Damdimiet u tkaxkiriet elettorali

Wara kull elezzjoni kulħadd għaref. Mhux hekk biss imma filwaqt li r-rebbieħ jgħanni l-vittorja t-tellief ifittex skuża jew oħra jew jagħmel bħall-ħmar li jwaħħal f’denbu.  L-agħar ikun meta jinfexx f’tgħajjir minn xi daqqiet ċar u minn xi daqqiet sottili lill-elettorat li ċaħdu. Il-politiku intelliġenti jaċċetta dejjem il-verdett tal-poplu u jgħid li hu stess jeħtieġ jinbidel u mhux l-elettorat.
Hemm iżda xi ħaġa li naħseb ftit jirriflettu dwarha. Xi jkun għaddej minn qalb il-politikant wara delużjoni? Għall-Parlament Ewropew kellna fuq tliet tużżani kandidati imma nafu li sitta biss kienu se jiġu eletti. Konvint li barra dawn is-sitta bosta mill-bqija kienu fiduċjużi jekk mhux ċerti li se jitilgħu. X’ikun għaddej bejnhom u bejn ruħhom?
Issa s-siparju niżel, issa l-intervisti waqfu, issa l-ikliet u l-coffee mornings daqshekk. Issa jibqa’ biss id-delużjoni u forsi d-djun ta’ kampanja li ħarġet fjask. Ilsien in-nies jaqta’ daqs xafra msinna u l-botti jibdew jidhru stalletti. Xi wħud jgħidulek li ġaladarba daħlu għaliha jkun ħaqqhom jieħdu tisbita ħalli jitgħallmu.  
Irid ikollok qalbek tal-azzar biex ma tħossx weġgħat. Faċli kandidat deluż jinfexx f’rabja. Jibda jwaħħal f’kollox u f’kulħadd minbarra fih innifsu. Jibda jgħid li sofra inġustizzja u li l-mezzi tat-telekomunikazzjoni kienu żbilanċjati kontrih. Jibda jgħid li tal-partit tiegħu stess ħadmu kontrih u jġib mitt elf skuża talli ġralu li ġralu. Jinfexx jikteb li d-demokrazzija f’Malta ma teżistix għax hu ma ġiex elett.
Jista’ wkoll jirraġuna li forsi tiegħu ma kinitx telfa totali. Jgħid f’qalbu stajt mort agħar u jikkonsla b’li ġab jew saħansitra l-eluf ta’ voti li kellu minkejja li ma telax bihom huma sinjal qawwi li l-bidu tal-bidla qiegħda hemm u li d-darba li ġejja kulħadd jieħu r-risposta u d-dinja kollha u saħansitra l-anġli fis-sema jkunu jafu kemm ħames snin qabel kien sar żball. Jista’ wkoll jibda jiffantasizza li bil-perċentwali li ġab se jkun iħoll u jorbot għall-elezzjoni li ġejja jew dik tal-kunsilli lokali jew l-elezzjoni l-kbira. Qatt m’għandna nissottovalutaw l-awtodelużjoni kemm kapaċi tfixkel imħuħ.
Oħrajn iżda kapaċi taqbadhom depressjoni liema bħalha.  Jingħalqu fihom infushom u jsewdu qalbhom. Il-ġerħa ddum biex tingħalaq u jkollhom jirrikorru għal għajnuna psikoloġika.  Il-kandidati wara kollox jibqgħu bnedmin tad-demm u l-laħam.
Għall-grazzja t’Alla bosta minnhom jitgħallmu li anke minn delużjoni jista’ joħroġ il-frott. Alla jagħlaq bieb imma jiftaħ mija. Jindunaw li fil-politika m’għandhomx ċans u li n-nies wara kollox l-idolu trid u tħobb u din hi perikoluża. Forsi jintebħu li Alla jkun refagħhom minn xagħarhom billi ma telgħux.  Jiddeċiedu għalhekk jikkonċentraw ruħhom fuq dak li dejjem kien għal qalbhom bħall-professjonijiet tagħhom jew in-negozju li għandhom. Imnalla hu hekk għax wara kollox din hi demokrazzija ħajja. Iżda anke aħna l-votanti irridu nagħtu sehemna biex demokrazzija tkun verament ħajja billi il-kandidati li ma telgħux nirringrazzjawhom xorta waħda tal-isforz li għamlu. Imbagħad il-kanuni niftħuhom fuq dawk li marru jpoġġu bilqiegħda ġol-parlament ta’ Brussell u li fil-but se jdaħħlu paga pagun iġġiblek għajnejk wara widnejk. Dawn iva jridu jagħtu kont li dawk li eleġġewhom ta’ xogħolhom u issa kulħadd iħares lejhom. La daħlu għaliha issa jridu jġorru r-responsabilità tagħha.
U issa l-partit fil-Gvern, kulħadd warajh, kulħadd parti mir-riġment tas-suldati tal-azzar, anki saħansitra dawk li kienu jqisuhom bħala ta’ klassi inqas, issa saru parti minnhom; qalbu magħhom.  U dawk li gawdew fi snin imgħoddija, issa ssibhom gallarija jaraw lill-vapur li wassalhom jegħreq, flok imorru jagħtu daqqa t’id. Tal-mistħija! Dan huwa poplu li s-Sibt jilgħab għal-lottu u fil-knisja jitlob għax-xita.

Ivan Bartolo
[email protected]

 

More in Il-punt