Tfittxija għall-verità

Id-Dipartiment tal-Forensika kien joffri sfida ġdida. Fit-tmeninijiet id-dipartiment kien għadu fil-bidu tiegħu, imma kienet qed tinħass sew il-bidla li kien ġab miegħu sa mit-twaqqif tiegħu. Minkejja li l-pulizija kienu ilhom jużaw l-impronti diġitali bħala parti minn servizzi xjentifiċi issa kien twaqqaf dipartiment sħiħ li jutilizza b’mod aktar wiesa’ l-qafas xjentifiku biex jgħin biex jissolvew reati kriminali li ma joqgħodx biss fuq stqarrija.
Dan fost oħrajn, hu l-faxxinu tax-xjenza forensika.
Dħalt id-Dipariment tal-Forensika fl-1986 wara l-każ tal-EgyptAir. Kont ġej mid-Dipartiment tal-Patoloġija, fl-Isptar San Luqa. Il-laboratorju kien għadu relattivament ġdid għalkemm ix-xogħol forensiku kien ilu jiġi mitlub mill-Qorti.
Bħala laboratorju konna qed narmaw tajjeb taħt it-treġġija ta’ Dr. A. Abela Medici. u nagħtu l-frott mixtieq, għax l-evidenza mil-laboratorju ma kinitx tkun ibbażata minn evidenza okulari, imma minn riżultati xjentifiċi li huma aktar oġġettivi.
Jiena dħalt fit-taqsima tal-body fluids. Il-kap dirett tiegħi kien għadu kif iggradwa bħala spiżjar. Sieħbi l-ieħor kien wasal biex jilħaq. Kont ukoll tgħallimt napplika ħafna mit-teknika li tgħallimt l-isptar għall-użu forensiku, u aktar.
Bdejt nara u naffaxxina ruħi bix-xogħol ta’ madwari. Ix-xogħol kien imżewwaq sew. Kont nagħmel xogħol fejn konna neżaminaw esebiti li jinġabru minn fuq ix-xena tar-reat jew li jgħaddulna l-Qorti. Dawn kienu jikkonsistu f’kull ħaġa immaġinabbli - ħwejjeġ, sigaretti, eċċ. L-aktar li konna naħdmu kien fuq id-demm u f’xi każijiet fuq xi allegat stupru. Konna nħażżu skizz tal-esebit, u mbagħad nimmarkaw il-partijiet partikolari fejn tinsab evidenza sabiex isiru aktar testijiet.
Fil-laboratorju tal-Università kien isir ħafna xogħol. Kien hemm scanning electron microscope... apparat sofistikat li kien jintuża l-aktar f’każijiet ta’ sparaturi. Kien hemm min kien jaħdem fuq il-linka u dokumenti, bombi, fluwidi mill-awtopsja, droga eċċ. F’kull każ, kull riżultat miksub jgħin lil qorti sabiex tkun tista’ tasal għal eżitu. M’hemmx riżultat pożittiv jew negattiv, imma biss riżultat validu.
Għax ix-xjenza forensika dik li hi… l-użu tax-xjenza għas-servizz legali...
Niftakar kemm konna noqogħdu attenti biex l-evidenza miġbura ma nniġġsuhiex. Konna nilbsu indumenti u ingwanti, imma mhux biss, u x-xogħol fejn jista’ kien jiġi kkonfermat b’żewġ tekniċi differenti. Konna wkoll flimkien naraw liema huma l-aktar analiżi importanti li għandhom isiru sabiex noħorġu riżultat konklussiv li jkun jista’ jgħin fit-twettiq tal-ġustizzja…
Wara li ġejt mill-istudji tiegħi minn barra fl-1990, spiċċajt waħdi fil-laboratorju. Il-laboratorju kien iċċaqlaq mill-Università għal ġod-Depot. Kelli kamra żgħira li fiha kont nagħmel ix-xogħol. L-ambjent tad-Depot huwa differenti ħafna mill-Università. Kont pajżan qalb il-pulizija. Mentalità u modi differenti li wieħed irid jaġġusta għalihom… u anke dan jieħu ż-żmien. Barra minn hekk ix-xogħol żdied sew għax issa mhux biss ridt nagħmel l-analiżi, imma anke noħroġ fuq ix-xena ta’ reat f’każijiet serji u anke inqas serji, nagħmel ir-rapporti lil qorti, nitla’ nixhed u anke ‘niddefendi’ r-rapport f’xi ġuri.
Kont nistħajjel li qiegħed f’xi film, l-avventura qed tiżvolġi quddiem għajnejja. Madwari dejjem f’ħafna attività. Kont nirrelata lil Maġistrat li kien jaħtarni. Mhux dejjem kont inkun naf kif qed jiżviluppa l-każ, u naħseb li kienu jżommuni fl-għama għal tal-apposta. Kienu jagħmlu hekk biex ma nkunx preġudikat lejn xi evidenza. Darba kull tant żmien kienu jagħmlu ‘crime conference’, u konna niddiskutu l-evidenza mal-Maġistrat. Naħseb din hi idea tajba ħafna…Kull każ huwa storja fih innifsu.
L-aktar li kienu jgħajtulna kien bil-lejl… u fil-weekends… u fis-sajf! Każ ikarkar, u trid tkun hemm biex tistudja l-madwar, biex televa l-evidenza. Trid tibqa’ żvelt u attent il-ħin kollu, mingħajr ma teskludi xejn. Moħħ miftuħ dwar id-dinamika tar-reat… Ma’ sħabi bnejt relazzjoni professjonali li kienet ittaffi xi ftit il-mumenti ta’ għeja, ta’ dwejjaq u ta’ tbatija li konna niltaqgħu magħhom.
Lanqas ma konna naħdmu f’iżolament. F’ħafna każijiet kien ikun hemm pulizija esperta tal-fotografija, tal-impronti diġitali jew tal-ballistika. Imma mhux biss! Kien hemm esperti oħra... periti, tobba, avukati, mekkaniks eċċ. Kull każ huwa proċess dinaniku li jinvolvi aktar minn aspett wieħed.
Imbagħad, konna nitilgħu l-Qorti biex nippreżentaw ir-rapport tagħna. Il-Maġistrat jingħata r-riżultat dwar l-eżitu tat-testijiet. Inkella, nitilgħu nixhdu f’xi kumpilazzjoni. Tistenna kull tip ta’ mistoqsija minn kull parti u trid tkun attent, fidil u preċiż fit-tweġibiet. M’hemmx lok ta’ żbalji. F’ġuri mbagħad il-mistoqsijiet ikunu jeħtieġu aktar dettall. Mhux biss trid tispjega lil Onor Imħallef, imma l-ġurati, li ġieli staqsew mistoqsijiet tassew pertinenti.
Il-forensika llum hija differenti minn kif kienet f’dawk iż-żminijiet. Taqsimiet inqassmu sew u saħansitra xogħol ġie mogħti lil kuntratturi privati. Ix-xogħol analitiku li konna nagħmlu f’dipartiment wieħed illum isir f’tal-anqas tliet postijiet differenti. Aħjar? Agħar? Naħseb huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li jridu jwieġbu jekk ix-xogħol illum hux aktar effettiv fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Christopher Farrugia huwa gradwat fix-Xjenza tal-Forensika mill-Università ta’ Strath fir-Renju Unit.

More in Il-punt