Nazzjon bla identità ċara?

Trid tassew ma jkollokx ideat kburin ta’ pajjiżek, tal-identità tiegħek, biex f’okkażjoni ta’ tisħiħ nazzjonali ddur lura għall-imgħoddi inferjuri li kellek mal-kolonizzaturi tiegħek - Charles Xuereb

Dil-paġna fil-ktieb ta’ E.B. Vella ‘Ġabra ta’ Ward’ ippubblikat minn Oxford University Press fl-1956 fl-għaxar edizzjoni tiegħu, naħseb li ġġib nostalġija lil xi qarrejja anzjani li jiftakru fil-livell primarju tal-iskola kolonjali. Għal dak iż-żmien meta l-Maltin kienu suġġetti Brittaniċi wieħed kien jifhem din id-duttrina fina li flok tagħraf lil art twelidek u niesha tfittex tifhem int min int permezz ta’ sovrana barranija. Il-Maltin u l-Għawdxin ma kellhom ebda għażla oħra ħlief jixxenqu għal kap ta’ stat ieħor.

Iżda ħamsin sena wara l-indipendenza meta allura pajjiżek sar stat-nazzjon bi ħsus nattivi tiegħu, bi ġrajja u memorja li tagħrfek minn ġnus oħra, tifhem anqas għala waqt programm popolari televiżiv fuq l-istazzjon pubbliku għandekx twebbel lil żewġ imħuħ ta’ tfal innoċenti bl-idea li meta tagħti loomband (issa sirna nafu li tossika) lil dak li għada pitgħada għad ikun fuq tron fejn kienet dik ir-reġina ta’ dari, hija xi bravura! Qisha xi xenqa ta’ poplu għatxan għal xi kap simboliku ieħor, qisu tiegħek mhux biżżejjed.

Ngħiduha kif inhi l-anqas li dan ir-raġel irjali kellu jiġi jżurna f’isem din l-istess reġina ta’ Salvu u Karmenu tas-snin ħamsin ma nifhem! Trid tassew ma jkollokx ideat kburin ta’ pajjiżek, tal-identità tiegħek, biex f’okkażjoni ta’ tisħiħ nazzjonali ddur lura għall-imgħoddi inferjuri li kellek mal-kolonizzaturi tiegħek, ukoll jekk f’għajnejk illum ma tarahomx aktar koroh. Insult lil dawk il-mexxejja u l-ħassieba tal-bieraħ li għamlu minn kollox biex jiksbu dak li emmnu kellu jagħmilna Maltin kburin.

Żjarat irjali

Ġimgħa ilu f’dan il-ġurnal qrajt li hemm xi ħjiel li s-sena d-dieħla jkollna żjarat akbar tal-familja irjali Brittanika. Ftakart fiż-żjarat li kienu jseħħu fi żmien kolonjali meta konna nżejnu t-toroq u nkantaw versi adolatorji għal min konna nemmnu seta’ jipprovdilna l-ħobża ta’ kuljum fil-biża’ li jekk tipprotesta tista’ tiġi eżiljat (minn Vassalli, Dimech sa tal-Uganda) jekk mhux ukoll maqtul waqt il-kontroll tal-folol bħal fl-1919.
Tgħid lil dawn il-membri rjali Brittaniċi qed nistħajluhom xi stilel tal-ispettaklu jew tal-futbol? Forsi għadna fl-istadju li rridu nogħġbu lil dawk li fil-fehma tagħna għal bosta snin kienu jidhru ‘superjuri’?

Possibli ħadd mhu qed jintebah li dawn il-persuni, dħulin kemm huma dħulin, iġorru magħhom simbolu enormi ta’ passat li fih konna dejjem meqjusin anqas miċ-ċittadini f’pajjiżhom? Possibli ġa nsejna li wara li barrejna lill-Franċiżi li kienu se jibdew l-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd, stennejna 70, 80 sena sa ma sar sforz biex jinfetħu l-iskejjel? Għaddew għexieren ta’ snin sakemm taw pożizzjonijiet responsabbli lill-Maltin f’pajjiżhom? Possibli li ġa nsejna li biex ksibna gvern rappreżentattiv kellhom jgħaddu 121 sena?! Illum hawn dibattitu sħiħ fuq meta għandhom isiru elezzjonijiet tal-kunsilli lokali… meta konna kolonja il-ġlieda kienet isirux elezzjonijiet ġenerali skont meta u kif jogħġbu l-gvernatur. X’differenza tkun ħieles u tikkmanda f’pajjiżek!

Possibli ħadd mhu qed jgħaddilu minn moħħu li stat sovran barra l-ekonomija li tista’ tkun ġejja in parti mit-turiżmu tas-suq Ingliż, kull nazzjon għandu wkoll ir-ruħ kulturali tiegħu, il-memorja kollettiva li tagħtih identità u bl-ebda mod m’għandu jibqa’ joħloq sitwazzjonijiet li jinkalkaw ideat servili fil-moħħ taċ-ċittadini futuri tagħna? Kemm għandna opinjoni baxxa u inferjuri tagħna nfusna li qisna għad għandna bżonn simbolu ta’ awtorità ta’ pajjiż ieħor biex insibu min aħna? Qatt naraw pajjiżi oħra li l-festi nazzjonali tagħhom jiċċelebrawhom billi jippruvaw jimpressjonaw kap ta’ pajjiż ieħor?

Il-George Cross ma jidentifikaniex bħala Maltin

Malta ġa qed tumilja ruħha quddiem il-komunità internazzjonali billi sal-lum iġġorr midalja ta’ re barrani li għalkemm das-salib ħaqqu kull ġieħ, imqar monument ħdejn il-qanpiena tal-gwerra fuq il-port, m’għandu qatt jintuża biex jidentifikana mal-komunità tad-dinja. Il-George Cross fuq il-bandiera mhux biss qed jirredikola kull sens kburi ta’ pajjiżna għax hu għelm li tak xi ħadd (anki jekk ħaqqek) għax kien fuqek u qdejtu fi gwerra tiegħu iżda wkoll għax aħna l-Maltin, mill-kbir saż-żgħir, qatt ma għamilnih is-simbolu nazzjonali tagħna, bħalma ngħidu aħna għamilna s-salib tat-tmien ponot. Il-George Cross ħadd ma jrid jużah hawn Malta – ma tarahx fuq l-ajruplani tagħna, ma tarahx fuq elf flokk Malti fl-isports internazzjonali, ma tarahx fuq il-muniti, ma tarahx bħala logo f’xi kumpanija jew istituzzjoni, ma rajnihx fuq il-kantant Joseph Calleja meta fetaħ sidru quddiem udjenza Brittanika, Londra. Ma tarah imkien għax ħadd ma jidentifika ruħu bħala Malti bil-George Cross! Imma sadanittant il-bandiera tibqa’ hemm, tperper biex tfakkar lid-dinja kollha li dil-eks-kolonja għadha ferħana li kienet sottomessa taħt forza barranija għal kważi żewġ sekli. Ferħanin bl-inferjorità tal-imgħoddi.

Niftehmu ma tistax ma tinnotax ċertu maturità fil-Maltin. Meta żarna l-Prinċep William ftit ġimgħat ilu ma rajnix folol bħalma rajna meta ġie l-Papa, li rajna fis-snin ħamsin meta ġiet nanntu jew imqar fil-funeral ta’ Mintoff. Il-Maltin, illum indipendenti u repubblikani, għarfuha d-differenza. Meta qrajt f’dal-ġurnal ġimgħa ilu li għalkemm aħna Mediterranji “l-influwenza Ingliża sawritna u għamlitna dak li aħna llum” ma fhimtx eżatt x’kien qed jingħad. Sawritna bħala fiżiku? Sirna kollha bjondin bin-nemex? Sawritna fl-ilsien nattiv tagħna? Tlifna l-Malti? Sawritna fit-twemmin tagħna? Sirna Anglikani? Sawritna fl-imġieba tagħna? Bdejna nikkaċċjaw il-volpi? Nieklu biss is-sendwiġis u l-priżerv? Sawritilna l-palazzi fil-belt kapitali? Ħarrkitna minn bejn Sqallija u l-Libja?

Influwenzawna ħafna imma żgur ma sawruniex il-kolonizzaturi. Influwenzawna biżżejjed li nsegwu d-diviżjoni premier u nofsna jżommu mal-Ingliżi. M’hemm xejn ħażin. Insiefru spiss Londra għax-xiri; m’hemm xejn ħażin. L-Ingliż mill-gwerra ’l hawn sar lingwa komuni u spiss użata f’Malta u Għawdex u b’xorti tajba din il-lingwa llum difuża fid-dinja kollha. M’hemm xejn ħażin. Imma dawk sforzi li għamilna biex nibqgħu ħajjin – jekk ma kontx taf l-Ingliż fejn stajt tilħaq f’pajjiżek? Tajjeb ħafna tkun taf l-Ingliż illum, bħalma se jkun tajjeb ħafna li għada pitgħada tkun taf titkellem maċ-Ċinizi u l-Indjani jekk trid tibqa’ kompetittiv.
Meta se niġu f’tagħna? Meta se nintebħu li jekk ma jkollokx memorja nazzjonali nattiva ta’ pajjiżek ma jista’ qatt ikollok identità sana? U jekk ma jkollokx identità partikulari tiegħek, kif qatt tista’ tkun nazzjon? Jew tabilħaqq aktar kuntenti nġeddu l-mentalità kolonjali tagħna u nibqgħu rridu nogħġbu lil min ħakimna fl-imgħoddi biex verament naslu nkejlu x’aħna kapaċi nkunu? Tgħid jgħidulna bravi fl-aħħar? Jagħtuna verigud u forsi stilla fil-pitazz?! Meta se nikbru?

L-Università ta’ Malta se tniedi l-ktieb ta’ Charles Xuereb dwar l-identità Maltija nhar il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru fil-Berġa ta’ Provenza, il-Belt.

More in Il-punt