswiex flus. Nemmen li xi ħaġa bhal din għandha twassal sabiex aktar nisa jersqu ’l quddiem sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom fuq livell politiku lokali.

Bħala NL – Nisa Laburisti, nemmnu li dan huwa importanti għaliex nemmnu li l-kontribut li jistgħu jagħtu n-nisa fil-ħidma pubblika huwa tassew vitali. Il-verità hi li qed ngħixu f'soċjetà li qed tinbidel b'ritmu mgħaġġel. Il-familji qed jinbidlu, il-mod kif naħsbu qed jinbidel u biex aħna bħala soċjetà nimxu ’l quddiem hemm bżonn li nużaw it-talenti ta' kulħadd, nisa daqskemm irġiel; għan-nisa tad-dar daqs kemm għall-professjonisti u l-ħaddiema; għaż-żgħazagħ kif ukoll għall-anzjani. Kulħadd għandu sehem x'jagħti għaliex kollha kemm aħna parti minn din is-soċjetà Maltija.

Claudette Abela Baldacchino hija President ta' Nisa Laburisti

More in Il-punt